IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 19 ta’ Ġunju 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 3.

“Ilsna qishom tan-nar” (Atti 2:3). Għid il-Ħamsin u d-dynamis tal-Ispirtu li jkebbes il-kelma tal-bniedem u jagħmilha Vanġelu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ħamsin jum wara l-Għid, f’dak iċ-Ċenaklu li issa sar id-dar tagħhom u fejn il-preżenza ta’ Marija, omm il-Mulej, hi l-element li jgħaqqad, l-Appostli jgħixu ġrajja li tmur wisq lil hemm minn kulma qatt stennew. Miġbura fit-talb – it-talb hu l-“pulmun” li jagħti n-nifs lid-dixxipli ta’ kull żmien; mingħajr it-talb ma tistax tkun dixxiplu ta’ Ġesù; mingħajr it-talb aħna ma nistgħux inkunu Nsara! Hu l-arja, hu l-pulmun tal-ħajja Nisranija –, jaħsadhom Alla li jaqbad u jidħol. Hi daħla li ma tistax għall-magħluq: tiftaħ beraħ il-bibien bil-qawwa ta’ riħ li jfakkarna fir-ruah, in-nifs tal-bidu, u twettaq il-wegħda tal-“qawwa” li għamlilhom l-Irxoxt qabel telaqhom (ara Atti 1:8). Jasal ħabta u sabta, mill-għoli, “ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin” (Atti 2:2).

 

Mar-riħ imbagħad jiżdied in-nar li jfakkarna fis-siġra tal-għollieq jaqbad u fis-Sinaj bid-don tal-għaxar kelmiet (ara Eż 19:16-19). Fit-tradizzjoni Biblika n-nar isieħeb il-manifestazzjoni ta’ Alla. Fin-nar Alla jagħti l-kelma ħajja u qawwija tiegħu (ara Lhud 4:12) li tiftaħ għall-futur; in-nar simbolikament jesprimi l-opra tiegħu li jsaħħan, idawwal u jgħarbel il-qlub, l-attenzjoni tiegħu biex jipprova r-reżistenza tal-opri umani, biex isaffihom u jagħtihom ħajja ġdida. Waqt li fuq is-Sinaj jinstema’ leħen Alla, f’Ġerusalemm, fil-festa ta’ Għid il-Ħamsin, hu Pietru li jitkellem, il-blata li fuqha Kristu għażel li jibni l-Knisja tiegħu. Il-kelma tiegħu, dgħajfa u li kienet kapaċi saħansitra tiċħad lill-Mulej, issa li ħakimha n-nar tal-Ispirtu tikseb qawwa, issir kapaċi tinfed il-qlub u ċċaqlaqhom għall-konverżjoni. Fil-fatt Alla jagħżel dak li fid-dinja hu dgħajjef biex iħawwad il-qawwija (ara 1 Kor 1:27).

 

Mela l-Knisja titwieled min-nar tal-imħabba u minn “ħruq” li jaqbad f’Għid il-Ħamsin u li juri l-qawwa tal-Kelma tal-Irxoxt mimlija bl-Ispirtu s-Santu. Il-Patt il-ġdid u defenittiv hu msejjes mhux iżjed fuq liġi miktuba fuq twavel tal-ġebel, imma fuq il-ħidma tal-Ispirtu ta’ Alla li jġedded kollox u jitnaqqax fi qlub tal-laħam.

 

Il-kelma tal-Appostli timtela bl-Ispirtu tal-Irxoxt u ssir kelma ġdida, differenti, imma li tista’ tinftiehem, bħallikieku kienet tradotta fl-istess ħin fl-ilsna kollha: fil-fatt, “kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu” (Atti 2:6). Dan hu l-lingwaġġ tal-verità u tal-imħabba, li hi l-lingwa universali: anki dawk li ma jafux jaqraw u jiktbu jistgħu jifhmuha. Il-lingwaġġ tal-verità u tal-imħabba kulħadd jifhmu. Jekk int tmur bil-verità tal-qalb tiegħek, bis-sinċerità, u tmur bl-imħabba, kulħadd ħa jifhmek. Anki jekk ma tistax titkellem, imma b’żegħila, ħa tkun veritiera u mimlija mħabba.

 

L-Ispirtu s-Santu mhux biss juri ruħu permezz ta’ sinfonija ta’ ħsejjes li xxierek u tikkomponi armonikament id-diversità imma jippreżenta ruħu bħala d-direttur ta’ orkestra li jagħti leħen lill-mużika tal-partituri ta’ foħrija għall-“għemejjel kbar” ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu hu dak li jsawwar il-komunjoni, hu l-artista tar-rikonċiljazzjoni li jaf iħott il-ħitan bejn Lhud u Griegi, bejn ilsiera u ħielsa, biex jagħmel minnhom ġisem wieħed. Hu jibni l-komunità ta’ dawk li jemmnu u hekk iġib armonija fl-għaqda tal-ġisem u l-kotra tal-membri. Ikabbar lill-Knisja biex jgħinha tmur lil hemm mil-limiti umani, mid-dnubiet u minn kull skandlu.

 

Jistagħġbu mhux ftit, u xi ħadd jistaqsi jekk dawk l-irġiel kinux fis-sakra. Hawn Pietru jitkellem f’isem l-Appostli kollha u jaqra dik il-ġrajja fid-dawl ta’ Ġoel 3, fejn jiġi mħabbar tiswib ġdid tal-Ispirtu s-Santu. Id-dixxipli ta’ Ġesù mhumiex fis-sakra, imma qed jgħixu dak li Sant’Ambroġ isejjaħlu “s-sokor sobrju tal-Ispirtu”, li jkebbes f’nofs il-poplu ta’ Alla l-profezija permezz ta’ ħolm u viżjonijiet. Dan id-don profetiku mhuwiex biss għall-ftit, imma għal dawk kollha li jsejħu isem il-Mulej.

 

Minn dakinhar ’il quddiem, l-Ispirtu ta’ Alla jqanqal il-qlub biex jilqgħu s-salvazzjoni li tgħaddi minn Persuna, Ġesù Kristu, dak li l-bnedmin sammru mal-għuda tas-salib u li Alla qajjem mill-imwiet “billi ħall l-irbit tal-mewt” (Atti 2:24). Hu li sawwab dak l-Ispirtu li jorkestra l-polifonija ta’ ġieħ u li kulħadd jista’ jismagħha. Kif qal Benedittu XVI, “dan hu Għid il-Ħamsin: Ġesù, u permezz tiegħu Alla nnifsu, jiġi għandna u jiġbidna għal ġo fih” (Omelija, 3 ta’ Ġunju 2006). L-Ispirtu jaħdem din il-ġibda divina: Alla jiġbidna lejh bi Mħabbtu u hekk idaħħalna miegħu, biex inħarrku l-istorja u niftħu toroq li permezz tagħhom hu jgħarbel il-ħajja ġdida. Fil-fatt l-Ispirtu ta’ Alla biss għandu s-setgħa li jumanizza u jiffraternizza kull kuntest, ibda minn dawk li jilqgħuh.

 

Nitolbu lill-Mulej idewwaqna Pentekoste ġdid, li jwessa’ lil qlubna u jissintonizza s-sentimenti tagħna ma’ dawk ta’ Kristu, biex hekk inxandru bla mistħija l-kelma tiegħu li tibdel u nagħtu xhieda tal-qawwa tal-imħabba li ssejjaħ lura għall-ħajja dak kollu li miegħu tiltaqa’.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard