IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 8 ta’ Awwissu 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti: 5. L-idolatrija

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu llum nimmeditaw id-Dekalogu, u ninżlu iżjed fil-fond tat-tema tal-idolatrija, li diġà tkellimna fuqha l-ġimgħa l-oħra. Illum qed nerġgħu naqbdu t-tema għax hi importanti ħafna. U nieħdu spunt mill-idolu per eċċellenza, l-għoġol tad-deheb, li fuqu jitkellem il-Ktieb tal-Eżodu (32:1-8) – għadna kemm smajna silta. Dan l-episodju għandu kuntest preċiż: id-deżert, fejn il-poplu qed jistenna lil Mosè, li tela’ fuq l-għolja biex jirċievi l-amar ta’ Alla.

 

X’inhu d-deżert? Hu post fejn isaltnu l-prekarjetà u n-nuqqas ta’ sigurtà – fid-deżert ma hemm xejn – fejn huma neqsin l-ilma, l-ikel u l-kenn. Id-deżert hu xbieha tal-ħajja tal-bniedem, li l-kundizzjoni tagħha hi inċerta u m’għandha l-ebda garanziji li ma jistgħux jinkisru. Dan in-nuqqas ta’ ċertezza jġib fil-bniedem ansjetajiet ewlenin, li Ġesù jsemmi fil-Vanġelu: “X’se nieklu? X’se nixorbu? X’se nilbsu?” (Mt 6:31). Dan hu t-tħassib ewlieni tagħna. U d-deżert jipprovoka dan it-tħassib.

 

U f’dak id-deżert isseħħ xi ħaġa li twassal għall-idolatrija. “Mosè ddawwar ma niżel minn fuq il-muntanja” (Eż 32:1). Baqa’ hemm għal erbgħin jum u n-nies tilfet sabarha. Jonqos il-punt ta’ riferiment li kien Mosè: il-mexxej, il-kap, il-gwida li fuqha setgħu joqogħdu, u dan il-vojt ma setgħux jissaportuh. Allura l-poplu jitlob li jkollu alla li jista’ jara b’għajnejh – din hi n-nassa li jaqa’ fiha l-poplu – biex jista’ jindentifika ruħu miegħu u jorjentah. U jgħid lil Aron: “Qum u agħmlilna allat li jimxu quddiemna”, “Agħtina kap, agħtina mexxej”. In-natura umana, biex taħrab mill-prekarjetà – il-prekarjetà hi d-deżert – tfittex reliġjon “agħmilha-int”: jekk Alla ma jurix ruħu, nagħmlu alla għall-qies tagħna. “Quddiem l-idolu wieħed ma jirriskjax li ssirlu sejħa li toħorġu mis-sikurezzi tiegħu, għaliex l-idoli ‘għandhom il-fomm u ma jitkellmux’ (Salm 115:5). Nifhmu mela li l-idolu huwa skuża biex inqiegħdu lilna nfusna fiċ-ċentru tar-realtà, u naduraw l-opra ta’ jdejna” (Enċiklika Lumen fidei, 13).

 

Aron ma jkollux il-ħila jieqaf quddiem it-talba tan-nies, u jkollu joħolqilhom għoġol tad-deheb. L-għoġol kellu tifsira doppja fil-Lvant qarib tal-qedem: minn naħa kien jirrappreżenta xi ħaġa għammiela u abbundanti, u mill-oħra enerġija u qawwa. Imma qabelxejn hu tad-deheb, jiġifieri simbolu ta’ għana, suċċess, poter u flus. Dawn huma l-idoli l-kbar: suċċess, poter u flus. Huma t-tentazzjonijiet ta’ dejjem! Dan hu l-għoġol tad-deheb: is-simbolu tax-xewqat kollha li jagħtuna l-illużjoni tal-libertà biex minflok ijassruna taħthom, għax l-idolu dejjem ijassar. Tara xi ħaġa li tiġbdek u tersaq lejha. Dak il-faxxinu tas-serp, li jħares lejn l-għasfur u l-għasfur jibqa’ hemm bla ma jista’ jiċċaqlaq sakemm is-serp jaħtfu. Aron ma għarafx jeħodha kontrihom.

 

Imma kollox ġej min-nuqqas ta’ ħila li nafdaw f’Alla fuq kull ħaġa oħra, li nqiegħdu fih iċ-ċertezzi tagħna, li nħallu lilu jagħti profondità vera lix-xewqat ta’ qalbna. Dan jgħinna biex nissaportu anki d-dgħufija, l-inċertezza u l-prekarjetà. Ir-riferiment għal Alla jqawwina fid-dgħufija tagħna, fl-inċertezza u anki fil-prekarjetà. Mingħajr il-primat ta’ Alla faċli naqgħu għall-idolatrija u nikkuntentaw ruħna b’rassigurazzjonijiet miżeri. Imma din hi tentazzjoni li fil-Bibbja dejjem naqraw dwarha. U aħsbu sewwa f’dan: lil Alla ma tantx swielu xogħol li jeħles lill-poplu mill-Eġittu; dan hu għamlu b’sinjali ta’ qawwa, ta’ mħabba. Imma l-biċċa xogħol il-kbira ta’ Alla kienet kif sa jneħħi l-Eġittu minn qalb il-poplu, jiġifieri jqaċċat l-idolatrija mill-qalb tal-poplu. U sal-lum Alla għadu jaħdem biex ineħħiha minn qlubna. Din hi l-ħidma kbira ta’ Alla: kif ineħħi “dak l-Eġittu” li aħna nġorru ġo fina, li hu l-faxxinu tal-idolatrija.

 

Meta nilqgħu lil Alla ta’ Ġesù Kristu, li minn għani ftaqar għalina (ara 2 Kor 8:9), imbagħad niskopru li meta nagħrfu d-dgħufija tagħna din mhix id-diżgrazzja tal-ħajja umana, imma l-kundizzjoni biex ninfetħu għal dak li hu tassew qawwi. U hemm, mill-bieb tad-dgħufija, tidħol is-salvazzjoni ta’ Alla (ara 2 Kor 12:10); u hu proprju meta jagħraf li waħdu ma jista’ jagħmel xejn li l-bniedem jinfetaħ għall-paternità ta’ Alla. Il-libertà tal-bniedem titnissel meta jħalli lill-veru Alla jkun il-Feddej waħdieni tiegħu. U dan jippermettilna li naċċettaw id-dgħufija tagħna u nirrifjutaw l-idoli ta’ qalbna.

 

Aħna l-Insara ndawru ħarsitna lejn Kristu mislub (ara Ġw 19:37), li hu dgħajjef, imżeblaħ u mneżża’ minn kollox. Imma fih jidher il-wiċċ ta’ Alla l-veru, il-glorja tal-imħabba u mhux dik tal-qerq li jagħmi. Jgħid Iżaija: “Bil-ġrieħi tiegħu aħna fiqna” (53:5). Aħna ksibna l-fejqan tagħna proprju bid-dgħufija ta’ bniedem li kien Alla, bil-ġrieħi tiegħu. U bid-dgħufijiet tagħna nistgħu ninfetħu għas-salvazzjoni ta’ Alla. Il-fejqan tagħna jiġi minn dak li ftaqar, li laqa’ l-falliment, li ħa fuqu l-prekarjetà kollha tagħna biex jimlieha bl-imħabba u bil-qawwa. Hu jiġi biex jurina l-paternità ta’ Alla; fi Kristu d-dgħufija tagħna ma għadhiex saħta, imma saret post ta’ laqgħa mal-Missier u għajn ta’ qawwa ġdida mill-għoli.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard