IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 24 ta’ April 2019

 

Katekeżi fuq il-“Missierna”: 13. Bħalma naħfru lil min hu ħati għalina

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed inkomplu bil-katekeżi fuq il-ħames talba tal-“Missierna”, billi nieqfu fuq l-espressjoni “bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Rajna kif il-bniedem hu midjun ma’ Alla: minnu rċivejna kollox, kemm f’dik li hi natura u kemm f’dik li hi grazzja. Ħajjitna mhux biss kienet mixtieqa, imma maħbuba minn Alla. Tassew ma hemmx post għall-preżunzjoni meta niġbru jdejna fit-talb. Fil-Knisja ma jeżistux “self made men”, irġiel li saru hekk waħidhom. Aħna lkoll midjuna ma’ Alla u ma’ tant persuni li rregalawlna kundizzjonijiet ta’ ħajja favorevoli. L-identità tagħna tinbena ibda mill-ġid li rċivejna. L-ewwel waħda l-ħajja.

 

Min jitlob, jitgħallem jgħid “grazzi”. U aħna ħafna drabi ninsew ngħidu “grazzi”, għax aħna egoisti. Min jitlob, jitgħallem jgħid “grazzi” u jitlob lil Alla juri tjieba miegħu. Nagħmlu kemm nagħmlu sforz aħna, dejjem ħa jibqgħalna dejn immens ma’ Alla, li qatt ma nistgħu nifduh kollu: hu jħobbna bla tarf ħafna iżjed milli nħobbuh aħna. U mbagħad, inħabirku kemm inħabirku biex ngħixu skont it-tagħlim Nisrani, fil-ħajja tagħna dejjem ħa jkun hemm xi ħaġa li tagħha rridu nitolbu maħfra: ejja naħsbu fil-jiem li qattajna fl-għażż, fil-mumenti fejn il-korla mliet lil qalbna, u l-bqija. Dawn l-esperjenzi, li b’xorti ħażina mhumiex daqshekk rari, iġagħluna nitolbu: “Mulej, Missier, aħfrilna dnubietna”. U hekk nitolbu maħfra lil Alla.

 

Meta toqgħod taħseb, l-invokazzjoni setgħet anki tillimita ruħha għal din l-ewwel parti; kienet tkun sabiħa. Imma Ġesù jżidilha t-tieni espressjoni li hi magħquda ħaġa waħda mal-ewwel waħda. Ir-relazzjoni ta’ tjieba vertikali min-naħa ta’ Alla tintlewa u hi msejħa titlaħħam f’relazzjoni ġdida li ngħixu ma’ ħutna: relazzjoni orizzontali. Alla, li hu kollu tjieba, jistedinna lkoll inkunu twajba bħalu. Iż-żewġ partijiet tal-invokazzjoni jintrabtu flimkien b’konġunzjoni iebsa: nitolbu lill-Mulej jaħfrilna d-djun tagħna, dnubietna, “bħalma” aħna naħfru lil ħbiebna, lil dawk li jgħixu magħna, qrabatna, il-persuni li għamlulna azzjoni xejn sabiħa.

 

Kull Nisrani jaf li hemm għalih il-maħfra tad-dnubiet, dan kollha nafuh: Alla jaħfer kollox u jaħfer dejjem. Meta Ġesù jirrakkonta lid-dixxipli tiegħu l-wiċċ ta’ Alla, ifissru b’espressjonijiet ta’ ħniena u tjieba liema bħalha. Jgħid li hemm iżjed ferħ fis-smewwiet għal midneb wieħed li jindem, milli għal ġemgħa sħiħa ta’ ġusti li m’għandhomx bżonn ta’ ndiema (ara Lq 15:7,10). Fil-Vanġeli m’hemm xejn li jġagħalna nissuspettaw jekk Alla jaħfirx id-dnubiet ta’ min għandu qalbu miftuħa u jitlob li jiġi mgħannaq lura.

 

Imma l-grazzja ta’ Alla, hekk kotrana, hi dejjem impenjattiva. Min irċieva ħafna jeħtieġ jitgħallem jagħti ħafna u ma jżommx għalih biss dak li rċieva. Min irċieva ħafna jrid jitgħallem jagħti ħafna. Mhux ta’ b’xejn li l-Vanġelu ta’ Mattew, dritt wara li rregalalna t-test tal-“Missierna”, fost is-seba’ espressjonijiet użati jieqaf biex jagħfas iktar proprju fuq dik tal-maħfra tal-aħwa: “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom” (Mt 6:14-15). Din qawwija! U bejni u bejn ruħi ngħid: ġieli smajt lil min jgħid: “Lil dik il-persuna ma nista’ naħfrilha qatt! Dak li għamluli qatt ma jien se naħfrilhom tiegħu!”. Imma jekk int ma taħfirx, Alla mhux ħa jaħfirlek. Tkun qed tagħlaqlu l-bieb. Ejjew naħsbu, aħna, jekk aħniex kapaċi naħfru jew le. Wieħed qassis, meta kont għadni fid-djoċesi l-oħra, irrakkontali mbikkem li kien mar biex jagħti s-Sagramenti tal-aħħar lil waħda anzjana li kienet waslet biex tmut. L-imsejkna mara ma setgħetx titkellem. U s-saċerdot qalilha: “Sinjura, int jiddispjaċik ta’ dnubietek?”. Il-mara qaltlu iva; ma setgħetx tistqarrlu dnubietha imma qaltlu iva. Biżżejjed. U mbagħad: “Int lill-oħrajn taħfrilhom?”. U dik il-mara, fil-punt tal-mewt qaltlu: “Le”. Il-qassis baqa’ mbikkem. Jekk int ma taħfirx, Alla mhux sa jaħfirlek. Ejjew naħsbu, aħna li ninsabu hawn, jekk naħfrux jew jekk aħniex kapaċi naħfru. “Dun, ma jirnexxilix, għax dawk minn kollox għamluli”. Imma jekk ma jirnexxilekx, itlob lill-Mulej jagħtik il-qawwa biex tasal: Mulej, għinni naħfer. Hawn insibu r-rabta qawwija bejn l-imħabba ta’ Alla u dik tal-proxxmu. L-imħabba titlob l-imħabba, il-maħfra ssejjaħ il-maħfra. F’Mattew ukoll insibu parabbola intensa ħafna ddedikata lill-maħfra tal-aħwa (ara 18:21-35). Nisimgħuha.

 

Kien hemm qaddej li kellu dejn enormi mas-sultan tiegħu: għaxart elef talent! Somma impossibbli biex troddha; ma nafx kemm tiġi fi flus tal-lum, imma mijiet ta’ miljuni. Imma jseħħ il-miraklu, u dak il-qaddej jirċievi mhux estensjoni għall-pagament, imma l-maħfra sħiħa. Grazzja li qatt ma ħolom! Imma jiġri li proprju dak il-qaddej, dritt wara, ħadha qatta’ bla ħabel kontra ħuh li kien midjun miegħu b’mitt dinar – ħaġa żgħira –, u, imqar jekk din kienet ċifra passabbli, ma aċċetta l-ebda skuża jew tkarrib tiegħu. Għalhekk, fl-aħħar, is-sid jerġa’ jsejjaħlu u jikkundannah. Għax jekk ma tagħmilx sforz biex taħfer, mhux sa tiġi maħfur; jekk ma tisfurzax ftit biex tħobb, lanqas sa tiġi maħbub.

 

Fir-relazzjonijiet umani Ġesù jdaħħal il-qawwa tal-maħfra. Fil-ħajja mhux kollox jissewwa bil-ġustizzja. Le. Fuq kollox hemm fejn ikun hemm bżonn jitqaċċat il-ħażen, ikun hemm bżonn li xi ħadd iħobb iżjed mid-dovut, biex jerġa’ jibda storja ta’ grazzja. Il-ħażen għandu l-vendetti tiegħu, u jekk ma nwaqqfuhx, nirriskjaw li jibqa’ jixtered u jifga d-dinja kollha.

 

Flok il-liġi tal-vendetta – dak li int għamilt lili, jien nagħmlu lura lilek – Ġesù jqiegħed il-liġi tal-imħabba: dak li Alla għamel miegħi, jien nagħmlu lura miegħek! Ħa naħseb illum, f’din il-ġimgħa hekk sabiħa tal-Għid, jekk iniex kapaċi naħfer. U jekk inħoss li m’iniex kapaċi, jeħtieġ nitlob lill-Mulej jagħtini l-grazzja li naħfer, għax hi grazzja li tkun taf taħfer.

 

Alla jagħti lil kull Nisrani l-grazzja li jikteb storja ta’ tjieba fil-ħajja ta’ ħutu, speċjalment ta’ ta’ dawk li għamlu xi ħaġa ħażina jew żbaljata. B’kelma, b’tgħanniqa, bi tbissima, nistgħu ngħaddu lill-oħrajn dak li rċivejna l-aktar prezzjuż. Liema hi l-aktar ħaġa prezzjuża li rċivejna? Il-maħfra, li rridu nkunu kapaċi nagħtu anki lill-oħrajn.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard