IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 9 ta’ Jannar 2019

 

Katekeżi fuq il-“Missierna”: 4. Ħabbtu u jiftħulkom

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-katekeżi tal-lum tirriferi għall-Vanġelu ta’ Luqa. Fil-fatt, hu fuq kollox dan il-Vanġelu, sa mir-rakkonti tat-tfulija, li jfissrilna l-figura ta’ Kristu f’atmosfera mimlija bit-talb. Fih insibu t-tliet innijiet li ta’ kuljum isenslu t-talba tal-Knisja: il-Benedictus, il-Magnificat u n-Nunc dimittis.

 

U f’din il-katekeżi fuq il-Missierna nibqgħu mexjin, u naraw lil Ġesù bħala dak li jitlob. Ġesù jitlob. Fir-rakkont ta’ Luqa, ngħidu aħna, l-episodju tat-Trasfigurazzjoni nsibuh fil-qalba ta’ mument ta’ talb. Jgħid hekk: “U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex” (9:29). Imma kull silta mill-ħajja ta’ Ġesù donnha bħal imħarrka min-nifs tal-Ispirtu li jmexxih f’dak kollu li jagħmel. Ġesù jitlob fil-magħmudija tiegħu fil-Ġordan, jiddjaloga mal-Missier qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet l-iżjed importanti, spiss iwarrab waħdu biex jitlob, jinterċedi għal Pietru li ftit wara kien se jiċħdu. Jgħidlu hekk: “Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa” (Lq 22:31-32). Dan hu ta’ faraġ għalina: li  nafu li Ġesù qed jitlob għalina, qed jitlob għalija, għal kull wieħed u waħda minna biex il-fidi tagħna ma tiġix nieqsa. U dan hu minnu. “Imma Dun, għadu jagħmlu dan?”. Għadu jagħmlu dan, quddiem il-Missier. Ġesù jitlob għalija. Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħidu dan. U nistgħu wkoll ngħidu lil Ġesù: “Int qed titlob għalija, kompli itlob għax għandi bżonn”. Hekk: kuraġġjużi.

 

Imqar il-mewt tal-Messija hi mgħaddsa fi klima ta’ talb, tant li s-sigħat tal-Passjoni jidhru mmarkati minn kalma sorprendenti: Ġesù jfarraġ lin-nisa, jitlob għal dawk li sallbuh, iwiegħed il-Ġenna lill-ħalliel it-tajjeb, u jmut b’dan il-kliem fuq fommu: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46). It-talba ta’ Ġesù donnha trattab l-azzjonijiet l-iżjed vjolenti, ix-xewqat ta’ vendetta u ta’ tpattija, tirrikonċilja l-bniedem mal-eħrex għadu tiegħu, tirrikonċilja lill-bniedem ma’ dan l-għadu, li hu l-mewt.

 

Dejjem fil-Vanġelu ta’ Luqa nsibu t-talba, espressa minn wieħed mid-dixxipli, biex Ġesù stess jedukahom għat-talb. U jgħidlu hekk: “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1). Kienu jarawh jitlob. “Għallimna” – anki aħna nistgħu ngħidu lill-Mulej – “Mulej, int qed titlob għalija, naf, imma issa għallem lili nitlob, biex anki jien nista’ nitlob”.

 

Minn din it-talba – “Mulej, għallimna nitolbu” – joħroġ tagħlim pjuttost wiesa’, li bih Ġesù jfisser lid-dixxipli tiegħu b’liema kliem u b’liema sentimenti għandhom iduru lejn Alla.

 

L-ewwel parti ta’ dan it-tagħlim hu sewwasew il-Missierna. Itolbu hekk: “Missierna, li inti fis-Smewwiet”. “Missier”: dik il-kelma hekk sabiħa biex tlissinha. Aħna nistgħu noqogħdu l-ħin kollu tat-talb tagħna b’dik il-kelma waħidha fuq fommna: “Missier”. U nħossu li għandna missier: mhux sid u lanqas xi ħadd li adottana. Le: missier. In-Nisrani jdur lejn Alla u jsejjaħlu qalbelxejn “Missier”.

 

F’dan it-tagħlim li Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu interessanti nieqfu fuq xi istruzzjonijiet li jinkurunaw it-test ta’ din it-talba. Biex jimliena bil-fiduċja, Ġesù jfissrilna xi affarijiet. Dawn jinsistu fuq l-atteġġjamenti ta’ min jemmen u jitlob. Ngħidu aħna, hemm il-parabbola tal-ħabib li jiġi f’ħin ħażin, li jdejjaq familja sħiħa waqt li hi rieqda għax f’daqqa waħda waslitlu persuna minn vjaġġ u m’għandux ħobż x’joffrilha. X’jgħidlu għalih Ġesù dan li jħabbat il-bieb u jqajjem ħabib ieħor mir-raqda? “Ngħidilkom jien”, ifisser Ġesù, “li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu” (Lq 11:8). B’dan irid jgħallimna nitolbu u ninsistu fit-talb. U dritt wara jagħti l-eżempju ta’ missier li għandu ibnu bil-ġuħ. Intom kollha, missirijiet u nanniet, li tinsabu hawn, meta binkom jew in-neputi jitlobkom xi ħaġa, ikun bil-ġuħ, u jitlob u jitlob, imbagħad jibki, jgħajjat, għandu l-ġuħ: “Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?” (v. 11). U intom kollha għandkom l-esperjenza ta’ meta binkom jitlobkom, u intom tagħtuh jiekol dak li jitlobkom, għall-ġid tiegħu.

 

B’dawn il-kelmiet Ġesù jrid jurina li Alla dejjem iwieġeb, li l-ebda talba ma tibqa’ mhix mismugħa, għaliex? Għax hu Missier, u ma jinsa qatt lil uliedu li qed ibatu.

 

Ċertament, dawn l-affermazzjonijiet ipoġġuna fi kriżi, għax ħafna talbiet tagħna donnhom ma jiksbu l-ebda riżultat. Kemm drabi tlabna u ma qlajniex – kollha għandna esperjenza ta’ dan – kemm drabi ħabbattna u sibna l-bieb magħluq f’wiċċna? Ġesù jirrikkmandalna, f’dawn il-mumenti, biex nibqgħu ninsistu u ma ngħoddux ruħna b’mirbuħa. It-talb dejjem jibdel ir-realtà, dejjem. Jekk ma jinbidlux l-affarijiet ta’ madwarna, almenu ninbidlu aħna, tinbidel qalbna. Ġesù wiegħed id-don tal-Ispirtu s-Santu lil kull raġel u lil kull mara li titlob.

 

Nistgħu nibqgħu ċerti li Alla se jwieġeb. L-unika inċertezza hi dwar iż-żmien meta, imma ma niddubitawx li hu se jwieġeb. Forsi sa jkollna nibqgħu ninsistu ħajjitna kollha, imma hu sa jwieġeb. Hekk wegħedna: hu mhuwiex bħal dak il-missier li jagħti serp flok ħuta. Ma hemm xejn iżjed ċert minn hekk: ix-xewqa għall-ferħ li lkoll inġorru f’qalbna jum wieħed għad isseħħ. Jgħidilna Ġesù: “Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq?” (Lq 18:7). Iva, jagħmlilna ħaqq, jismagħna. X’jum ta’ glorja u ta’ qawmien għad ikun dak! It-talb hu sa minn issa r-rebħa fuq is-solitudni u fuq il-qtigħ il-qalb. It-talb. It-talb jibdel ir-realtà, ma ninsewhx dan. Jew jibdel l-affarijiet jew jibdel il-qalb tagħna, imma dejjem iġib bidla. It-talb hu sa minn issa r-rebħa fuq is-solitudni u fuq il-qtigħ il-qalb. Qisek qed tara kull biċċa tal-ħolqien tiżżeffen fit-telqa ta’ storja li xi drabi ma nifhmux l-għaliex tagħha. Imma qed tiċċaqlaq, tinsab f’mixja, u fi tmiem kull triq, x’hemm f’tarf it-triq tagħna? Fi tmiem it-talb, f’tarf iż-żmien li fih qed nitolbu, fi tmiem il-ħajja: x’hemm? Hemm Missier li qed jistenna kollox u qed jistenna lil kulħadd b’dirgħajh miftuħin beraħ. Ejjew inħarsu lejn dan il-Missier.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard