PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 24 ta’ April 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-Kredu aħna nistqarru li Ġesù “għandu jerġa’ jiġi fil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin”.  L-istorja tal-bniedem tibda bil-ħolqien tar-raġel u tal-mara fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla u tagħlaq bil-ġudizzju finali minn Kristu.  Spiss ninsew dawn iż-żewġ poli ta’ l-istorja, u fuq kollox il-fidi fil-miġja mill-ġdid ta’ Kristu u fil-ġudizzju finali kultant m’hix daqshekk ċara u soda fil-qlub ta’ l-Insara.  Tul il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù spiss waqaf jitkellem fuq ir-realtà ta’ l-aħħar miġja tiegħu.  Il-lum nixtieq nirrifletti fuq tliet siltiet mill-Vanġelu li jgħinuna nidħlu f’dan il-misteru: dik ta’ l-għaxar xebbiet, dik tat-talenti u dik tal-ġudizzju finali.  It-tlieta li huma jagħmlu parti mid-diskors ta’ Ġesù dwar l-aħħar taż-żminijiet, fil-Vanġelu ta’ San Mattew.

 

Qabel xejn niftakru li, bit-Tlugħ is-Sema, l-Iben ta’ Alla qiegħed quddiem il-Missier l-umanità tagħna li Hu għamel tiegħu u jrid jiġbed lil kulħadd lejh, isejjaħ id-dinja kollha biex tiġi milqugħa mid-dirgħajn miftuħa ta’ Alla, sakemm, fi tmiem l-istorja, ir-realtà kollha tingħata lill-Missier.  Imma hemm dan iż-“żmien immedjat” bejn l-ewwel u l-aħħar miġja ta’ Kristu, li hu sewwa sew iż-żmien li qed ngħixu fih aħna.  F’dan il-kuntest taż-“żmien immedjat” issib postha l-parabbola ta’ l-għaxar xebbiet (ara Mt 25:1-13).  Titkellem dwar għaxar xebbiet li qed jistennew il-wasla ta’ l-Għarus, imma dan jiddawwar ma jiġi u sadattant jagħmel bihom in-ngħas.  Hekk kif f’salt jitħabbar li l-Għarus daqt jasal, ilkoll jitħejjew biex jilqgħuh, imma waqt li ħamsa minnhom, għaqlin, għandhom żejt biżżejjed biex iżommu l-imsiebaħ mixgħula, l-oħrajn, boloh, jibqgħu bl-imsiebaħ mitfija għax m’għandhomx żejt; u x’ħin imorru jfittxuh, jasal l-Għarus u x-xebbiet boloh isibu magħluq quddiemhom il-bieb li jagħti aċċess għall-festa tat-tieġ.  Iħabbtu b’insistenza, imma issa tard wisq, l-Għarus iwieġeb: ma nafkomx.  L-Għarus hu l-Mulej, u ż-żmien ta’ stennija għall-miġja tiegħu hu ż-żmien li Hu jagħtina, lilna lkoll, bi ħniena u sabar, qabel tasal l-aħħar miġja tiegħu; hu żmien ta’ sahra; żmien li fih jeħtieġ inżommu mixgħula l-imsiebaħ tal-fidi, tat-tama u ta’ l-imħabba, fejn qalbna nżommuha miftuħa għat-tajjeb, għall-ġmiel u għall-verità; żmien li jeħtieġ ngħixuh kif irid Alla, għax la nafu l-jum u lanqas is-siegħa li fiha għad jerġa’ jiġi Kristu.  Li hu mitlub minna hu li nkunu mħejjija għal din il-laqgħa – imħejjija għal laqgħa, għal laqgħa sabiħa, il-laqgħa ma’ Ġesù –, li jfisser li nagħrfu naqraw is-sinjali tal-preżenza tiegħu, inżommu l-fidi tagħna mixgħula, bit-talb, bis-Sagramenti, nishru biex ma norqdux, biex ma ninsewx lil Alla.  Il-ħajja ta’ l-Insara rieqda hi ħajja ta’ diqa, m’hix ħajja hienja.  In-Nisrani għandu jkun hieni, bil-ferħ li jagħtih Ġesù.  Ma norqdux!

 

It-tieni parabbola, dik tat-talenti, tgħinna nirriflettu fuq ir-relazzjoni bejn kif inħaddmu d-doni li rċivejna minn għand Alla u l-miġja mill-ġdid tiegħu, li fiha għad jistaqsina kif ħaddimniehom (ara Mt 25:14-30).  Nafuha l-parabbola: qabel jitlaq, is-sid iħalli xi talenti lil kull wieħed mill-qaddejja, biex iħaddmuhom tajjeb tul iż-żmien ta’ l-assenza tiegħu.  Lill-ewwel wieħed jagħtih ħamsa, lit-tieni tnejn u lit-tielet wieħed.  Kemm idum nieqes, l-ewwel żewġ qaddejja jimmultiplikaw it-talenti tagħhom – dawn kienu muniti qodma –, imma t-tielet wieħed jippreferi jidfen fil-ħamrija t-talent tiegħu biex iroddu lura lil sidu kif tahulu.  Mal-wasla tiegħu lura, is-sid jagħmel ġudizzju tax-xogħol tagħhom: ifaħħar lill-ewwel tnejn, waqt li t-tielet wieħed jiġi mkeċċi ’l barra fid-dlamijiet, għax minħabba l-biża’ żamm moħbi dak it-talent, u ngħalaq fih innifsu.  In-Nisrani li jingħalaq fih innifsu, li jaħbi dak kollu li l-Mulej tah, hu Nisrani… m’hux Nisrani!  Hu Nisrani li ma jirringrazzjax lil Alla għal dak kollu li tah!  Minn dan nitgħallmu li l-istennija għall-miġja mill-ġdid tal-Mulej hi ż-żmien ta’ l-azzjoni – aħna ninsabu fiż-żmien ta’ l-azzjoni –, iż-żmien li fih nagħmlu l-frott mid-doni ta’ Alla mhux għalina nfusna, imma għaliH, għall-Knisja, għall-oħrajn, iż-żmien li fih infittxu dejjem li nkattru l-ġid fid-dinja.  U b’mod partikulari f’dan iż-żmien ta’ kriżi, il-lum, hu importanti li ma ningħalqux fina nfusna, jew nidfnu taħt l-art it-talent tagħna, l-għana spiritwali, intellettwali, materjali tagħna, dak kollu li l-Mulej tana, imma jeħtieġ ninfetħu, inkunu solidali, inkunu attenti għall-persuna l-oħra.  Fil-pjazza rajt li hawn ħafna żgħażagħ: veru dan?  Hawn ħafna żgħażagħ?  Fejn qegħdin?  Lilkom li tinsabu fil-bidu tal-mixja tal-ħajja, nistaqsikom: Qatt ħsibtu fit-talenti li takom Alla?  Ħsibtu dwar kif tistgħu tqiegħduhom għas-servizz ta’ l-oħrajn?  Tidfnux it-talenti tagħkom!  Ilagħbu ħajjitkom fuq ideali kbar, dawk l-ideali li jwessgħu ’l-qalb, dawk l-ideali ta’ servizz li jkattru l-frott tat-talenti tagħkom.  Il-ħajja ma ngħatatilniex biex nikkonservawha b’mod possessiv għalina nfusna, imma ngħatatilna biex nagħtuha.  Għeżież żgħażagħ, araw li jkollkom qalb kbira!  La tibżgħux toħolmu ħwejjeġ kbar!

 

Fl-aħħar nett, ngħid kelma fuq is-silta tal-ġudizzju finali, li fiha nsibu mfissra t-tieni miġja tal-Mulej, meta Hu għad jiġġudika l-bnedmin kollha, ħajjin u mejtin (ara Mt 25:31-46).  Ix-xbieha li juża l-evanġelista hi dik tar-ragħaj li jifred in-nagħaġ mill-mogħoż.  Fuq il-lemin hemm dawk li għexu skond ir-rieda ta’ Alla, għenu lill-proxxmu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs – għidt “barrani”: jiġuni f’moħħi tant barranin li qegħdin hawn fid-Djoċesi ta’ Ruma: x’qed nagħmlu għalihom? – waqt li fuq ix-xellug imorru dawk li m’għenux lill-proxxmu.  Dan jurina li aħna sa niġu ġġudikati minn Alla fuq il-karità, fuq kif inkunu ħabbejnieh f’ħutna, speċjalment dawk l-iktar dgħajfa u fil-bżonn.  Daż-żgur, irridu nżommu f’moħħna dejjem li aħna ġejna ġġustifikati, mifdija bil-grazzja, b’att ta’ mħabba gratwita ta’ Alla li dejjem jimxi qabilna; waħidna ma nistgħu nagħmlu xejn.  Il-fidi hi qabel xejn don li aħna rċivejna.  Imma biex tagħmel il-frott, il-grazzja ta’ Alla għandha bżonn dejjem li aħna nkunu miftuħa għaliH, it-tweġiba ħielsa u konkreta tagħna.  Kristu jġibilna l-ħniena ta’ Alla li ssalva.  Minna hu mitlub li nafdaw fiH, li nikkorrispondu mad-don ta’ mħabbtu b’ħajja tajba, magħmula minn għemejjel imqanqla mill-fidi u mill-imħabba.

 

Għeżież ħuti, meta nħarsu lejn il-ġudizzju finali m’għandna qatt nibżgħu; pjuttost għandu jqanqalna biex ngħixu aħjar il-preżent.  Alla, bil-ħniena u s-sabar tiegħu, joffrilna dan iż-żmien biex fih nitgħallmu ta’ kuljum kif nagħrfuh fil-foqra u fiċ-ċkejknin, inħabirku għat-tajjeb u nishru fit-talb u fl-imħabba.  Jalla l-Mulej, fi tmiem l-eżistenza tagħna u ta’ l-istorja, jagħrafna bħala qaddejja tajba u fidili.  Grazzi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard