IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 22 ta’ Mejju 2019

 

Katekeżi fuq il-Missierna16. Kull fejn tkun, sejjaħ lill-Missier

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed nagħlqu ċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq il-“Missierna”. Nistgħu ngħidu li t-talb Nisrani jitnissel mill-kuraġġ li nsejħu lil Alla bl-isem ta’ “Missier”. Dan hu l-għerq tat-talba Nisranija: li lil Alla nsejħulu “Missier”. Imma trid il-kuraġġ! Din mhix daqstant formula, daqskemm intimità filjali li fiha niġu mdaħħla bi grazzja: Ġesù jurina l-Missier u jdaħħalna f’familjarità miegħu. “Ma ħallilniex formola biex intennu mekkanikament. F’kull talba bil-fomm, l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Kelma ta’ Alla, jgħallem lil ulied Alla kif jitolbu lill-Missier” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2766). Ġesù nnifsu nqeda b’kemm-il espressjoni biex jitlob lill-Missier. Jekk naqraw il-Vanġeli b’attenzjoni, niskopru li dawn l-espressjonijiet ta’ talb li jwarrdu fuq fomm Ġesù jfakkruna fit-test tal-“Missierna”.

 

Ngħidu aħna, fil-lejl tal-Ġetsemani, Ġesù jitlob b’dan il-mod: “Abbà, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int” (Mk 14:36). Diġà tkellimna dwar din is-silta mill-Vanġelu ta’ Mark. Kif nistgħu, f’din it-talba, hi kemm hi qasira, ma nilmħux ħjiel tal-“Missierna”? Qalb id-dlamijiet, Ġesù jsejjaħ lil Alla bl-isem ta’ “Abbà”, b’fiduċja ta’ iben u, imqar jekk iħossu mbeżża’ u magħfus bit-tbatija, jitlob li tintgħamel ir-rieda tiegħu.

 

F’siltiet oħra tal-Vanġelu, Ġesù jisħaq mad-dixxipli tiegħu biex jikkultivaw spirtu ta’ talb. It-talb għandu jkun insistenti, u fuq kollox għandu jġorr fih it-tifkira tal-aħwa, speċjalment meta nkunu ngħixu relazzjonijiet diffiċli magħhom. Jgħidilna Ġesù: “U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom” (Mk 11:25). Kif nistgħu f’dawn l-espressjonijiet ma nisimgħux l-eku tal-“Missierna”? U l-eżempji jistgħu jkunu ħafna, anki għalina.

 

Fil-kitbiet ta’ San Pawl ma nsibu ebda test tal-“Missierna”, imma l-preżenza tagħha toħroġ f’dik is-sinteżi stupenda fejn it-talba tan-Nisrani tinġabar f’kelma waħda: “Abbà!” (ara Rum 8:15; Gal 4:6).

 

Fil-Vanġelu ta’ Luqa, Ġesù jissodisfa b’mod sħiħ it-talba tad-dixxipli li, meta jarawh spiss jinqata’ għalih waħdu u jintilef fit-talb, jum wieħed jaqtgħuha li jistaqsuh: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu” (11:1). U allura l-Imgħallem għallimhom it-talba lill-Missier.

 

Meta nieħdu t-Testment il-Ġdid b’mod sħiħ, nilmħu ċar li l-ewwel protagonista ta’ kull talba Nisranija hu l-Ispirtu s-Santu. Ma ninsewhiex din: il-protagonista ta’ kull talba Nisranija hu l-Ispirtu s-Santu. Aħna ma nistgħu qatt nitolbu mingħajr il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Huwa hu li jitlob fina u jqanqalna biex nitolbu tajjeb. Nistgħu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħallimna nitolbu, għaliex hu l-protagonista, dak li tabilħaqq jitlob fina. Hu jonfoħ in-nifs tiegħu fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, aħna li aħna dixxipli ta’ Ġesù. L-Ispirtu jagħtina li nitolbu bħala wlied Alla, kif tassew aħna bil-Magħmudija. L-Ispirtu jgħallimna nitolbu fil-“kanal” li Ġesù ħaffer għalina. Dan hu l-misteru tat-talb Nisrani: bi grazzja aħna miġbuda f’dak id-djalogu ta’ mħabba tat-Trinità Qaddisa.

 

Ġesù hekk kien jitlob. Xi drabi uża espressjonijiet li żgur huma mbiegħda ħafna mis-silta tal-“Missierna”. Jiġuna f’moħħna l-kelmiet tal-ftuħ tas-Salm 22, li Ġesù jlissen minn fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46). Jista’ l-Missier tas-Sema jitlaq waħdu lil Ibnu? Le, ovvja. Imma l-imħabba tiegħu għalina, midinbin, hawn wasslitu lil Ġesù: biex iduq l-abbandun ta’ Alla, iħossu mbiegħed, għax ħa fuqu t-toqol ta’ dnubietna kollha. Imma mqar fil-karba ta’ tbatija, tibqa’ l-“Alla tiegħi, Alla tiegħi”. F’dik it-“tiegħi” hemm il-qalba tar-relazzjoni mal-Missier, hemm il-qalba tal-fidi u tat-talb.

 

Għalhekk, jekk jibda minn din il-qalba, in-Nisrani jista’ jitlob f’kull qagħda. Jista’ jagħmel tiegħu t-talbiet kollha tal-Bibbja, speċjalment tas-Salmi; imma jista’ jitlob ukoll b’tant espressjonijiet li tul sekli sħaħ ta’ storja ħarġu mill-qalb tal-bnedmin. U lill-Missier ma nieqfu qatt nirrakkontawlu dwar ħutna l-bnedmin, biex ħadd minnhom, l-aktar il-foqra, ma jibqa’ mingħajr faraġ u farka mħabba.

 

Fi tmien din il-katekeżi, nistgħu ntennu dik it-talba ta’ Ġesù: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Lq 10:21). Biex nitolbu jeħtieġ niċċekknu, biex l-Ispirtu s-Santu jiġi fina u jkun hu li jmexxina fit-talb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard