IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ Mejju 2019

 

Katekeżi fuq il-“Missierna”: 15. Imma eħlisna mid-deni

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

U saflaħħar wasalna fis-seba’ talba tal-“Missierna”: “Imma eħlisna mid-deni” (Mt 6:13b).

 

B’din l-espressjoni, min jagħmel it-talba mhux biss ikun jitlob li ma jitħalliex waħdu fil-waqt tat-tentazzjoni, imma jitlob ukoll li jiġi meħlus mill-ħażen. Il-verb oriġinali bil-Grieg hu qawwi ħafna: jevoka l-preżenza tal-ħażin li jipprova jara lil min ħa jaħtaf u jigdem (ara 1 Piet 5:8) u li minnu nitolbu lil Alla jeħlisna. L-Appostlu Pietru jgħid ukoll li l-ħażin, ix-xitan, il-ħin kollu jdur magħna bħal iljun feroċi, jara kif jiblagħna, u aħna nitolbu lil Alla jeħlisna minnu.

 

B’din it-talba doppja: “titlaqniex” u “eħlisna”, toħroġ karatteristika essenzjali tat-talb Nisrani. Ġesù jgħallem lill-ħbieb tiegħu kif iqiegħdu t-talb lill-Missier qabel kollox, anki u speċjalment fil-mumenti fejn il-ħażin idewwaqna l-preżenza tiegħu li theddidna. Fil-fatt, it-talba Nisranija mhix għamja għar-realtà tal-ħajja. Hi talba ta’ wlied u mhux talba infantili. Mhix daqshekk infatwata bil-paternità ta’ Alla, li tinsa li l-mixja tal-bniedem miżgħuda bid-diffikultajiet. Kieku ma kienx hemm l-aħħar ftit versetti tal-“Missierna”, kif setgħu jitolbu dawk li huma midinbin, ippresegwitati, qalbhom maqtugħa, agonizzanti? L-aħħar petizzjoni hi sewwasew il-petizzjoni tagħna meta nkunu wasalna fit-tarf nett, dejjem.

 

F’ħajjitna jeżisti l-ħażen, li hu preżenza ċerta. Il-kotba tal-istorja huma katalogu kiebi ta’ kemm ħajjitna f’din id-dinja kienet avventura spiss ta’ falliment. Hemm ħażen misterjuż, li żgur mhuwiex ħidma ta’ Alla imma li fis-skiet jinfed qalb il-ġrieħi tal-istorja. Sieket bħas-serp li bla ħoss xejn jixħet il-velenu. Jiġu mumenti li taħsbu ħa jkun hu minn fuq: f’xi ġranet il-preżenza tiegħu tidher saħansitra iktar ċara minn dik tal-ħniena ta’ Alla.

 

Min jitlob mhuwiex agħma, u jara ċar quddiem għajnejh dan il-ħażen hekk kbir u daqshekk kuntrarju għall-istess misteru ta’ Alla. Jilmħu fin-natura, fl-istorja, saħansitra fl-istess qalb tiegħu. Għax m’hemm ħadd fostna li jista’ jgħid li hu meħlus mill-ħażen, jew li għall-inqas mhuwiex ittentat. Ilkoll nafu x’inhu l-ħażen; ilkoll nafu x’inhi t-tentazzjoni; ilkoll doqna f’laħamna stess it-tentazzjoni, kien x’kien id-dnub. Imma t-tentatur li jħajjarna u jimbuttana biex nagħmlu l-ħażen, jgħidilna: “Agħmel hekk, aħseb hekk, aqbad dik it-triq”.

 

L-aħħar karba tal-“Missierna” hi kontra dan il-ħażen “ta’ dell wiesgħa”, li taħt l-umbrella tiegħu jħaddan l-aktar esperjenzi diversi: in-niket tal-bniedem, it-tbatija innoċenti, il-jasar, l-istrumentalizzazzjoni tal-oħrajn, il-biki tat-tfal bla ħtija. Dawn il-ġrajjiet kollha huma bħal karba li toħroġ minn qiegħ qalb il-bniedem u jsibu leħen fl-aħħar kelma tat-talba ta’ Ġesù.

 

Huwa proprju fir-rakkonti tal-Passjoni li xi espressjonijiet tal-“Missierna” jsibu l-eku l-iżjed impressjonanti tagħhom. Jgħid Ġesù: “Abbà, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int” (Mk 14:36). Ġesù jġarrab bis-sħiħ ix-xabla niffieda tal-ħażen. Mhux biss il-mewt, imma l-mewt fuq is-salib. Mhux biss is-solitudni, imma anki ż-żebliħ, l-umiljazzjoni. Mhux biss l-ostilità, imma anki l-kefrija, il-ħruxija kontrih. Araw il-bniedem kif inhu: essri maħluq għall-ħajja, li joħlom l-imħabba u t-tjieba, imma li mbagħad jesponi kontinwament għall-ħażen lilu nnifsu u lill-oħrajn ta’ bħalu, sal-punt li nistgħu niġu ttentati naqtgħu qalbna mill-bniedem.

 

Għeżież ħuti, hekk il-“Missierna” tixbah sinfonija li trid isseħħ f’kull wieħed u waħda minna. In-Nisrani jaf x’madmad fiha l-qawwa tal-ħażen, u fl-istess waqt jagħmel esperjenza ta’ kemm Ġesù, li qatt ma ċeda għat-tnassis tiegħu, jinsab fuq in-naħa tagħna u jrid jaqbeż għalina.

 

Hekk it-talba ta’ Ġesù tħallilna l-aktar wirt prezzjuż: il-preżenza tal-Iben ta’ Alla li ħelisna mill-ħażen, u tqabad biex jibdlu f’tajjeb. Fis-siegħa tal-aħħar ġlieda, lil Pietru jordnalu jqiegħed lura s-sejf fil-lant tiegħu, lill-ħalliel niedem jiżgurah il-Ġenna, u lil dawk kollha li kienu madwaru, bla ma għarfu xi traġedja kienet qed isseħħ quddiemhom, joffrilhom kelma ta’ paċi: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).

 

Mill-maħfra ta’ Ġesù fuq is-salib ħierġa l-paċi, il-paċi vera tiġi mis-salib: hi don tal-Irxoxt, don li jagħtina Ġesù. Aħsbu kif l-ewwel tislima ta’ Kristu Rxoxt hi “l-paċi magħkom”, paċi lil ruħkom, lil qlubkom, lil ħajjitkom. Il-Mulej jagħtina l-paċi, jagħtina l-maħfra, imma aħna jeħtieġ nitolbu: “eħlisna mid-deni”, biex ma naqgħux għall-ħażen. Din hija t-tama tagħna, il-qawwa li jagħtina Kristu Rxoxt, li hu hawn, fostna: jinsab hawn. Jinsab hawn b’dik il-qawwa li jagħtina biex nimxu ’l quddiem, u jwegħedna li jeħlisna minn kull deni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard