IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Ottubru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti, 11: “La toqtolx skont Ġesù

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq inkompli bil-katekeżi fuq il-Ħames Kelma tad-Dekalogu, “La toqtolx”. Diġà insistejna fuq kif dan il-kmandament jurina kif f’għajnejn Alla l-ħajja tal-bniedem hi prezzjuża, qaddisa u invjolabbli. Ħadd ma jista’ jkasbar il-ħajja ta’ ħaddieħor jew tiegħu nnifsu; fil-fatt, il-bniedem iġorr fih ix-xbieha ta’ Alla u huwa oġġett tal-imħabba bla tarf tiegħu, hi x’inhi l-kundizzjoni li fiha ġie msejjaħ għall-ħajja.

 

Fis-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna ftit ilu, Ġesù jurina tifsira iktar profonda ta’ dan il-kmandament. Hu jisħaq li, quddiem it-tribunal ta’ Alla, anki r-rabja kontra xi ħadd minn ħutna hi għamla ta’ qtil. Għalhekk l-Appostlu Ġwanni mbagħad kiteb: “Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel” (1 Ġw 3:15). Imma Ġesù ma jiqafx hawn, u fl-istess loġika jżid li anki l-insult u l-istmerrija jistgħu joqtlu. U aħna mdorrijin ninsultaw, veru. Insult, bħal nifs jiġi fuq xufftejna. U Ġesù jgħidilna: “Ieqaf, għax l-insult ħsara jagħmel, joqtol”. L-istmerrija. “Imma jien… dawn in-nies, dan nistmerru”. U dan hu mod kif noqtlu d-dinjità ta’ persuna. U kemm tkun ħaġa sabiħa li dan it-tagħlim ta’ Ġesù jidħol fil-moħħ u fil-qalb, u kull wieħed u waħda minna jkun jista’ jgħid: “Qatt ma jien se nweġġa’ lil ħadd bi kliemi”. Ikun proponiment sabiħ, għax Ġesù jgħidilna: “Ħares, jekk int tweġġa’ lill-oħrajn, jekk tinsultahom, jew tobgħodhom, dan hu qtil”.

 

L-ebda kodiċi uman ma jpoġġi fuq l-istess livell għemejjel hekk differenti minn xulxin billi jassenjalhom l-istess grad ta’ ġudizzju. U b’koerenza kbira, Ġesù, saħansitra jistedinna nwaqqfu l-offerta tas-sagrifiċċju fit-Tempju jekk niftakru li hemm xi ħadd minn ħutna għandu xi jgħid magħna, biex immorru nfittxuh u nerġgħu nagħmlu ħbieb miegħu. Aħna wkoll, meta mmorru l-quddiesa, irid ikollna dan l-atteġġjament ta’ rikonċiljazzjoni mal-persuni li magħhom kellna xi ngħidu. Imqar jekk ħsibna ħażin fuqhom, dak ifisser li insultajnihom. Imma ħafna drabi, aħna u nistennew is-saċerdot jasal għall-quddiesa, noqogħdu npaċpċu xi ftit u ntaqtqu fuq l-oħrajn. Imma dan ma għandniex nagħmluh. Aħsbu ftit fil-gravità tal-insult, tal-istmerrija, tal-mibegħda: Ġesù jpoġġihom fuq l-istess livell tal-qtil.

 

Xi jrid jgħid Ġesù, meta qed iwessa’ sa dan il-punt il-qasam tal-Ħames Kelma? Il-bniedem għandu ħajja nobbli, tassew sensibbli, u għandu jien moħbi li mhux inqas importanti mill-essri fiżiku tiegħu. Fil-fatt, biex toffendi l-innoċenza ta’ tifel biżżejjed frażi mhix f’postha. Biex tfieri mara jista’ jkun biżżejjed ġest ta’ indifferenza. Biex tweġġa’ l-qalb ta’ żagħżugħ biżżejjed ma turihx fiduċja. Biex teqred bniedem biżżejjed tinjorah. L-indifferenza toqtol. Qisek lill-persuna l-oħra qed tgħidilha: “Int għalija qisek mejta”, għax int tkun qtiltha f’qalbek. Li ma tħobbx hu l-ewwel pass biex toqtol; u la toqtolx hu l-ewwel pass biex tħobb.

 

Fil-Bibbja, għall-bidu tagħha, naqraw dik il-frażi terribbli li ħarġet minn fomm l-ewwel qattiel, Kajjin, wara li l-Mulej jistaqsih fejn hu ħuh. Kajjin iwieġeb: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9).[1] Hekk jitkellmu l-assassini: “ma jimpurtanix”, “problema tiegħek”, u ħwejjeġ simili. Ejjew nippruvaw inwieġbu għal din il-mistoqsija: aħna għassiesa ta’ ħutna? U żgur li iva! Aħna għassiesa u ħarriesa ta’ xulxin! U din hi t-triq tal-ħajja, hi t-triq biex ma toqtolx.

 

Il-ħajja umana għandha bżonn tal-imħabba. U liema hi l-imħabba awtentika? Hi dik li wriena Kristu, jiġifieri l-ħniena. L-imħabba li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha hi dik li taħfer, li tilqa’ lil min għamlilna d-deni. Ħadd minna ma jista’ jkampa mingħajr il-ħniena, ilkoll neħtiġuha l-maħfra. Mela, toqtol ifisser teqred, ixxejjen, tqaċċat lil xi ħadd, la toqtolx ifisser tikkura, tivvalorizza, tinkludi. U anki taħfer.

 

Ħadd ma jista’ jitqarraq u jgħid: “Jiena sew inħossni għax ma jien nagħmel xejn ħażin”. Mineral jew pjanta għandhom din it-tip ta’ ħajja, imma bniedem le. Persuna – raġel jew mara – le. Minn raġel jew minn mara hu mitlub iżjed minn hekk. Hemm it-tajjeb li għandu jsir, imħejji għal kull wieħed u waħda minna, kull wieħed għandu tiegħu xi jwettaq, li jagħmilna profondament dak li aħna. “La toqtolx” hi sejħa għall-imħabba u għall-ħniena, hi sejħa biex ngħixu skont il-Mulej Ġesù, li ta ħajtu għalina u għalina qam mill-mewt. Darba, hawn fil-Pjazza, tennejna lkoll flimkien frażi ta’ qaddis dwar hekk. Forsi tista’ tgħinna: “Li ma tagħmilx il-ħażin hi ħaġa tajba. Imma li ma tagħmilx it-tajjeb mhix ħaġa tajba”. Dejjem għandna nagħmlu dak li hu tajjeb. Immorru pass ieħor lil hemm.

 

Hu, il-Mulej, li bl-Inkarnazzjoni tiegħu qaddes il-ħajja tagħna; hu, li bid-demm tiegħu għamilha imprezzabbli; hu, “l-Awtur tal-ħajja” (Atti 3:15), li grazzi għalih kull persuna hi don tal-Missier. Fih, fl-imħabba tiegħu aqwa mill-mewt, u bil-qawwa tal-Ispirtu li jagħtina l-Missier, nistgħu nilqgħu l-Kelma “La toqtolx” bħala s-sejħa l-iżjed importanti u essenzjali: jiġifieri, la toqtolx tfisser sejħa għall-imħabba.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

 

[1] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2259: “L-Iskrittura, fir-rakkont tal-qtil ta’ Abel minn ħuh Kajjin (ara Ġen 4:8-12) turi li, sa mill-bidu tal-ġrajja tal-bniedem, fih jinsabu l-korla u x-xeħħa, bħala konsegwenzi tad-dnub tan-nisel. Il-bniedem sar għadu ta’ sieħbu. Quddiem il-kefrija ta’ dan il-qtil, Alla qal: ‘X’għamilt? Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art. U issa misħut int mill-art li fetħet fommha u laqgħet id-demm ta’ ħuk minn idejk’ (Ġen 4:10-11)”.