IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ April 2019

 

Katekeżi L-Għid: it-talba lill-Missier fil-ħin tal-prova

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

F’dawn il-ġimgħat qed nirriflettu fuq it-talba tal-“Missierna”. Issa, lejlet it-Tridu tal-Għid, ejjew nieqfu fuq xi kelmiet li bihom Ġesù, matul il-Passjoni, talab lill-Missier.

 

L-ewwel invokazzjoni ssir wara l-Aħħar Ċena, meta l-Mulej, “rafa’ għajnejh lejn is-sema u qal: ‘Missier, waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek’ – u mbagħad – ‘igglorifika lili għandek, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja’” (Ġw 17:1,5). Ġesù jitlob il-glorja, talba li tidher paradossali meta l-Passjoni tinsab wara l-bieb. Xi glorja hi din? Il-glorja fil-Bibbja turi r-rivelazzjoni ta’ Alla, hi s-sinjal distintiv tal-preżenza tiegħu li ssalva f’nofs il-bnedmin. Issa, Ġesù hu Dak li juri b’mod definittiv il-preżenza u s-salvazzjoni ta’ Alla. U dan jagħmlu fl-Għid: mgħolli fuq is-salib, hu gglorifikat (ara Ġw 12:23-33). Hemm Alla saflaħħar juri l-glorja tiegħu: ineħħi l-aħħar velu u jgħaġġibna bħal qatt qabel. Fil-fatt niskopru li l-glorja ta’ Alla hi kollha mħabba: imħabba safja, miġnuna u li ma taħsibhiex, lil hemm minn kull limitu u qies.

 

Ħuti, ejjew nagħmlu tagħna t-talba ta’ Ġesù: nitolbu lill-Missier ineħħi kull għata minn fuq għajnejna biex f’dawn il-jiem, meta nħarsu lejn il-Kurċifiss, nistgħu naċċettaw li Alla huwa mħabba. Kemm drabi nistħajluh sid ħakkiem u mhux Missier, kemm drabi naħsbuh imħallef sever iktar milli Feddej ħanin! Imma Alla fl-Għid ineħħi kull distanza, u jurina ruħu fl-umiltà ta’ mħabba li titlob lura mħabbitna. Mela aħna nagħtu glorja meta ngħixu dak kollu li nagħmlu bi mħabba, meta nagħmlu kollox mill-qalb, bħallikieku kien għalih (ara Kol 3:17). Il-vera glorja hi l-glorja tal-imħabba, għax hi l-unika waħda li tagħti l-ħajja lid-dinja. Bla dubju, din il-glorja hi l-maqlub tal-glorja tad-dinja, li tiġi meta aħna ammirati, meta jfaħħruna, meta jagħtuna ġieħ: meta jien qiegħed fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Imma l-glorja ta’ Alla hi paradossali: xejn applawsi, xejn audience. Fiċ-ċentru m’hemmx il-jien, imma l-ieħor: fil-fatt fl-Għid naraw kif il-Missier jigglorifika lill-Iben waqt li l-Iben jigglorifika lill-Missier. Ħadd ma jigglorifika lilu nnifsu. Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “Liema hi l-glorja li għaliha qed ngħix? Tiegħi jew ta’ Alla? Nixtieq biss nirċievi mill-oħrajn jew anki nagħti lill-oħrajn?”.

 

Wara l-Aħħar Ċena, Ġesù jidħol fil-ġnien tal-Ġetsemani; anki hawn hu jitlob lill-Missier. Waqt li d-dixxipli ma jirnexxilhomx jibqgħu mqajmin u Ġuda kważi wasal bis-suldati miegħu, Ġesù jibda jinħakem minn “biża’ u dwejjaq”. Iħoss id-dwejjaq kollu għal dak li hemm jistennieh: tradiment, żebliħ, tbatija, falliment. Hu “mnikket” u hemm, fl-abbiss, f’dik id-deżolazzjoni, ilissen lill-Missier l-oħla kelma: “Abbà”, jiġifieri papà (ara Mk 14:33-36). Fil-prova Ġesù jgħallimna nitgħannqu mal-Missier, għax fit-talb lilu hemm il-qawwa biex nibqgħu mexjin qalb it-tbatija. Fit-taħbit it-talb hu serħan, affidament, faraġ. Meta kulħadd jabbandunah, fid-deżolazzjoni interjuri tiegħu, Ġesù mhuwiex waħdu, jinsab mal-Missier. Imma aħna, fil-Ġetsemani tagħna spiss nagħżlu li nibqgħu waħidna flok illissnu “Missier” u nafdaw ruħna f’idejh, bħal Ġesù, nintelqu fir-rieda tiegħu, li hi l-veru ġid tagħna. Imma meta fil-ħin tal-prova nibqgħu magħluqin fina nfusna, inkunu nħaffru mina fuq ġewwa, triq diffiċli magħluqa ġo fina li għandha direzzjoni waħda biss: dejjem iktar fil-fond tagħna nfusna. L-ikbar problema mhix it-tbatija, imma kif naffrontawha. Is-solitudni ma toffrilniex toroq biex noħorġu; it-talb iva, għax hu relazzjoni, hu affidament. Ġesù jafda kollox u jafda ruħu kollu kemm hu lill-Missier, joffrilu dak li qed iħoss, u jistrieħ fuqu fit-taqbida. Meta nidħlu fil-Ġetsemani tagħna – kull wieħed u waħda minna għandu l-Ġetsemani tiegħu jew kellu jew għad ikollu – niftakruh dan: meta nidħlu, meta għad nidħlu fil-Ġetsemani tagħna, niftakru biex nitolbu hekk: “Missier”.

 

Fl-aħħar nett, Ġesù jdur lejn il-Missier bit-tielet talba għalina: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Ġesù jitlob għal min mexa ħażin miegħu, għall-qattiela tiegħu. Il-Vanġelu jispeċifika li din it-talba sseħħ fil-mument tat-tislib. Kien aktarx il-mument tal-eqqel tbatija, meta lil Ġesù waħħlulu l-imsiemer fil-polz u fir-riġlejn tiegħu. Hawn, fil-quċċata tat-tbatija, l-imħabba tilħaq il-qofol tagħha: tasal il-maħfra, jiġifieri l-aqwa don, li tkisser iċ-ċirku tal-ħażen. Għeżież ħuti, meta f’dawn il-jiem nitolbu l-“Missierna”, nistgħu nitolbu xi waħda minn dawn il-grazzji: li ngħixu l-jiem ta’ ħajjitna għall-glorja ta’ Alla, jiġifieri ngħixu fl-imħabba; li fil-provi nagħrfu nafdaw ruħna f’idejn il-Missier u ngħidu “papà” lill-Missier; u li fil-laqgħa mal-Missier insibu l-maħfra u l-kuraġġ li naħfru. Dawn it-tnejn imorru flimkien. Il-Missier jaħfrilna, imma jagħtina wkoll il-kuraġġ biex nistgħu naħfru.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard