IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 16 ta’ Jannar 2019

 

Katekeżi fuq il-“Missierna”: 5. “Abbà, Missier!”

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu l-katekeżi fuq il-“Missierna”, u llum nibdew mill-osservazzjoni li, fit-Testment il-Ġdid, it-talba tidher li trid tasal għall-essenzjal, sakemm tikkonċentra fuq kelma waħda: Abbà, Missier.

 

Smajna x’jikteb San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abbà! Missier!’” (8:15). U lill-Galatin l-Appostlu jgħidilhom: “U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abbà! Missier!” (Gal 4:6). Għal darbtejn insibu l-istess invokazzjoni, li fiha jinġabar il-ġdid kollu tal-Vanġelu. Wara li jkun sar jaf min hu Ġesù u sema’ l-predikazzjoni tiegħu, in-Nisrani ma jibqax iqis lil Alla bħala tirann li jitkexkex minnu, ma jibqax jibża’ imma jħoss twarrad f’qalbu l-fiduċja fih: jista’ jitkellem mal-Ħallieq tiegħu u jsejjaħlu “Missier”. L-espressjoni hi hekk importanti għall-Insara li spiss inżammet intatta fl-għamla oriġinali tagħha: “Abbà”.

 

Rari li fit-Testment il-Ġdid l-espressjonijiet bl-Aramajk ma jiġux tradotti għall-Grieg. Irridu nimmaġinaw li f’dawn il-kelmiet bl-Aramajk baqa’ bħal “irreġistrat” il-leħen ta’ Ġesù nnifsu: irrispettaw l-idjoma ta’ Ġesù. Fl-ewwel kelma tal-“Missierna” nsibu minnufih l-aspett radikalment ġdid tat-talb Nisrani.

 

M’aħniex nitkellmu biss fuq li ninqdew b’simbolu – f’dan il-każ, il-figura tal-missier – biex norbtuh mal-misteru ta’ Alla; imma li jkollna, biex ngħidu hekk, id-dinja kollha ta’ Ġesù msawba fi qlubna. Jekk nagħmlu dan, nistgħu nitolbu l-“Missierna” bil-verità. Li ngħidu “Abbà” hi xi ħaġa bil-wisq iktar intima, iżjed kommoventi milli sempliċiment insejħu lil Alla “Missier”. Għalhekk hemm min ippropona li nittraduċu din il-kelma Aramajka “Abbà” bil-kelma “Pa”. Flok ngħidu “Missierna”, ngħidu “Pa”. Aħna se nibqgħu ngħidu “Missierna”, imma bil-qalb tagħna aħna msejħin ngħidu “Pa”, biex ikollna relazzjoni ma’ Alla bħal dik ta’ tfajjel ma’ missieru, li jgħidlu “pa”. Fil-fatt, dawn l-espressjonijiet jevokaw affett, jevokaw is-sħana tal-imħabba, xi ħaġa li teħodna fil-kuntest tal-età taċ-ċkejknin: ix-xbieha ta’ tfajjel ċkejken imgeżwer għalkollox mit-tħaddina ta’ missier li miegħu juża ħlewwa bla qies. U għalhekk, għeżież ħuti, biex nitolbu tajjeb, hemm bżonn naslu biex ikollna qalb ta’ tfajjel ċkejken. Mhux qalb imkabbra: hekk ma nistgħux nitolbu tajjeb. Bħal tifel f’ħoġor missieru, il-papà tiegħu.

 

Imma żgur li huma l-Vanġeli li jistgħu jdaħħluna aħjar fis-sens ta’ din il-kelma. Xi tfisser għal Ġesù din il-kelma? Il-“Missierna” tieħu sens u kulur jekk nitgħallmu nitolbuha wara li nkunu qrajna, ngħidu aħna, il-parabbola tal-Missier ħanin, fil-kapitlu 15 ta’ Luqa (ara Lq 15:11-32). Nimmaġinaw din it-talba mlissna mill-iben il-ħali, wara li daq it-tgħanniqa ta’ missieru li tant kien stennieh, missier li ma joqgħodx jiftakar fil-kliem ta’ offiża li dan kien qallu, missier li issa jrid jurih biss kemm immissjah. Hawn niskopru kif dawk il-kelmiet jieħdu l-ħajja, jiksbu l-qawwa tagħhom. U nistaqsu: Jista’ jkun qatt li int, o Alla, tħobb biss taf? Possibbli ma tafx x’inhi mibegħda? Le – iweġibna Alla – jien naf biss inħobb. Fejn qiegħda fik il-vendetta, il-pretensjoni tal-ħaqq, ir-rabja għall-ġieħ midrub tiegħek? U Alla jweġibna: Jien naf biss inħobb.

 

Il-missier ta’ dik il-parabbola fl-imġiba tiegħu għandu xi ħaġa li tfakkarna ħafna fl-ispirtu ta’ omm. Għax fuq kollox huma l-ommijiet li jiskużaw lill-ulied, li jgħattulhom xturhom, biex ma tonqosx l-empatija lejhom, biex jibqgħu jħobbuhom, anki meta dawn ma jistħoqqilhom xejn iżjed.

 

Biżżejjed nevokaw din l-espressjoni waħda – Abbà – biex naraw tiżviluppa talba Nisranija. U San Pawl, fl-ittri tiegħu, jimxi f’din l-istess triq, u ma jistax ikun mod ieħor, għax din hi t-triq li għallimna Ġesù: f’din l-invokazzjoni hemm qawwa li tiġbed lejha l-bqija tat-talba kollha.

 

Alla qed ifittxek, anki jekk int m’intix tfittxu. Alla jħobbok, anki jekk int insejtu. Alla jilmaħ fik ġmiel, anki jekk int taħseb li berbaqt fil-vojt it-talenti tiegħek. Alla mhux biss huwa missier, imma hu bħal omm li ma tieqaf qatt tħobb lill-wild tagħha. Min-naħa l-oħra, hemm “tqala” li tibqa’ għal dejjem, ħafna iżjed mid-disa’ xhur ta’ dik fiżika; hi tqala li tnissel katina ta’ mħabba li ma tintemm qatt.

 

Għal Nisrani, li jitlob hu sempliċiment li jlissen “Abbà”, jgħid “Pa”, jgħid “Missier” b’dik il-fiduċja ta’ tfajjel ċkejken.

 

Forsi anki lilna jiġrilna li nimxu f’toroq li jbegħduna minn Alla, bħalma ġralu l-iben il-ħali; jew li naqgħu f’solitudni li ġġagħalna nħossuna abbandunati fid-dinja; jew, agħar u agħar, li niżbaljaw u nispiċċaw imwaħħla f’sens ta’ ħtija. F’dawk il-mumenti ibsin, nistgħu nsibu mill-ġdid il-qawwa li nitolbu, u nerġgħu nibdew bil-kelma “Missier”, imma mlissna fis-sens ħelu ta’ tfajjel ċkejken: “Abbà”, “Pa”. Hu mhux sa jaħbilna wiċċu. Ftakru sewwa: forsi xi ħadd qed iġorr fih ħwejjeġ koroh, ħwejjeġ li ma jafx kif sa jsolvihom, tant imrar talli għamel din il-ħaġa jew l-oħra… Hu mhux sa jaħbi wiċċu minna. Mhux se jingħalaq fis-silenzju. Int għidlu “Missier” u hu jwieġbek. Int għandek missier. “Iva, imma jien delinkwenti…”. Imma għandek missier li jħobbok! Għidlu “Missier”, ibda itlob hekk, u fis-skiet jgħidilna li qatt ma warrab għajnejh minn fuqna. “Imma, Missier, jien għamilt hekk…” – “Qatt ma warrabt għajnejja minn fuqek, kollox rajt. Imma bqajt dejjem hemm, qrib tiegħek, fidil fi mħabbti għalik”. Dik tkun it-tweġiba. Qatt tinsew tgħidu “Missier”. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard