IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 20 ta’ Marzu 2019

 

Katekeżi fuq il-Missierna”: 10. Ikun li trid int

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq il-“Missierna”, u llum nieqfu fuq it-tielet invokazzjoni: “Ikun li trid int”. Din irridu naqrawha f’għaqda mal-ewwel tnejn – “jitqaddes ismek” u “tiġi Saltnatek” – biex hekk flimkien isawru trittiku: “jitqaddes ismek”, “tiġi Saltnatek”, “ikun li trid int”. Illum se nitkellmu fuq it-tielet waħda.

 

Qabel ma hemm il-bniedem li jieħu ħsieb tad-dinja, hemm Alla li ma jegħja qatt jieħu ħsieb tal-bniedem u tad-dinja. Il-Vanġelu kollu jirrifletti din il-perspettiva bil-maqlub. Il-midneb Żakkew jitla’ fuq siġra għax irid jara lil Ġesù, imma ma jafx li, ħafna qabel, Alla kien beda jfittex lilu. Ġesù, meta jasal, jgħidlu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. U fl-aħħar jistqarr: “Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf” (Lq 19:5,10). Din hi r-rieda ta’ Alla, li aħna nitolbu li sseħħ. Liema hi r-rieda ta’ Alla inkarnata f’Ġesù? Li jfittex u jsalva lill-mitluf. U aħna, fit-talb, nitolbu li t-tiftixa ta’ Alla jkollha tmiem tajjeb, li l-pjan universali tiegħu ta’ salvazzjoni jseħħ, l-ewwel, f’kull wieħed u waħda minna, u mbagħad, fid-dinja kollha. Qatt ħsibtu xi jfisser li Alla qed ifittex lili? Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Imma Alla qed ifittixni?” – “Iva! Qed ifittex lilek! Qed ifittex lili”: qed ifittex lil kull wieħed u waħda minna, personalment. Imma kemm hu kbir Alla! Kemm imħabba hemm wara dan kollu.

 

Alla mhuwiex ambigwu, ma jistaħbiex wara l-misteri, ma ppjanax il-ġejjieni tad-dinja b’xi mod indeċifrabbli. Le, huwa ċar. Jekk dan ma nifhmuhx, nirriskjaw li nitilfu s-sens tat-tielet espressjoni tal-“Missierna”. Fil-fatt, il-Bibbja hi mimlija b’espressjonijiet li jirrakkontawlna r-rieda pożittiva ta’ Alla għad-dinja. U fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nsibu ġabra ta’ kwotazzjonijiet li jixhdu għal din ir-rieda divina, fidila u paċenzjuża (ara nn. 2821-2827). U San Pawl, fl-Ewwel Ittra lil Timotju, jiktiblu: “Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (2:4). Din, bla dubju ta’ xejn, hi r-rieda ta’ Alla: is-salvazzjoni tal-bniedem, tal-bnedmin, ta’ kull wieħed u waħda minna. Alla bl-imħabba tiegħu jħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħna. Għaliex? Biex jiġbidna; biex jiġbidna lejh u jmexxina ’l quddiem fil-mixja tas-salvazzjoni. Alla hu qrib ta’ kull wieħed u waħda minna bl-imħabba tiegħu, biex jaqbdilna jdejna u jsalvana. Kemm imħabba wara dan kollu!

 

Għalhekk, meta nitolbu “jkun li trid int”, m’aħniex mistiedna nbaxxu rasna, bħallikieku konna skjavi. Le! Alla jridna ħielsa; hi l-imħabba tiegħu li teħlisna. Fil-fatt, il-“Missierna” hi t-talba tal-ulied, mhux tal-iskjavi; imma tal-ulied li jafu l-qalb ta’ missierhom u huma ċerti mill-pjan ta’ mħabbtu. Gwaj għalina jekk, aħna u nlissnu dawn il-kelmiet, ngħollu spallejna b’sinjal ta’ ċediment quddiem destin li jgħakkisna u ma nistgħux nibdluh. Bil-maqlub, din hi talba ta’ fiduċja mkebbsa f’Alla li għalina jrid il-ġid, il-ħajja, is-salvazzjoni. Talba kuraġġjuża, anki ġellieda, għax fid-dinja hawn ħafna, wisq realtajiet li mhumiex skont il-pjan ta’ Alla. U lkoll nafuhom. Biex niġbor x’jgħid il-profeta Iżaija, nista’ ngħid: “Hawn, Missier, hawn il-gwerra, l-abbuż tal-poter, l-isfruttament; imma aħna nafu li int trid il-ġid tagħna, għalhekk nitolbuk: ħa jkun li trid int! Mulej, dawwar il-pjanijiet tad-dinja, ibdel ix-xwabel f’sikek tal-moħriet u l-lanez fi mnieġel; biex ħadd iżjed ma jitgħallem is-sengħa tal-gwerra!” (ara 2:4). Alla jrid il-paċi.

 

Il-“Missierna” hi talba li tkebbes fina l-istess imħabba ta’ Ġesù għar-rieda tal-Missier, fjamma li tfittex tibdel id-dinja bl-imħabba. In-Nisrani ma jemminx f’“destin” inevitabbli. M’hemm xejn li jiġri b’kumbinazzjoni fil-fidi tal-Insara: imma hemm salvazzjoni li qed tistenna li turi ruħha fil-ħajja ta’ kull bniedem u li titwettaq fl-eternità. Jekk nitolbu, dan għax nemmnu li Alla jista’ u jrid jibdel ir-realtà billi jirbaħ il-ħażen bit-tajjeb. Lil dan Alla jagħmel sens nobduh u nintelqu f’idejh anki fis-siegħa tal-iktar prova iebsa.

 

Hekk għamel Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani, meta ħassu mbeżża’ u talab: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22:42). Ġesù qed iħossu mgħaffeġ mill-ħażen tad-dinja, imma jintelaq fiduċjuż fl-oċean tal-imħabba tar-rieda tal-Missier. Anki l-martri, fil-prova tagħhom, mhux il-mewt fittxew, imma dak li jiġi wara l-mewt, il-qawmien. Alla, għall-imħabba tagħna, jista’ jwassalna biex nimxu f’toroq ibsin, biex induqu l-ġerħat u x-xewk iniggeż tat-tbatija, imma qatt mhu ħa jitlaqna waħidna. Dejjem sa jkun magħna, qrib tagħna, ġewwa fina. Għal min jemmen, din, aktar milli tama, hi ċertezza. Alla jinsab miegħi. L-istess li nsibu f’dik il-parabbola tal-Vanġelu ta’ Luqa ddedikata għall-ħtieġa li nitolbu dejjem. Jgħid Ġesù: “Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq” (18:7-8). Dan hu l-Mulej, daqshekk iħobbna, daqshekk iridilna ġid. U jien nixtieq nistedinkom, issa, ilkoll flimkien, biex nitolbu l-Missierna. U dawk fostkom li ma jafux bit-Taljan, ħa jgħiduha bil-lingwa tagħhom. Nitolbu flimkien.

 

Talba tal-Missierna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard