Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq nieqaf ftit fuq dik id-dimensjoni tat-tama li hi ­­l-istennija attenta. It-tema tas-sahra hi waħda mill-aspetti ewlenin tat-Testment il-Ġdid. Ġesù jipprietka hekk lid-dixxipli tiegħu: “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat, jiftħulu minnufih” (Lq 12:35-36). F’dan iż-żmien ta’ wara l-qawmien ta’ Ġesù, fejn jaleternaw kontinwament bejniethom mumenti sereni u oħrajn ta’ tbatija, l-Insara qatt ma jintelqu. Il-Vanġelu jirrikkmandalna li nkunu bħall-qaddejja li qatt ma jmorru jorqdu, sakemm ma jkunx daħal lura sidhom. Din id-dinja titlob minna responsabbiltà, u aħna nassumuha kollha u bi mħabba. Ġesù jrid li l-ħajja tagħna tkun ħabrieka, li qatt ma nbaxxu l-miri tagħna, biex nilqgħu bi gratitudni u għoġba kull jum ġdid mogħti lilna mill-Mulej. Kull għodwa hi paġna bajda li n-Nisrani jibda jikteb bl-opri tajba tiegħu. Aħna diġà ġejna salvati mill-fidwa ta’ Ġesù, imma issa nistennew id-dehra sħiħa tal-ħakma tiegħu: meta saflaħħar Alla jkun kollox f’kulħadd (ara 1 Kor 15:28). Xejn ma hu iżjed żgur, fil-fidi tal-Insara, minn dan l-“appuntament”, dan l-appuntament mal-Mulej, meta hu għad jiġi. U meta jasal dan il-jum, aħna l-Insara rridu nkunu bħal dawk il-qaddejja li qattgħu l-lejl b’ġenbejhom imħażżma u l-imsiebaħ mixgħula: irridu nkunu lesti biex nilqgħu s-salvazzjoni li ġejja, lesti għal din il-laqgħa. Ħsibtu, intom, kif għad tkun dik il-laqgħa ma’ Ġesù, meta hu jiġi? Sa tkun tgħanniqa, ferħ bla qies, ferħ kbir! Irridu ngħixu fl-istennija ta’ din il-laqgħa!

 

In-Nisrani mhux magħmul biex joqgħod jagħmel id-dwejjaq; jekk xejn, hu magħmul biex jistabar. Jaf li mqar fil-monotonija ta’ ċerti ġranet dejjem l-istess hemm moħbi misteru ta’ grazzja. Hemm persuni li bil-perseveranza ta’ mħabbithom isiru bħal bjar li jsaqqu d-deżert bl-ilma. Xejn ma jiġri għalxejn, u l-ebda sitwazzjoni li fiha jsib ruħu mgħaddas in-Nisrani ma hi kompletament reżistenti għall-imħabba. L-ebda lejl ma hu daqshekk twil li jista’ jnessi l-ferħ taż-żerniq. U iżjed ma jkun mudlam il-lejl, eqreb hu sbiħ il-jum. Jekk nibqgħu magħquda ma’ Ġesù, il-kesħa tal-mumenti ibsin ma tħalliniex paralizzati; u mqar jekk id-dinja kollha kellha tipprietka kontra t-tama, jekk kellha tgħidilna li l-futur sa jġibilna biss sħab iswed, in-Nisrani jaf li f’dak l-istess futur hemm il-miġja lura ta’ Kristu. Meta sa jseħħ dan ħadd ma jaf, imma l-ħsieb li fl-aħħar tal-istorja tagħna hemm Ġesù Ħanin, hu biżżejjed biex nafdaw u ma nisħtux il-ħajja. Kollox għad jiġi mifdi. Kollox. Se nbatu, sa jkun hemm mumenti li jqanqlu rabja u korla, imma t-tifkira ħelwa u qawwija ta’ Kristu tkeċċi t-tentazzjoni tal-ħsieb li din il-ħajja hi xi żball.

 

Issa li sirna nafu lil Ġesù, aħna ma nistgħux ħlief inħarsu lejn l-istorja b’fiduċja u tama. Ġesù hu bħal dar, u aħna qegħdin fiha, u mit-twieqi ta’ din id-dar aħna nħarsu lejn id-dinja. Għalhekk ma ningħalqux fina nfusna, ma noqogħdux nibku b’malinkonija xi passat li jidher tad-deheb, imma ejjew inħarsu dejjem ’il quddiem, lejn futur li mhuwiex biss opra ta’ jdejna, imma li qabelxejn hu fil-ħsieb kostanti tal-providenza ta’ Alla. Dak kollu li hu mudlam, jum wieħed għad isir dawl.

 

U naħsbu wkoll li Alla ma jgiddibx lilu nnifsu. Qatt. Alla ma jqarraq qatt bina. Ir-rieda tiegħu għalina mhix mudlama, imma hi pjan ta’ salvazzjoni mirqum tajjeb: “Irid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (1 Tim 2:4). Għalhekk ma nintelqux f’idejn il-ġrajjiet li jgħaddu minn għalina b’pessimiżmu, bħallikieku l-istorja kienet ferrovija li tlifna l-kontroll tagħha. Ir-rassenjazzoni mhijiex virtù Nisranija. Bħalma mhix ħaġa tan-Nisrani li jagħti spallejh jew ibaxxi rasu quddiem destin li jidher donnu ma jistax jaħrab minnu.

 

Min iġib it-tama lid-dinja qatt ma hu persuna li ċċedi. Ġesù jgħidilna biex nistennewh, imma ma noqogħdux b’idejna fuq żaqqna: “Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru!” (Lq 12:37). Ma hemmx bennej tal-paċi li fl-aħħar mill-aħħar ma pperikolax il-paċi personali tiegħu għax tgħabba bil-problemi tal-oħrajn. Il-persuna li ċċedi ma hijiex bennejja tal-paċi imma għażżiena, trid toqgħod komda hi. Mentri n-Nisrani hu bennej tal-paċi meta jirriskja, meta jkollu l-kuraġġ li jirriskja biex iġib il-ġid, il-ġid li Ġesù tana, li tana bħala teżor.

 

F’kull jum ta’ ħajjitna, intennu dik l-invokazzjoni li l-ewwel dixxipli, fl-ilsien Aramajk tagħhom, kienu jesprimu bil-kliem Marana tha, li nerġgħu nsibuha fl-aħħar vers tal-Bibbja: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok 22:20). Hu r-ritornell ta’ kull ħajja Nisranija: fid-dinja tagħna m’għandna bżonn ta’ xejn iktar ħlief iż-żegħila ta’ Kristu. Xi grazzja tkun jekk, fit-talb, fil-jiem tqal ta’ din il-ħajja, nisimgħu leħnu li jweġibna u jiżgurana: “Arani ġej minnufih” (Apok 22:7)!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard