IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 22 ta’ Awwissu 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti: 6. Weġġaħ isem il-Mulej

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nissoktaw bil-katekeżi tagħna fuq il-Kmandamenti u llum se nħarsu lejn il-kmandament “La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn” (Eż 20:7). Bir-raġun naqraw din il-Kelma bħala l-istedina biex ma nkasbrux l-isem ta’ Alla u nevitaw li ninqdew bih għalxejn b’xejn. Din it-tifsira ċara tħejjina biex ninżlu iktar fil-fond ta’ dawn il-kelmiet tad-deheb, biex ma nużawx isem Alla fil-batal, kif mhux suppost.

 

Ejja nisimgħu aħjar. Il-verżjoni “La ssemmix” hi traduzzjoni ta’ espressjoni li tfisser litteralment, bl-Ebrajk u anki bil-Grieg, “tiħux fuqek, titgħabbiex”.

 

L-espressjoni “fix-xejn” hi iktar ċara u trid tfisser: “fil-batal, għalxejn b’xejn”. Qed tirreferi għal qoxra li taħtha hemm il-vojt, forma nieqsa mill-kontenut. Din hi l-karatteristika tal-ipokrezija, tal-formaliżmu u tal-gidba, meta wieħed juża l-kliem jew juża isem Alla, imma fix-xejn, bla verità.

 

L-isem fil-Bibbja hu l-verità intima tal-ħwejjeġ u fuq kollox tal-persuni. L-isem spiss jirrappreżenta l-missjoni. Ngħidu aħna, Abraham fil-Ġenesi (ara 17:5) u Xmun Pietru fil-Vanġeli (ara Ġw 1:42) jirċievu isem ġdid biex jindika l-bidla tad-direzzjoni f’ħajjithom. U li tagħraf tassew l-isem ta’ Alla jwassal għall-bidla tal-istess ħajtek: minn xħin Mosè jagħraf isem Alla, l-istorja tiegħu tinbidel (ara Eż 3:13-15).

 

L-isem ta’ Alla, fir-riti Ebrajċi, jiġi pproklamat solennement fil-Jum tal-Maħfra l-Kbira, u l-poplu jiġi maħfur għax permezz tal-isem jidħol f’kuntatt mal-istess ħajja ta’ Alla li hu ħniena.

 

Mela, “tieħu fuqek l-isem ta’ Alla” jfisser li nassumu fuqna r-realtà tiegħu, li nidħol f’relazzjoni b’saħħitha, f’relazzjoni stretta miegħu. Għalina l-Insara, dan il-kmandament hu s-sejħa biex niftakru li aħna mgħammdin “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”, kif nistqarru kull darba li aħna stess irroddu s-salib, biex ngħixu l-azzjonijiet tagħna f’komunjoni sinċiera u reali ma’ Alla, jiġifieri fi mħabbtu. U dwar dan, li nagħmlu s-sinjal tas-salib, nixtieq intenni mill-ġdid: għallmu lit-tfal iroddu s-salib. Rajtu kif irodduh it-tfal? Jekk lit-tfal tgħidilhom: “Agħmlu s-sinjal tas-salib”, jagħmlu ħaġa li mank jafu xi tfisser. Ma jafux iroddu s-salib! Għallmuhom ilissnu l-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. L-ewwel att ta’ fidi ta’ tifel ċkejken. Dan xogħolkom, biex tagħmluh: tgħallmu lit-tfal iroddu s-salib.

 

Nistgħu nistaqsu: Jista’ jiġri li nieħdu fuqna l-isem ta’ Alla b’mod ipokritu, bħala formalità, fix-xejn? It-tweġiba b’xorti ħażina hija iva: iva, possibbli. Wieħed jista’ jgħix relazzjoni falza ma’ Alla. Ġesù dan kien jgħidu għall-imgħallmin tal-liġi; huma kienu jwettqu għemejjel, imma ma kinux jagħmlu dak li ried Alla. Kienu jitkellmu dwar Alla, imma ma kinux iwettqu r-rieda ta’ Alla. U l-parir ta’ Ġesù hu: “Agħmlu dak li jgħidulkom, imma tagħmlux kif jagħmlu huma”. Tista’ tgħix f’relazzjoni falza ma’ Alla, bħal dawk in-nies. U din il-Kelma tad-Dekalogu hi sewwasew l-istedina għal relazzjoni ma’ Alla li ma tkunx falza, ta’ wiċċ b’ieħor, imma tkun relazzjoni li fiha nafdaw fih b’dak kollu li aħna. Fl-aħħar mill-aħħar, sakemm ma nirriskjawx ħajjitna mal-Mulej, u mmissu b’idejna l-ħajja li nsibu fih, inkunu nlissnu biss teoriji.

 

Dan hu l-Kristjaneżmu li jmiss il-qlub. Għaliex il-qaddisin kapaċi tant imissu l-qlub? Għaliex il-qaddisin mhux biss jitkellmu, imma jitħarrku! Qalbna titqanqal meta persuna qaddisa tkellimna, tgħidilna xi ħaġa. U huma jaslu, għax fil-qaddisin naraw dak li l-qalb tagħna tant tixtieq: awtentiċità, relazzjonijiet veri, radikalità. U dan narawh ukoll f’dawk il-“qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna” li huma, ngħidu aħna, il-ħafna ġenituri li jagħtu lil uliedhom l-eżempju ta’ ħajja koerenti, sempliċi, onesta u ġeneruża.

 

Jekk joktru dejjem iżjed l-Insara li jieħdu fuqhom l-isem tal-Mulej bla falzità – u hekk jipprattikaw l-ewwel parti tat-talba tal-Missierna, “jitqaddes ismek” – it-tħabbira tal-Knisja tiġi iktar mismugħa u tkun iżjed kredibbli. Jekk il-ħajja konkreta tagħna turi l-isem ta’ Alla, naraw kemm hi sabiħa l-Magħmudija u x’don kbir hi l-Ewkaristija! X’għaqda sublimi hemm bejn il-ġisem tagħna u l-Ġisem ta’ Kristu: Kristu fina u aħna fih! Magħqudin! Din mhix ipokrezija, din hi verità. Hekk ma nkunux inparlaw fil-vojt jew nitolbu bħal pappagall, imma nkunu nitolbu bil-qalb, inħobbu lill-Mulej.

 

Mis-Salib ta’ Kristu ’l quddiem, ħadd ma jista’ jżeblaħ lilu nnifsu jew jaħseb ħażin dwar ħajtu. Ħadd u qatt! Għamel x’għamel. Għax l-isem ta’ kull wieħed u waħda minna qiegħed fuq l-ispallejn ta’ Kristu. Hu qed jerfagħna! Jixtaq li nieħdu fuqna l-isem ta’ Alla għax hu tgħabba sal-aħħar bl-isem tagħna, anki bil-ħażen li hemm fina; hu tgħabba biex jaħfrilna, biex fi qlubna jqiegħed imħabbtu. Għalhekk Alla f’dan il-kmandament jipproklama: “Ħudni fuqek, għax jien ħadtek fuqi”.

 

Kulħadd jista’ jsejjaħ l-isem qaddis tal-Mulej, li hu Mħabba fidila u ħanina, f’kull qagħda li fiha jinsab. Alla qatt mhu ħa jgħid “le” lil qalb li ssejjaħlu b’sinċerità. U nerġgħu lura għax-xogħol li għandna nagħmlu d-dar: ngħallmu lit-tfal iroddu sewwa s-salib.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard