IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 18 ta’ Settembru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 8.

“Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!” (Atti 5:39). Il-kriterji tad-dixxerniment li jagħti l-għaref Gamaljel.

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli. Quddiem il-projbizzjoni li għamlulhom il-Lhud biex ma jgħallmux f’isem Kristu, Pietru u l-Appostli jwieġbu bil-kuraġġ kollu li ma jistgħux jobdu minn min irid iwaqqaf il-vjaġġ tal-Vanġelu fid-dinja.

 

Hekk it-Tnax juru li għandhom dik “l-ubbidjenza tal-fidi” li mbagħad jixtiequ jqanqlu fil-bnedmin kollha (ara Rum 1:5). Fil-fatt, sa minn dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, m’għadhomx iżjed irġiel “waħidhom”. Iħossu dik is-sinerġija li toħroġhom minnhom infushom u ġġagħalhom jgħidu: “aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu” (Atti 5:32) u “lill-Ispirtu s-Santu u lilna” (Atti 15:28). Iħossu li ma jistgħux jgħidu “jien” biss, huma rġiel li ħarġu minnhom infushom. Imqawwija minn dan il-patt, l-Appostli ma jħallu lil ħadd ibeżżagħhom. Kellhom kuraġġ tal-għaġeb! Irridu niftakru kemm kienu beżżiegħa qabel: kollha ħarbu, kollha għebu meta Ġesù ġie arrestat. Imma minn beżżiegħa issa saru hekk qalbiena. Għaliex? Għax kien magħhom l-Ispirtu s-Santu. L-istess jiġri lilna: jekk ikollna fina lill-Ispirtu s-Santu, ikollna l-kuraġġ li nimxu ’l quddiem, il-kuraġġ li negħlbu tant taqbidiet, mhux għalina nfusna imma għall-Ispirtu li jinsab magħna. Ma jerġgħux lura fil-mixja tagħhom ta’ xhieda qalbiena ta’ Ġesù Rxoxt, bħall-martri ta’ kull żmien, inklużi dawk tagħna. Il-martri jagħtu ħajjithom, ma jaħbux li huma Nsara. Ejjew naħsbu xi snin ilu – anki llum hawn ħafna – imma ejjew naħsbu f’erba’ snin ilu, dawk l-Insara Kopti Ortodossi, veri ħaddiema, fuq ix-xtajta tal-Libja: kollha ġew imħanxra. Imma l-aħħar kelma li lissnu kienet “Ġesù, Ġesù”. Ma kinux biegħu l-fidi bl-irħis, għax kellhom lill-Ispirtu s-Santu magħhom. Dawn huma l-martri tal-lum! L-Appostli huma l-“megafoni” tal-Ispirtu s-Santu, mibgħuta mill-Irxoxt biex ixerrdu fil-pront u bla biża’ l-Kelma li tagħti s-salvazzjoni.

 

U tassew, din id-determinazzjoni triegħed is-“sistema reliġjuża” Ġudajka, li tħossha mhedda u twieġeb bil-vjolenza u tikkundannahom għall-mewt. Il-persekuzzjoni tal-Insara dejjem hi l-istess: il-persuni li ma jridux il-Kristjaneżmu jħossuhom mhedda u hekk iwasslu għall-mewt lill-Insara. Imma, f’nofs is-Sinedriju, jogħla l-leħen differenti ta’ Fariżew li jagħżel li jrażżan ir-reazzjoni ta’ sħabu: jismu Gamaljel, bniedem prudenti, “mgħallem fil-Liġi u miġjub mill-poplu kollu”. Fl-iskola tiegħu San Pawl kien tgħallem josserva “l-Liġi ta’ missirijietna” (ara Atti 22:3). Gamaljel jitkellem u juri lil ħutu kif għandhom iħaddmu l-arti tad-dixxerniment quddiem sitwazzjonijiet li jmorru lil hemm mill-iskemi tas-soltu.

 

Hu jurihom, billi jsemmilhom xi persunaġġi li kienu għamlu tabirruħhom huma l-Messija, li kull proġett uman jista’ għall-bidu jiġbed il-kunsens ta’ ħafna imma mbagħad jegħreq fil-port, waqt li dak kollu li ġej mill-għoli u jġorr il-“firma” ta’ Alla hu ddestinat li jibqa’. Il-proġetti umani dejjem ifallu; għandhom żmien, bħalna. Aħsbu ftit f’tant proġetti politiċi, u kif jinbidlu minn naħa għall-oħra, fil-pajjiżi kollha. Ġibu f’moħħkom l-imperi l-kbar, id-dittaturi tas-seklu l-ieħor: ħassewhom b’saħħithom ħafna, ħasbu li se jaħkmu d-dinja kollha. U mbagħad kollha kkrollaw. Aħsbu llum ukoll, fl-imperi tal-lum: għad jiġu fix-xejn, jekk Alla mhuwiex magħhom, għax il-qawwa li l-bnedmin għandhom fihom infushom ma ssaddadx fit-tul. Il-qawwa ta’ Alla biss iżżomm fit-tul. Ejjew naħsbu fl-istorja tal-Insara, anki fl-istorja tal-Knisja, b’tant dnubiet, b’tant skandli, b’tant ħwejjeġ koroh tul dawn iż-żewġ millennji. U għaliex ma ġġarrfitx? Għax Alla jinsab hemm. Aħna midinbin, u ħafna drabi anki skandli nagħtu. Imma Alla hu magħna. U Alla jsalva l-ewwel lilna, imbagħad lilhom; imma dejjem isalva, il-Mulej. Il-qawwa hi “Alla magħna”. Gamaljel juri, billi jsemmi ċerti persunaġġi li kienu għamlu tabirruħhom huma l-Messija, li kull proġett uman jista’ l-ewwel ikollu l-kunsens ta’ ħafna, imma mbagħad jegħreq. Għalhekk Gamaljel jikkonkludi li, jekk id-dixxipli ta’ Ġesù ta’ Nazaret emmnu f’impostur, huma ddestinati li jgħibu fix-xejn; imma jekk mexjin wara wieħed li ġej mingħand Alla, aħjar dak li jkun joqgħod lura milli jiġġeldilhom; u jwiddeb: “Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!” (Atti 5:39). Jgħallimna nagħmlu dan id-dixxerniment.

 

Huma kelmiet meqjusa u li jaraw fil-bogħod, li jippermettulhom iħarsu lejn il-ġrajja Nisranija f’dawl ġdid u joffru kriterji “tal-Vanġelu”, għax jistednuhom jagħrfu s-siġra mill-frott tagħha (ara Mt 7:16). Huma jmissu l-qlub u jiksbu l-effett ittamat: il-membri l-oħra tas-Sinedriju jimxu fuq il-parir tiegħu u jerġgħu lura mill-ħsieb tal-mewt, jiġifieri li joqtlu lill-Appostli.

 

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fina biex, kemm personalment u kemm bħala komunitajiet, nistgħu niksbu l-habitus tad-dixxerniment. Nitolbuh li nagħrfu naraw dejjem l-għaqda tal-istorja tas-salvazzjoni mis-sinjali tal-mogħdija ta’ Alla f’dan iż-żmien tagħna u fuq l-uċuħ ta’ min hu biswitna, biex nitgħallmu li ż-żmien u l-uċuħ tal-bnedmin huma messaġġiera ta’ Alla l-ħaj.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard