IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Novembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti, 16: La tixtieqx in-nisa tal-oħrajn; la tixtieqx il-ħwejjeġ tal-oħrajn

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-laqgħat tagħna dwar id-Dekalogu llum qed iwassluna fl-aħħar Kmandament. Smajnieh ċar. Dawn mhumiex biss l-aħħar kelmiet tat-test, imma ħafna iżjed minn hekk: huma l-milja tal-vjaġġ tul id-Dekalogu, u jmissu l-qalba ta’ dak kollu li qed jiġi mgħoddi lilna permezz tiegħu. Fil-fatt, jekk nagħtu daqqa t’għajn iżjed mill-qrib, ma huma qed jagħtuna l-ebda kontenut ġdid: l-indikazzjonijiet “la tixtieqx il-mara […], la tixxennaqx għal xejn milli għandu għajrek huma tal-inqas moħbija fil-kmandamenti fuq l-adulterju u fuq is-serq; mela x’inhi l-funzjoni ta’ dawn il-kelmiet? Huma ġabra oħra fil-qosor? Jew huma xi ħaġa iżjed minn hekk?

 

Irridu nżommu tajjeb quddiem għajnejna li l-Kmandamenti kollha għandhom l-għan li juruna sa fejn nistgħu naslu fil-ħajja, il-limitu li, meta jaqbżu, il-bniedem ikun jeqred lilu nnifsu u lill-proxxmu tiegħu, ikun ifarrak ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Jekk int tmur iktar lil hemm, tkun teqred lilek innifsek, tkun teqred ukoll ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla u r-relazzjoni tiegħek mal-oħrajn. Il-Kmandamenti juruhulna dan. Permezz ta’ din l-aħħar kelma qed issir enfasi fuq il-fatt li d-dnubiet kollha jinbtu minn għerq ġewwieni komuni: ix-xewqat ħżiena. Id-dnubiet kollha ġejjin minn xewqa ħażina. Kollha. Hekk tibda tiċċaqlaq il-qalb, u wieħed jidħol f’dik il-mewġa, u jispiċċa biex jagħmel il-ħażin. Imma dan mhux ksur tal-liġi sempliċiment formali, legali: dan hu ħażen li bih iweġġa’ lilu nnifsu u lill-oħrajn.

 

Fil-Vanġelu l-Mulej Ġesù dan jgħidu b’mod ċar ħafna: “Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem” (Mk 7:21-23).

 

Hekk nibdew nifhmu li l-mixja kollha tad-Dekalogu ma tkun tiswa xejn jekk ma tasalx biex tmiss dan il-livell, il-qalb tal-bniedem. Minn fejn jinbtu dawn il-ħwejjeġ koroh kollha? Id-Dekalogu hu ċar u profond fuq dan l-aspett: id-destinazzjoni – l-aħħar kmandament – ta’ dan il-vjaġġ hi l-qalb, u jekk din, jekk il-qalb mhijiex meħlusa, il-bqija ftit li xejn jiswa. Din hi l-isfida: li neħilsu l-qalb minn dawn il-ħwejjeġ ħżiena u koroh kollha. Il-preċetti ta’ Alla jistgħu jirriduċu ruħhom għal sempliċi faċċata sabiħa ta’ ħajja li xorta tibqa’ ħajja ta’ lsiera u mhux ta’ wlied. Spiss, wara l-maskra Fariżajka tal-korrettezza soffokanti hemm moħbija xi ħaġa kerha u li għadha ma ssolvietx.

 

Imma rridu nħallu dawn il-kmandamenti fuq ix-xewqa jneżżgħulna l-maskra tagħna, għax jikxfulna l-faqar tagħna, biex iwassluna għal umiljazzjoni qaddisa. Kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: imma liema xewqat koroh jiġuni spiss f’moħħi? L-għira, ir-regħba, it-tqassis? Dawk l-affarijiet kollha li jiġuni minn ġewwa. Kulħadd jista’ jistaqsi dan lilu nnifsu u jiswielu ta’ ġid. Il-bniedem għandu bżonn ta’ din l-umiljazzjoni mbierka, dik li permezz tagħha jiskopri li ma jistax jinħeles waħdu, li biha jista’ jgħajjat lil Alla biex isalvah. Dan jispjegah b’mod uniku San Pawl, proprju billi jirriferi għall-kmandament ma jkollokx xewqat ħżiena (ara Rum 7:7-24).

 

Għalxejn naħsbu li nistgħu nikkoreġu lilna nfusna mingħajr id-don tal-Ispirtu s-Santu. Għalxejn naħsbu li nistgħu nippurifikaw il-qalb tagħna bi sforz qawwi tar-rieda tagħna: dan mhux possibbli. Jeħtieġ ninfetħu għar-relazzjoni ma’ Alla, fil-verità u fil-libertà: hekk biss it-taħbit tagħna jista’ jagħti l-frott, għax ikun hemm l-Ispirtu s-Santu li jmexxina.

 

Xogħol il-Liġi Biblika mhuwiex li timla moħħ il-bniedem li l-ubbidjenza kelma b’kelma se twasslu għal salvazzjoni artifiċjali li xorta waħda qatt ma jista’ jilħaq. Xogħol il-Liġi hu li twassal lill-bniedem għall-verità tiegħu nnifsu, jew aħjar, għall-faqar tiegħu, li mbagħad isir ftuħ awtentiku, ftuħ personali għall-ħniena ta’ Alla, li tibdilna u ġġeddidna. Alla waħdu jista’ jġedded il-qalb tagħna, kemm-il darba aħna niftħu qalbna għalih: din hi l-unika kundizzjoni; hu se jagħmel kollox, aħna rridu biss niftħulu qalbna.

 

L-aħħar kelmiet tad-Dekalogu qed jedukaw lil kulħadd biex nagħrfu li aħna tallaba; jgħinuna nixħtu wara daharna t-taħwid ta’ qalbna, biex ma nibqgħux ngħixu egoistikament u nsiru foqra fl-ispirtu, awtentiċi quddiem il-Missier, u nħallu lill-Iben jifdina u lill-Ispirtu s-Santu jmexxina. L-Ispirtu s-Santu hu l-imgħallem li jmexxina: inħallu lilu jgħinna. Aħna tallaba, nitolbu din il-grazzja.

 

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet” (Mt 5:3). Iva, henjin dawk li jieqfu jidħku bihom infushom għax jemmnu li jistgħu jsalvaw lilhom infushom mid-dgħufija tagħhom mingħajr il-ħniena ta’ Alla, li waħidha tista’ tfejjaq. Il-ħniena ta’ Alla biss tista’ tfejjaq il-qalb. Henjin dawk li jagħrfu x’inhuma x-xewqat ħżiena tagħhom u b’qalb niedma u mċekkna ma jippruvawx jidhru quddiem Alla u quddiem il-bnedmin l-oħra bħala nies ġusti, imma bħala midinba. Sabiħ dak li Pietru jgħid lill-Mulej: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena midneb”. Talba sabiħa din: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena midneb”.

 

Dawn huma dawk li jafu jagħdru, li jafu juru ħniena mal-oħrajn, għax l-ewwel ikunu daquha huma.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard