IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 10 ta’ April 2019

 

Katekeżi fuq il-“Missierna”: 12. Aħfrilna dnubietna

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! Il-ġurnata ma tantx ħarġet sabiħa, imma xorta nagħtikom l-għodwa t-tajba!

 

Wara li nkunu tlabna lil Alla l-ħobż ta’ kuljum, it-talba tal-“Missierna” tidħol fil-qasam tar-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn. U Ġesù jgħallimna nitolbu lill-Missier: “Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Kif għandna bżonn tal-ħobż, hekk ukoll għandna bżonn tal-maħfra. U dan, ta’ kuljum.

 

In-Nisrani li jitlob, qabelxejn jitlob lil Alla jaħfirlu d-dejn tiegħu, jiġifieri dnubietu, il-ħwejjeġ koroh li jagħmel. Din hi l-ewwel verità f’kull talba: imqar kieku konna persuni perfetti, imqar li konna wkoll qaddisin bla tebgħa li ma joħorġu qatt mit-triq it-tajba, dejjem nibqgħu wlied li jafu kulma għandhom lill-Missier. Liema hi l-iktar imġiba perikuluża fil-ħajja ta’ kull Nisrani? Hi l-kburija. Hu l-atteġġjament ta’ min joqgħod quddiem Alla u jaħseb li l-kontijiet tiegħu miegħu huma dejjem fl-ordni: il-kburi bih innifsu jemmen li kollox f’postu għandu. Bħal dak il-Fariżew tal-parabbola, li fit-Tempju jaħseb li mar jitlob, imma fir-realtà mar ifaħħar lilu nnifsu quddiem Alla: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin”. U dawk li jħossuhom perfetti, dawk li jikkritikaw lill-oħrajn, huma nies imkabbrin. Ħadd minna mhu perfett, ħadd. Bil-maqlub, il-Pubblikan, li kien fuq wara, fit-Tempju, midneb mistkerrah minn kulħadd, jieqaf fuq l-għatba tat-Tempju, u ma jħossx li jistħoqqlu jidħol ġewwa, u għalhekk jintelaq f’idejn il-ħniena ta’ Alla. U Ġesù jikkummenta: “Dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat” (Lq 18:14), jiġifieri maħfur, salvat. Għaliex? Għax ma kienx jitkabbar, għax kien jaf x’inhuma l-limiti u d-dnubiet tiegħu.

 

Hemm dnubiet li jidhru u dnubiet li ma jidhrux. Hemm dnubiet ħoxnin li jagħmlu storbju, imma hemm ukoll dnubiet li jbejtu ħelu ħelu fil-qalb tagħna mingħajr mank nintebħu. L-agħar fost dawn hi s-suppervja, li minnha jistgħu jittieħdu l-persuni li jgħixu ħajja reliġjuża intensa. Kien hemm darba kunvent ta’ sorijiet, fis-snin 1600-1700, famuż, fi żmien il-Ġanseniżmu: kienu perfettissmi u kien jingħad dwarhom li kienu puri daqs l-anġli, imma suppervi bħad-dimonji. Kemm hi ħaġa kerha! Id-dnub jaqsam il-fraternità, id-dnub iġagħalna naħsbu li aħna aħjar mill-oħrajn, id-dnub ibellagħhielna li aħna bħal Alla.

 

Imma quddiem Alla aħna lkoll midinba u għandna għalfejn inħabbtu fuq sidirna – kollha! – bħal dak il-Pubblikan fit-Tempju. San Ġwann, fl-Ewwel Ittra tiegħu, jikteb: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1 Ġw 1:8). Jekk trid tqarraq bik innifsek, għid li m’għandekx dnub: hekk tkun tqarraq bik innifsek.

 

Aħna midjuna qabelxejn għax f’din il-ħajja rċivejna ħafna: l-eżistenza, missier u omm, il-ħbiberija, il-ġmiel tal-għaġeb tal-ħolqien… Anki jekk kulħadd jgħaddi minn ġranet ibsin, dejjem irridu niftakru li l-ħajja hi grazzja, hi l-miraklu li Alla ħoloq mix-xejn.

 

It-tieni nett, aħna midjunin għax, imqar jekk jirnexxielna nħobbu, ħadd minna ma hu kapaċi jagħmel dan bil-qawwa tiegħu waħdu. L-imħabba vera hi meta nistgħu nħobbu, imma bil-grazzja ta’ Alla. Ħadd minna ma jibbrilla bid-dawl tiegħu nnifsu. Hemm dak li t-teologi tal-qedem kienu jsejħulu “mysterium lunæ” mhux biss fl-identità tal-Knisja, imma anki fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Xi jfisser, dan il-“mysterium lunæ”? Li hu bħall-qamar, li m’għandux id-dawl minnu nnifsu: jirrifletti d-dawl tax-xemx. Anki aħna, ma niħdux id-dawl tagħna minna nfusna: id-dawl li għandna hu rifless tal-grazzja ta’ Alla, tad-dawl ta’ Alla. Jekk tħobb, dan tagħmlu għax xi ħadd, ’il barra minnek, tbissimlek meta kont tarbija, u hekk għallmek twieġeb bi tbissima. Jekk tħobb, dan għaliex xi ħadd maġenbek fetaħlek għajnejk għall-imħabba, u fiehmek kif fiha hemm is-sens tal-eżistenza kollha.

 

Nippruvaw nisimgħu l-istorja ta’ xi persuna li żbaljat: ħabsi, ikkundannat, drogat… nafu bosta persuni li jiżbaljaw fil-ħajja. Barra r-responsabbiltà, li hi dejjem personali, qatt staqsejt min għandu t-tort tal-iżbalji ta’ dik il-persuna, jekk hix biss il-kuxjenza tagħha, jew l-istorja ta’ mibegħda jew ta’ abbandun li tkun qed tkaxkar warajha?

 

U dan hu l-misteru tal-qamar: aħna nħobbu qabelxejn għax ġejna maħbuba, naħfru għax ġejna maħfura. U jekk xi ħadd ma ġiex imdawwal mid-dawl tax-xemx, isir silġ bħall-art fix-xitwa.

 

Kif nistgħu, f’din il-katina ta’ mħabba li ġiet qabilna, ma nagħrfux ukoll il-preżenza providenzjali tal-imħabba ta’ Alla? Ħadd minna ma jħobb lil Alla daqskemm hu ħabb lilna. Biżżejjed noqogħdu quddiem Kurċifiss biex nifhmu l-isproporzjon: hu ħabbna u dejjem iħobbna l-ewwel.

 

Mela ejjew nitolbu: Mulej, anki l-iżjed bniedem qaddis fostna ma jieqaf qatt ikun midjun miegħek. O Missier, ħenn għalina lkoll!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard