IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 12 ta’ Diċembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Missierna”: 2. Talba li ssir b’fiduċja

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nissoktaw bil-mixja ta’ katekeżi fuq il-“Missierna”, li bdejna l-ġimgħa l-oħra. Ġesù jqiegħed fuq fomm id-dixxipli tiegħu talba qasira, qalbiena, magħmula minn seba’ invokazzjonijiet – numru li fil-Bibbja mhux qiegħed hemm b’kumbinazzjoni, imma juri l-milja. Qed ngħid qalbiena għax, kieku ma ssuġġerihilniex Kristu, aktarx ħadd minna – anzi, ħadd mit-teologi l-iżjed famużi – ma kien se jindenja jitlob lil Alla b’dan il-mod.

 

Fil-fatt, Ġesù jistieden lid-dixxipli tiegħu jersqu għand Alla u b’kunfidenza jagħmlulu xi talbiet: fuq kollox dwaru stess u mbagħad dwarna. Ma hemmx preamboli fil-“Missierna”. Ġesù ma jgħallimniex formuli biex nintgħoġbu quddiem Alla, anzi, jistedinna nitolbuh billi nwaqqgħu l-ħitan tas-suġġizzjoni u l-biża’. Ma jgħidilniex biex induru lejn Alla billi nsejħulu “Dak li jista’ kollox”, “l-Aktar Għoli”, “Int, li int tant imbiegħed minna, jiena fqajjar”: le, ma jgħidx hekk, imma sempliċiment “Missier”, bis-sempliċità kollha, bħalma l-ulied jersqu għand missierhom. U din il-kelma “Missier” tesprimi l-kunfidenza u l-fiduċja ta’ wlied.

 

It-talba tal-“Missierna” għandha għeruqha fir-realtà konkreta tal-bniedem. Ngħidu aħna, tridna nitolbu l-ħobż, ħobżna ta’ kuljum: talba sempliċi imma essenzjali, li turi li l-fidi mhix xi kwistjoni “dekorattiva”, maqtugħa mill-ħajja, li ndaħħluha fin-nofs biss meta nkunu ssodisfajna l-ħtiġijiet l-oħra kollha. Jekk xejn, it-talb jibda bl-istess ħajja tagħna. It-talb – jgħallimna Ġesù – fil-ħajja tal-bniedem ma jibdiex wara li dan ikun mela żaqqu: pjuttost ibejjet kull fejn hemm bniedem, bniedem kien min kien li hu bil-ġuħ, li jibki, li jissielet, li jbati u jistaqsi “għaliex”. L-ewwel talba tagħna, f’ċertu sens, kienet il-karba li sieħbet l-ewwel nifs li ħadna. F’dik il-bikja ta’ tarbija ġdida tat-twelid tħabbar id-destin ta’ ħajjitna kollha: il-ġuħ kontinwu tagħna, l-għatx kontinwu tagħna, it-tiftixa kontinwa tagħna għall-ferħ.

 

Ġesù, fit-talb, ma jridx ixejjen lill-bniedem, ma jridx imewtu. Ma jridx li nsikktu l-mistoqsijiet u x-xewqat ta’ ġo fina għax inkunu tgħallimna nissaportu kollox. Imma jrid li kull tbatija, kull tħassib, norjentawhom lejn is-Sema u jsiru djalogu.

 

Li jkollok il-fidi, kien jgħid xi ħadd, ifisser li tidra tokrob.

 

Jeħtieġ inkunu lkoll bħal Bartimew tal-Vanġelu (ara Mk 10:46-52) – tiftakruha dik is-silta tal-Vanġelu, ta’ Bartimew, bin Timew –, dak ir-raġel agħma li kien jittallab ħdejn il-bibien ta’ Ġeriko. Madwaru kellu ħafna nies twajba tordnalu biex jiskot: “Agħlaq ħalqek! Għaddej il-Mulej. Bi kwietek. Ittellifx. L-Imgħallem għandu ħafna x’jagħmel, iddejqux. Qed iddejjaq lil kulħadd bl-għajat tiegħek. Iddejjaqniex”. Imma hu ma tahomx widen: b’insistenza qaddisa, baqa’ jippretendi li l-qagħda fqajra tiegħu saflaħħar setgħet tiltaqa’ ma’ Ġesù. U iktar għajjat bil-qawwa! U n-nies edukata: “U le, hawn l-Imgħallem, ħu paċenzja! Qed taqta’ figura kerha!”. U hu baqa’ jgħajjat għax ried li jibda jara, ried jitfejjaq: “Ġesù, ikollok ħniena minni!” (v. 47). Ġesù raddlu lura l-viżta, u qallu: “Il-fidi tiegħek fejqitek” (v. 52), kważi biex juri li l-ħaġa deċiżiva għall-fejqan tiegħu kienet dik it-talba, dik l-invokazzjoni ta’ karba bil-fidi, iktar b’saħħitha mis-“sens komun” ta’ tant persuni li riedu jagħlqulu ħalqu. It-talb mhux biss hu t-triq għas-salvazzjoni, imma b’xi mod diġà fih is-salvazzjoni, għax hu ħieles mill-qtigħ il-qalb ta’ min ma jemminx fi triq li tista’ taqilgħu minn tant sitwazzjonijiet insopportabbli.

 

Bla dubju, imbagħad, kull min jemmen iħoss ukoll il-bżonn li jfaħħar lil Alla. Il-Vanġeli jġibu dik l-esklamazzjoni ta’ ferħ li toħroġ minn qalb Ġesù, mimlija għoġba rikonoxxenti lejn il-Missier (ara Mt 11:25-27). L-ewwel Insara saħansitra ħassew il-bżonn li jżidu mat-test tal-“Missierna” din id-dossoloġija: “Għax tiegħek hija l-qawwa u l-glorja għal dejjem” (Didaché, 8, 2).

 

Imma ħadd minna ma hu obbligat iħaddan it-teorija li hemm min ipprova jressaq fil-passat, li t-talba ta’ petizzjoni hi għamla dgħajfa tal-fidi, waqt li t-talba l-iżjed awtentika hi dik purament ta’ tifħir, dik li tfittex lil Alla mingħajr il-piż ta’ xi petizzjoni. Le, dan mhux minnu. It-talba ta’ petizzjoni hi awtentika, hi spontanja, hi att ta’ fidi f’Alla li hu l-Missier, li hu twajjeb, li jista’ kollox. Hi att ta’ fidi fija nnifsi, li jiena ċkejken, midneb, fil-bżonn. U għalhekk it-talb, biex qed jitlob xi ħaġa, hu tassew nobbli. Alla hu l-Missier li għandu kompassjoni immensa għalina, u jrid li wliedu jkellmuh bla biża’, billi direttament isejħulu “Missier”; jew qalb id-diffikultajiet jgħidulu: “Imma Mulej, x’għamiltli?”. Għalhekk nistgħu nirrakkontawlu kollox, anki dawk l-affarijiet li f’ħajjitna jibqgħu mgħawġa jew ma nistgħux nifhmuhom. U wegħedna li sa jibqa’ magħna għal dejjem, sal-aħħar jiem li ngħaddu fuq din l-art. Ejjew nitolbu l-Missierna, u nibdew hekk, sempliċiment: “Missier” jew “Pa”. U hu jifhimna u jħobbna ħafna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard