IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 12 ta’ Ġunju 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 2.

“Dan issieħeb mal-ħdax-il Appostlu” (Atti 1:26)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Bdejna mixja ta’ katekeżi li se ssegwi l-“vjaġġ”: il-vjaġġ tal-Vanġelu rrakkuntat mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli, għax dan il-ktieb bla dubju ta’ xejn jurina l-vjaġġ tal-Vanġelu, kif il-Vanġelu baqa’ jixtered iktar, iktar, iktar… Kollox jagħmel parti mill-Qawmien ta’ Kristu. Fil-fatt, din mhijiex ġrajja fost l-oħrajn, imma hi l-għajn tal-ħajja ġdida. Id-dixxipli dan jafuh u – ubbidjenti għall-kmand ta’ Ġesù – jibqgħu magħqudin, ħaġa waħda u sħaħ fit-talb. Jinġabru madwar Marija, l-Omm, u jitħejjew biex jirċievu l-qawwa ta’ Alla mhux b’mod passiv, imma billi jsaħħu l-komunjoni ta’ bejniethom.

 

Dik l-ewwel komunità kienet imsawra ftit jew wisq minn mija u għoxrin aħwa: għadd li ġo fih hemm in-numru tnax, emblematiku għal Iżrael, għax jirrappreżenta t-tnax-il tribù, u emblematiku għall-Knisja, minħabba fit-tnax-il Appostlu magħżula minn Ġesù. Imma issa, wara l-ġrajjiet dolorużi tal-Passjoni, l-Appostli tal-Mulej m’għadhomx iżjed tnax, imma ħdax. Wieħed minnhom Ġuda, m’għadux hemm iżjed: mifni bir-rimors, neħħa ħajtu b’idejh.

 

Diġà minn qabel kien beda jinfired mill-komunjoni mal-Mulej u mal-oħrajn, jaħdem għalih waħdu, jiżola ruħu, u jorbot qalbu mal-flus sakemm beda jinqeda bil-foqra, jitlef minn quddiem għajnejh ix-xefaq tal-gratwità u tal-għotja tiegħu nnifsu, sakemm ħalla l-marda tal-kburija tniġġislu moħħu u qalbu u minn “ħabib” (Mt 26:50) tibdlu f’għadu u f’“mexxej ta’ dawk li qabdu lil Ġesù” (Atti 1:16). Ġuda kien irċieva l-grazzja kbira li jagħmel parti mill-grupp ta’ dawk l-iżjed qrib ta’ Ġesù u li jieħu sehem fl-istess ministeru tiegħu, imma f’ċertu punt ippretenda li seta’ “jsalva” ħajtu waħdu bir-riżultat li tilifha (ara Lq 9:24). Ma baqax jappartieni għall-qalb ta’ Ġesù u ħareġ ’il barra mill-komunjoni miegħu u ma’ dawk li huma tiegħu. Ma baqax dixxiplu u tela’ fuq ras l-Imgħallem. Biegħu u “bil-qligħ inġust tiegħu” kiseb art, li ma tatx frott imma xxarrbet bl-istess demm tiegħu (ara Atti 1:18-19).

 

Jekk Ġuda pprefera l-mewt mill-ħajja (ara Dewt 30:19; Sir 15:17) u mexa fuq l-eżempju tal-ħżiena li triqthom hi bħad-dalma u jispiċċaw jinqerdu (ara Prov 4:19; Salm 1:6), il-Ħdax għażlu l-ħajja, il-barka, u ħadu fuqhom ir-responsabbiltà li min-naħa tagħhom ixerrduha fl-istorja, minn nisel għal nisel, mill-poplu ta’ Iżrael għall-Knisja.

 

L-evanġelista Luqa jurina li quddiem it-tluq ta’ wieħed mit-Tnax, li fetaħ ġerħa fil-ġisem tal-komunità, hemm bżonn li xogħlu jgħaddi għand ħaddieħor. U min jista’ jieħdu? Pietru juri x’inhu r-rekwiżit: il-membru ġdid irid ikun mexa wara Ġesù bħala dixxiplu sa mill-bidu, jiġifieri mill-magħmudija fil-Ġordan, sal-aħħar, jiġifieri sat-tlugħ fis-Sema (ara Atti 1:21-22). Hemm bżonn li l-grupp jerġa’ jsir ta’ Tnax. Hawn titnieda l-prassi tad-dixxerniment komunitarju, jiġifieri li wieħed jara r-realtà bl-għajnejn ta’ Alla, fl-ottika tal-għaqda u tal-komunjoni.

 

Tnejn huma l-kandidati: Ġużeppi Barsaba u Mattija. Għalhekk il-komunità kollha titlob hekk: “Mulej, int li tagħraf il-qalb ta’ kulħadd, uri liema minn dawn it-tnejn int għażilt biex jieħu l-post… li minnu telaq Ġuda” (Atti 1:24-25). U permezz tat-tfigħ tax-xorti, il-Mulej jindika lil Mattija, li jissieħeb mal-Ħdax. U hekk jerġa’ jitwaqqaf il-korp tat-Tnax, sinjal tal-komunjoni, u l-komunjoni tirbaħ fuq kull firda, fuq l-iżolament, fuq il-mentalità li tassolutizza l-ispazju tal-privat, sinjal li l-komunjoni hi l-ewwel xhieda li joffru l-Appostli. Ġesù kien qalilhom: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).

 

Fl-Atti tal-Appostli, it-Tnax juru x’inhu l-istil tal-Mulej. Huma x-xhieda akkreditati tal-opra tas-salvazzjoni ta’ Kristu u lid-dinja ma juruhiex li jippretendu li huma perfetti, imma, permezz tal-grazzja tal-għaqda, joħorġu fid-deher Ieħor li issa jgħix b’mod ġdid qalb il-poplu tiegħu. U min hu dan? Hu l-Mulej Ġesù. L-Appostli jagħżlu li jgħixu taħt il-ħakma tal-Irxoxt fl-għaqda bejn l-aħwa, li ssir l-unika atmosfera possibbli tad-don awtentiku tagħhom infushom.

 

Aħna wkoll jeħtieġ niskopru mill-ġdid il-ġmiel tax-xhieda tal-Irxoxt, billi noħorġu mill-atteġġjamenti awtoreferenzjali tagħna, ma nżommux għalina d-doni ta’ Alla u ma nċedux għall-medjokrità. Il-mod kif reġa’ ngħaqad il-kulleġġ appostoliku juri li fid-DNA tal-komunità Nisranija hemm l-għaqda u l-libertà minna nfusna, li jippermettulna li ma nibżgħux mid-diversità, li ma nintrabtux mal-ħwejjeġ u mad-doni, u li nsiru martyres, jiġifieri xhieda kollha dawl ta’ Alla l-ħaj li jaħdem fl-istorja.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard