PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 17 ta’ April 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-Kredu nsibu l-istqarrija li Ġesù “tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier”.  Il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art tilħaq il-qofol tagħha fil-ġrajja tat-Tlugħ is-Sema, meta Hu jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier u jitla’ joqgħod fil-leminija tiegħu.  X’tifsira għandha din il-ġrajja?  X’inhuma l-konsegwenzi tagħha għal ħajjitna?  Xi jfisser tikkontempla lil Ġesù li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier?  Dwar dan, ejjew inħallu lill-evanġelista Luqa jdawwalna.

 

Nitilqu mill-mument li fih Ġesù jiddeċiedi li jaqbad l-aħħar pellegrinaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm.  San Luqa jniżżel hekk: “Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (Lq 9:51).  Hu u “tiela’” lejn il-Belt il-qaddisa, fejn sa jseħħ l-“eżodu” tiegħu minn din il-ħajja, Ġesù diġà jilmaħ id-destinazzjoni tiegħu, is-Sema, imma jaf tajjeb li t-triq li ħa twasslu għall-glorja tal-Missier l-ewwel trid tgħaddi mis-Salib, mill-ubbidjenza għall-pjan divin ta’ mħabba għall-bnedmin kollha.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jistqarr li “l-irfigħ ta’ Kristu fuq is-salib ifisser u jħabbar it-Tlugħ fis-sema” (n. 662).  Aħna wkoll jeħtieġ li nżommu ċar quddiem għajnejna, fil-ħajja Nisranija tagħna, li biex nidħlu fil-glorja ta’ Alla hemm bżonn li ta’ kuljum inkunu fidili lejn ir-rieda tiegħu, anki meta dan jitlob minna sagrifiċċju, u xi kultant li nibdlu l-pjanijiet tagħna.  It-Tlugħ is-Sema ta’ Ġesù seħħ konkretament fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, qrib il-post fejn kien inġabar fit-talb qabel il-Passjoni biex jibqa’ f’għaqda profonda mal-Missier: għal darb’oħra naraw kif it-talb jagħtina l-grazzja li ngħixu f’fedeltà lejn il-pjan ta’ Alla.

 

Fl-għeluq tal-Vanġelu tiegħu, San Luqa jirrakkonta l-ġrajja tat-Tlugħ is-Sema b’mod sintetiku ħafna.  Ġesù ħa lid-dixxipli “sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom.  U ġara li, huwa u jberikhominfired minnhom u kien meħud fis-sema.  Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-Tempju jbierku lil Alla” (24:50-53); hekk jgħid San LuqaNixtieq ninnota żewġ elementi fir-rakkont.  Qabel xejn, waqt it-Tlugħ tiegħu fis-Sema Ġesù jagħmel il-ġest saċerdotali tal-barka u żgur li hawn id-dixxipli jesprimu l-fidi tagħhom b’ġest ta’ qima, billi jinżlu għarkubbtejhom u jbaxxu rashom.  Dan hu l-ewwel punt importanti: Ġesù hu s-Saċerdot waħdieni u etern li bil-passjoni tiegħu għadda mill-mewt u mill-qabar u qam u tela’ s-Sema; issa jinsab ħdejn Alla l-Missier, mnejn jidħol dejjem għalina (ara Lhud 9:24).  Kif jistqarr San Ġwann fl­-Ewwel Ittra tiegħu, Hu l-avukat tagħna: kemm hu sabiħ nisimgħu dan!  Meta wieħed jiġi msejjaħ quddiem imħallef jew imressaq għal xi kawża, l-ewwel ħaġa li jagħmel hu li jmur ifittex avukat biex jiddefendih.  Aħna għandna wieħed, li jiddefendina dejjem, jiddefendina min-nases tax-Xitan, jiddefendina minna nfusna, mid-dnubiet tagħna!  Għeżież ħuti, aħna għandna dan l-avukat: ejjew ma nibżgħux nersqu għandU biex nitolbuh jaħfrilna, nitolbuh iberikna, nitolbuh iħenn għalina!  Hu jaħfrilna dejjem, hu l-avukat tagħna: jiddefendina dejjem!  Tinsewhx dan!  It-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù allura jlaqqagħna ma’ din ir-realtà li tfarraġna wisq fil-mixja tagħna: fi Kristu, veru Alla u veru bniedem, in-natura tagħna ta’ bnedmin twasslet fi ħdan Alla; Hu fetħilna t-triq; Hu bħal kap f’ras il-grupp li qed jixxabbat ma’ xi muntanja, li wasal fil-quċċata u jiġbidna lejh biex iwassalna għand Alla.  Jekk nafdaw ħajjitna f’idejH, jekk inħallu lilU jmexxina, nistgħu nibqgħu żguri li qegħdin f’idejn tajba, f’idejn il-feddej tagħna, l-avukat tagħna.

 

It-tieni element: San Luqa jgħidilna li l-Appostli, wara li raw lil Ġesù tiela’ s-sema, reġgħu lura Ġerusalemm “mimlijin b’ferħ kbir”.  Dan jidhrilna ftit stramb.  Normalment meta ninfirdu mill-familjari tagħna, minn ħbiebna, għal tluq defenittiv u fuq kollox minħabba fil-mewt, ikun hemm fina diqa naturali, għax wiċċhom m’aħniex sa nerġgħu narawh, m’aħniex sa nisimgħu iżjed leħinhom, m’aħniex ħa nkunu nistgħu ngawdu iżjed l-imħabba tagħhom, il-preżenza tagħhom.  Minkejja dan, l-evanġelista jenfasizza fuq il-ferħ profond li kellhom l-Appostli.  Imma kif?  Propju għax, bil-ħarsa tal-fidi, huma jifhmu li, anki jekk ittieħed minn quddiem għajnejhom, Ġesù jibqa’ dejjem magħhom, ma jitlaqhomx waħidhom u, fil-glorja tal-Missier, hu jweżinhom, imexxihom u jidħol għalihom.

 

San Luqa jirrakkonta l-ġrajja tat-Tlugħ fis-Sema anki fil-ftuħ ta’ l-Atti ta’ l-Appostli, biex jagħfas fuq il-punt li din il-ġrajja hi bħall-ħolqa li torbot flimkien u tgħaqqad il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art ma’ dik tal-Knisja.  Hawn San Luqa jsemmi wkoll is-sħaba li ħadet lil Ġesù minn quddiem għajnejn id-dixxipli, li jibqgħu hemm jikkontemplaw lil Kristu li jitla’ għand il-Missier (ara Atti 1:9-10).  Jindaħlu mbagħad żewġt irġiel bi lbies abjad li jistednuhom biex ma jibqgħux hemm iħarsu lejn is-sema, imma biex jgħajxu l-ħajja u x-xhieda tagħhom biċ-ċertezza li Ġesù għad jerġa’ jiġi bl-istess mod kif rawh tiela’ s-sema (ara Atti 1:10-11).  Din hi sewwa sew l-istedina biex jitilqu mill-kontemplazzjoni tas-Saltna ta’ Kristu, ħalli jiksbu minnU l-qawwa li jwasslu u jagħtu xhieda tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum: kontemplazzjoni u azzjoni, ora et labora, jgħallem San Benedittu, it-tnejn huma meħtieġa fil-ħajja tagħna ta’ Nsara.

 

Għeżież ħuti, it-Tlugħ fis-Sema ma jindikax l-assenza ta’ Ġesù, imma jurina li Hu ħaj fostna b’mod ġdid; m’għadux f’post partikulari fid-dinja kif kien qabel it-Tlugħ fis-Sema; issa jinsab fis-saltna ta’ Alla, preżenti f’kull spazju u żmien, qrib ta’ kull wieħed u waħda minna.  Fil-ħajja tagħna m’aħna qatt waħidna: għandna dan l-avukat li jieħu ħsiebna, li jiddefendina.  M’aħna qatt waħidna: il-Mulej mislub u rxoxt imexxina hu; magħna hemm tant aħwa rġiel u nisa li fis-skiet u fil-moħbi, fil-ħajja tagħhom tal-familja u tax-xogħol, fil-problemi u d-diffikultajiet tagħhom, fil-ferħ u fit-tamiet tagħhom, jgħixu ta’ kuljum il-fidi u, flimkien magħna, iwasslu lid-dinja l-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla, fi Kristu Ġesù Rxoxt, li tela’ s-Sema, u hu l-avukat tagħna.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard