Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed nibdew serje ġdida ta’ katekeżi, li sa tixħtilna ħarsitna fuq il-“qalba” tal-Knisja, jiġifieri l-Ewkaristija. Huwa fundamentali għalina l-Insara li nifhmu tajjeb il-valur u t-tifsira tal-Quddiesa, biex nistgħu ngħixu dejjem iżjed b’mod sħiħ ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla.

 

Ma rridux ninsew l-għadd kbir ta’ Nsara li, fid-dinja kollha, f’elfejn sena ta’ storja, żammew sħiħ sal-mewt biex iħarsu l-Ewkaristija; u kemm, imqar illum, qed jirriskjaw ħajjithom biex jistgħu jieħdu sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd. Fis-sena 304, tul il-persekuzzjonijiet ta’ Djoklezjanu, grupp ta’ Nsara, mill-Afrika ta’ Fuq, daħlu fuqhom waqt li kienu qed jiċċelebraw il-Quddiesa f’dar u sfaw arrestati. Il-Prokonslu Ruman, fl-interrogatorju, staqsiehom għaliex kienu għamlu dan, meta kienu jafu li kien assolutament ipprojbit. U huma wiġbuh: “Mingħajr il-Ħadd ma nistgħux ngħixu”, jiġifieri: jekk ma nistgħux niċċelebraw l-Ewkaristija, ma nistgħux ngħixu, il-ħajja Nisranija tagħna tmut fix-xejn.

 

Fil-fatt, Ġesù qalilhom lid-dixxipli tiegħu: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:53-54).

 

Dawk l-Insara tal-Afrika ta’ Fuq inqatlu għax kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija. Ħallewlna din ix-xhieda li għall-Ewkaristija tista’ tiċċaħħad mill-ħajja fuq din l-art, għax hi tagħtina l-ħajja ta’ dejjem, tagħtina sehem fir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. Xhieda li tisfidana lkoll kemm aħna biex nitolbu tweġiba dwar xi jfisser għal kull wieħed u waħda minna li aħna nieħdu sehem fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa u nersqu madwar il-Mejda tal-Mulej. Qegħdin infittxu tassew dik l-għajn li minnha “jgelgel ilma ħaj” għall-ħajja ta’ dejjem? Li tagħmel minn ħajjitna sagrifiċċju spiritwali ta’ ġieħ u ta’ radd il-ħajr u tagħmel minna ġisem wieħed ma’ Kristu? Dan hu s-sens l-iżjed qawwi tal-Ewkaristija mqaddsa, li tfisser “radd il-ħajr”: radd il-ħajr lil Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu li jdaħħalna u jibdilna fix-xirka ta’ mħabbtu.

 

Fil-katekeżi li ġejjin nixtieq inwieġeb għal xi mistoqsijiet importanti dwar l-Ewkaristija u l-Quddiesa, biex niskopru mill-ġdid, jew sempliċiment niskopru, kif f’dan il-misteru tal-fidi tilma l-imħabba ta’ Alla għalina.

 

Il-Konċilju Vatikan II kien xprunat b’ċerta qawwa mix-xewqa li jwassal lill-Insara jifhmu l-kobor tal-fidi u l-ġmiel tal-laqgħa ma’ Kristu. Għalhekk kien meħtieġ qabelxejn iwettaq, bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, tiġdid xieraq tal-Liturġija, ladarba l-Knisja kontinwament tgħix u tiġġedded biha.

 

Tema ċentrali li l-Padri Konċiljari saħqu fuqha hi l-formazzjoni liturġika tal-fidili, indispensabbli għal tiġdid veru. U huwa proprju dan ukoll l-għan ta’ dan iċ-ċiklu ta’ katekeżi li qed nibdew illum: biex nikbru fl-għarfien tagħna tad-don kbir li Alla tana fl-Ewkaristija.

 

L-Ewkaristija hi ġrajja mill-isbaħ li fiha Ġesù Kristu, il-ħajja tagħna, isir preżenti. Meta nieħdu sehem fil-Quddiesa, aħna “ngħixu għal darb’oħra l-passjoni u l-mewt feddejja tal-Mulej. Hi teofanija: il-Mulej jiġi preżenti fuq l-altar biex jiġi offrut lill-Missier għas-salvazzjoni tad-dinja” (Omelija fil-Quddiesa, Dar Santa Marta, 10 ta’ Frar 2014). Il-Mulej qiegħed hemm magħna, preżenti. Ħafna drabi aħna mmorru hemm, naraw l-affarijiet, inpaċpċu bejnietna waqt li s-saċerdot ikun jiċċelebra l-Ewkaristija… u ma niċċelebrawx qrib tiegħU. Imma dan hu l-Mulej! Kieku llum kellu jiġi hawn il-President tar-Repubblika jew xi persuna oħra importanti ħafna fid-dinja, żgur mhux forsi li kollha kemm aħna konna nersqu qrib tiegħu, inkunu rridu nsellmulu. Imma aħseb ftit: meta inti tmur il-Quddiesa, hemm il-Mulej hemm! U int tibqa’ distratt. Hu l-Mulej! Hemm bżonn naħsbu f’dan. “Dun, għax il-quddies ikun tad-dwejjaq” – “Imma x’int tgħid, il-Mulej tad-dwejjaq?” – Le, le, il-Quddiesa le, il-qassisin” – “Aħ, jalla jikkonvertu l-qassisin, imma dak hu l-Mulej li jinsab hemm!”. Fhimtu? Tinsewhx dan. “Li tieħu sehem fil-Quddiesa jfisser tgħix għal darb’oħra l-passjoni u l-mewt feddejja tal-Mulej”.

 

Issa ejja nippruvaw nagħmlu xi mistoqsijiet sempliċi. Ngħidu aħna, għaliex fil-bidu tal-Quddiesa rroddu s-salib u nagħmlu l-att penitenzjali? U hawn irrid nagħmel parentesi oħra. Intom rajtuhom it-tfal kif irodduh is-salib? Ma tkunx taf x’inhuma jagħmlu, jekk hux is-sinjal tas-salib jew xi taħżiża. Jagħmlu hekk [jagħmel ġest konfuż]. Hemm bżonn ngħallmu lit-tfal iroddu s-salib sew. Hekk tibda l-Quddiesa, hekk tibda l-ħajja, hekk tiftaħ il-ġurnata. Dan ifisser li aħna mifdija bis-salib ta’ Kristu. Ħarsu lejn it-tfal u għallmuhom iroddu s-salib sewwa. U dak il-Qari, fil-Quddiesa, għaliex qiegħed hemm? Għaliex il-Ħadd naqraw tliet Qari u fil-jiem l-oħra tnejn? Għaliex qiegħed hemm, x’tifsira għandu l-Qari tal-Quddiesa? Għaliex jinqraw u x’għandhom x’jaqsmu? Jew, għaliex f’ħin minnhom is-saċerdot li jkun jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni jgħid: “Nerfgħu qlubna ’l fuq”? Ma jgħidx: “Nerfgħu l-mowbajl biex nieħdu ritratt!”. Le, kemm hi ħaġa kerha! U ħa ngħidilkom li jien insewwed qalbi ħafna meta nkunu niċċelebraw hawn fil-Pjazza jew fil-Bażilika u nara dawk il-mowbajls kollha fl-arja, mhux biss tal-fidili, imma anki ta’ xi qassisin u anki isqfijiet. U ejja! Il-Quddiesa mhix spettaklu: fiha sejrin niltaqgħu mal-passjoni u l-qawmien tal-Mulej. Għalhekk is-saċerdot jgħidilna: “Nerfgħu qlubna ’l fuq”. Xi jrid jgħid biha? Ftakru: itilquhom il-mowbajls.

 

Importanti ħafna li nerġgħu lura għall-għeruq, niskopru mill-ġdid dak li hu l-essenzjali, permezz ta’ dak li nistgħu mmissu b’idejna u naraw b’għajnejna fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti. It-talba tal-Appostlu San Tumas (ara Ġw 20:25), li jitħalla jara u jmiss il-pjagi tal-imsiemer fil-ġisem ta’ Ġesù, hi x-xewqa li b’xi mod jirnexxielu “jmiss” lil Alla biex jemmen fih. Dak li San Tumas talab lill-Mulej hu dak li lkoll għandna bżonn: narawh, immissuh biex nistgħu nagħrfuh. Is-Sagramenti jindirizzaw dan il-bżonn tal-bniedem. Is-Sagramenti, u ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika b’mod partikulari, huma s-sinjali tal-imħabba ta’ Alla, it-toroq ipprivileġġjati biex niltaqgħu miegħu.

 

Hekk, permezz ta’ dawn il-katekeżi li qed nibdew illum, nixtieq li flimkien magħkom niksopri mill-ġdid il-ġmiel li hemm moħbi fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, u li, meta nkunu kxifnieh, jagħti sens sħiħ lill-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-Madonna timxi magħna f’din il-biċċa ġdida tat-triq tagħna. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard