Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Fil-mixja tal-katekeżi tagħna fuq il-familja, wara li rajna x’inhu r-rwol ta’ l-omm, tal-missier, ta’ l-ulied, il-lum imiss lill-aħwa.  “Ħija” u “oħti” huma kelmiet li l-Kristjaneżmu jħobb ħafna.  U, grazzi għall-esperjenza tal-familja, huma kelmiet li l-kulturi u ż-żminijiet kollha jifhmuhom.

 

Ir-rabta bejn l-aħwa għandha post speċjali fl-istorja tal-poplu ta’ Alla, li jirċievi r-rivelazzjoni tiegħu fil-qalba ta’ l-esperjenza umana.  Is-Salmista jgħanni l-ġmiel tar-rabta bejn l-aħwa: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!” (Salm 133:1).  U dan hu minnu, hi ħaġa sabiħa li ngħixu ta’ aħwa!  Ġesù Kristu ġab fil-milja tagħha anki din l-esperjenza umana li nkunu aħwa ta’ xulxin, u assumieha fl-imħabba Trinitarja waqt li saħħaħha biex setgħet tmur lil hemm mir-rabtiet ta’ parentela u tegħleb kull ħajt ta’ dak li hu barrani.

 

Nafu li meta titfarrak ir-relazzjoni bejn l-aħwa, meta titkisser din ir-relazzjoni bejn l-aħwa, tinfetaħ it-triq għal esperjenzi ta’ wġigħ il-qalb ta’ kunflitt, ta’ tradiment, ta’ mibegħda.  Ir-rakkont Bibliku ta’ Kajjin u Abel hu l-eżempju ta’ dan ir-riżultat negattiv.  Wara l-qtil ta’ Abel, Alla jistaqsi lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” (Ġen 4:9a).  Hi mistoqsija li l-Mulej jissokta jtenni f’kull nisel.  U b’xorti ħażina, f’kull nisel, ma tieqaf qatt lanqas tiġi mtennija t-tweġiba drammatika ta’ Kajjin: “Ma nafx.  Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9b).  It-tifrik tar-rabta bejn l-aħwa hi ħaġa kerha u ħażina għall-umanità.  Anki fil-familja, kemm aħwa jillatikaw bejniethom minħabba fi ħwejjeġ żgħar, jew għall-wirt, u mbagħad ma jitkellmux iżjed, ma jsellmux aktar lil xulxin.  Din hi ħaġa kerha!  L-imħabba bejn l-aħwa hi ħaġa kbira, meta wieħed jaħseb li l-aħwa kollha għexu fil-ġuf ta’ l-istess omm għal disa’ xhur, ħarġu minn laħam l-istess omm!  U ma tistax tkissirha din ir-rabta ta’ l-aħwa.  Naħsbu ftit: kollha nafu familji li għandhom l-aħwa mifruda bejniethom, li huma miġġeldin; nitolbu lill-Mulej għal dawn il-familji – forsi fl-istess familja tagħna hemm xi każi – biex jgħinhom jerġgħu jgħaqqdu l-aħwa bejniethom, jibnu mill-ġdid il-familja.  Ir-rabta ta’ l-aħwa m’għandha qatt tiġi mxellfa, u meta tixxellef, iseħħ dak li seħħ lil Kajjin u Abel.  Meta l-Mulej jistaqsi lil Kajjin fejn kien ħuh, hu jwieġeb: “Jien ma nafx.  X’jimpurtani minn ħija!”.  Kemm hi ħaġa kerha din, hi ħaġa li toħloq uġigħ kbir ta’ qalb.  Fit-talbiet tagħna ejjew nitolbu dejjem għall-aħwa mifruda bejniethom.

 

Ir-rabta ta’ fraternità li tissawwar fil-familja bejn l-ulied, jekk isseħħ fi klima ta’ edukazzjoni għall-ftuħ lejn l-oħrajn, issir l-iskola kbira tal-libertà u l-paċi.  Fil-familja, l-aħwa jitgħallmu kif il-bnedmin jgħixu flimkien, kif wieħed għandu jgħix f’soċjetà.  Forsi mhux dejjem aħna konxji, imma hi propju l-familja li tintroduċi l-imħabba ta’ l-aħwa fid-dinja!  Ibda minn din l-ewwel esperjenza ta’ bejn l-aħwa, li tixrob mill-imħabba u l-edukazzjoni fil-familja, l-istil ta’ fraternità jiddi bħala wegħda għas-soċjetà kollha u għar-relazzjonijiet bejn il-popli.

 

Il-barka li Alla, f’Ġesù Kristu, isawwab fuq din ir-rabta ta’ bejn l-aħwa tkabbarha b’mod immaġinabbli, u tagħmilha kapaċi tmur lil hemm minn kull differenza ta’ nazzjon, ta’ lsien, ta’ kultura u saħansitra ta’ reliġjon.

 

Aħsbu ftit kemm tista’ tikber ir-rabta bejn il-bnedmin, anki differenti għal kollox bejniethom, meta jistgħu jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan verament qisu ħija, din tassew qisha oħti għalija”!  Kemm hi ħaġa sabiħa din!  Mill-bqija, l-istorja wrietna biżżejjed li anki l-libertà u l-ugwaljanza, mingħajr il-fraternità, jistgħu jimtlew b’individwaliżmu u konformiżmu, anki b’interess personali.

 

Ir-rabta ta’ l-aħwa fil-familja tilma b’mod speċjali meta naraw b’liema għożża, b’liema sabar, u mħabba huma mdawra l-aħwa l-iktar dgħajfa, morda, jew li jġorru xi diżabbiltà.  L-aħwa li jagħmlu dan huma ħafna, fid-dinja kollha, u forsi ma napprezzawx biżżejjed il-ġenerożità tagħhom.  U meta l-aħwa huma ħafna fil-familja – il-lum sellimt familja li għandha disat ulied! – l-ikbar wieħed, jew l-akbar waħda, tgħin lill-missier, lill-omm, biex jieħdu ħsieb iż-żgħar.  Kemm hi ħaġa sabiħa din il-ħidma ta’ għajnuna bejn l-aħwa!

 

Li jkollok ħuk, oħtok li jħobbuk hi esperjenza qawwija, li ma tixtrihiex bil-flus, ma jeħdilha postha xejn.  Bl-istess mod nistgħu nitkellmu dwar il-fraternità Nisranija.  L-iżgħar, l-aktar dgħajfa, l-aktar foqra għandhom imissulna qalbna: għandhom “dritt” li jirbħulna ruħna u qalbna.  Iva, huma ħutna u għandna nħobbuhom u nittrattawhom bħala tali.  Meta jseħħ dan, meta l-foqra huma qishom ta’ ġewwa, l-istess fraternità Nisranija tagħna terġa’ tieħu l-ħajja.  L-Insara, fil-fatt, jersqu jgħinu lill-foqra u d-dgħajfa mhux biex jobdu xi programm ideoloġiku, imma għax il-kelma u l-eżempju tal-Mulej jgħidilna li lkoll aħna aħwa.  Dan hu l-prinċipju ta’ l-imħabba ta’ Alla u ta’ kull ġustizzja bejn il-bnedmin.  Nissuġġerilkom ħaġa: qabel nispiċċaw, fadalli ftit biss linji, kull wieħed minna fis-skiet, ejjew naħsbu f’ħutna, u fis-skiet ta’ qalbna nitolbu għalihom.  Mument ta’ skiet.

 

Hekk hu, b’din it-talba ġibniehom kollha, ħutna rġiel u nisa, bil-ħsieb, bil-qalb, hawn fil-pjazza biex jirċievu l-barka.

 

Il-lum iżjed minn qatt qabel jeħtieġ inqiegħdu l-imħabba ta’ l-aħwa fiċ-ċentru tas-soċjetà teknokratika u burokratika tagħna: allura anki l-libertà u l-ugwaljanza jiksbu l-intonazzjoni t-tajba.  Għalhekk, ejjew ma nċaħħdux għalxejn il-familji tagħna, minħabba suġġezzjoni jew biża’, mill-ġmiel ta’ esperjenza wiesgħa ta’ fraternità bejn l-ulied.  U ma nitilfux il-fiduċja tagħna fil-kobor tax-xefaq li l-fidi, imdawla mill-barka ta’ Alla, għandha l-ħila tislet minn din l-esperjenza.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard