IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 8 ta’ Mejju 2019

 

Katekeżi fuq il-Vjaġġ Appostoliku fil-Bulgarija u l-Maċedonja ta’ Fuq

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ilbieraħ dħalt lura, tard filgħaxija, minn vjaġġ appostoliku ta’ tlitt ijiem li ħadni l-Bulgarija u l-Maċedonja ta’ Fuq. Nirringrazzja lil Alla li tani li nagħmel dawn iż-żjajjar, u nġedded il-gratitudni tiegħi lejn l-Awtoritajiet ċivili ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li laqgħuni b’kortesija u disponibbiltà kbira. Lill-Isqfijiet ta’ dawk il-Komunitajiet ekkleżjali ngħidilhom “grazzi” iktar mill-qalb, tal-imħabba u d-devozzjoni li biha seħbuni tul dan il-pellegrinaġġ tiegħi.

 

Fil-Bulgarija ħassejt tmexxini t-tifkira ħajja ta’ San Ġwanni XXIII, li kien ġie mibgħut f’dak il-pajjiż fl-1925 bħala Viżitatur, jiġifieri Delegat Appostoliku. Imdawwal mill-eżempju tiegħu ta’ tjieba u ta’ karità pastorali, iltqajt ma’ dak il-poplu, imsejjaħ biex jagħmilha ta’ pont bejn l-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u ta’ Isfel; bil-motto “Pacem in terris” stedint lil kulħadd biex nimxu flimkien fit-triq tal-fraternità; u f’din it-triq, b’mod partikulari, kelli l-ferħ li mmidd pass ’il quddiem fil-laqgħa mal-Patrijarka tal-Knisja Ortodossa Bulgara Neofit u l-Membri tas-Sinodu Mqaddes. Fil-fatt, bħala Nsara, il-vokazzjoni u l-missjoni tagħna hi li nkunu sinjal u strument ta’ għaqda, u nistgħu nkunu hekk, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, billi nippreferu dak li jgħaqqadna minn dak li firidna jew għadu jifridna sal-lum.

 

Il-Bulagarija tal-lum hi waħda mill-artijiet evanġelizzati mill-qaddisin Ċirillu u Metodju, li San Ġwanni Pawlu II qegħedhom flimkien ma’ San Benedittu bħala Patruni tal-Ewropa. F’Sofija, fil-Katidral Patrijarkali maestuż ta’ San Aleksander Nevkij, waqaf f’ħin ta’ talb quddiem ix-xbieha mqaddsa taż-żewġ aħwa qaddisin. Huma, ta’ oriġni Griega, minn Salonicco, għarfu jużaw bi kreattività l-kultura tagħhom biex jgħaddu l-messaġġ Nisrani lill-popli Slavi; ħarġu b’alfabett ġdid li bih ittraduċew għal-lingwa Slava kemm il-Bibbja u kemm it-testi liturġiċi. Anki llum għandna bżonn ta’ evanġelizzaturi appassjonati u kreattivi, biex il-Vanġelu jilħaq lil dawk li għadhom ma jafuhx u jista’ jsaqqi mill-ġdid dawk l-artijiet fejn l-għeruq qodma Nsara nixfu. B’dan ix-xefaq quddiemi ċċelebrajt darbtejn l-Ewkaristija mal-komunità Kattolika fil-Bulgarija u qawwejtilha qalbha biex tittama u tagħmel il-frott. Nirringrazzja mill-ġdid lil dak il-poplu ta’ Alla li wrieni tant fidi u tant imħabba.

 

L-aħħar ħaġa li għamilt fil-vjaġġ fil-Bulgarija għamiltha flimkien mar-rappreżentanti tad-diversi reliġjonijiet: tlabna lil Alla għad-don tal-paċi, waqt li grupp ta’ tfal tellgħu l-fjakkli mixgħula, simbolu tal-fidi u tat-tama.

 

* * *

 

Fil-Maċedonja ta’ Fuq seħbitni l-preżenza spiritwali qawwija ta’ Santa Madre Tereża ta’ Calcutta, li twieldet Skopje fl-1910 u hemm, fil-parroċċa tagħha, irċiviet is-Sagramenti tal-Inizjazzjoni Nisranija u tgħallmet tħobb lil Ġesù. F’din il-mara, daqs nitfa imma mimlija bil-qawwa grazzi għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fiha, nilmħu x-xbieha tal-Knisja f’dak il-pajjiż u f’periferiji oħra tad-dinja: komunità żgħira li, bil-grazzja ta’ Kristu, issir dar li tilqa’ fiha lil ħafna u fejn huma jħossu l-faraġ u l-ġid għal ħajjithom. Fil-Memorjal ta’ Madre Tereża tlabt fil-preżenza ta’ mexxejja oħra reliġjużi u ta’ grupp imdaqqas ta’ foqra, u berikt l-ewwel ġebla ta’ santwarju ddedikat lilha.

 

Il-Maċedonja ta’ Fuq ilha pajjiż indipendenti sa mill-1991. Is-Santa Sede fittxet sa mill-bidu li twieżen il-mixja tagħha u biż-żjara tiegħi ridt inħeġġeġ fuq kollox il-ħila tradizzjonali tagħha li tilqa’ diversi appartenenzi etniċi u reliġjużi; kif ukoll l-impenn tagħha li tilqa’ u tgħin numru kbir ta’ migranti u ta’ refuġjati matul il-perjodu kritiku tal-2015 u l-2016. Hemm akkoljenza kbira hemm, għandhom qalb kbira. Il-migranti qed joħolqulhom il-problemi, imma huma jilqgħuhom u jħobbuhom, u l-problemi jsolvuhom. Din hi ħaġa kbira li nara f’dan il-poplu. Ċapċipa lil dan il-poplu.

 

Il-Maċedonja ta’ Fuq hi pajjiż żagħżugħ mil-lenti istituzzjonali; pajjiż ċkejken u li għandu bżonn jinfetaħ għal ixfqa usa’ mingħajr ma jitlef għeruqu. Għalhekk fisser ħafna li proprju hemm kelli l-laqgħa maż-żgħażagħ. Żgħażagħ minn diversi konfessjonijiet Insara u anki ta’ reliġjonijiet oħra – Musulmani, ngħidu aħna –, kollha bl-istess xewqa li jibnu xi ħaġa sabiħa fil-ħajja tagħhom. Stedinthom joħolmu bil-kbir u ma jiddejqux jirriskjaw, u bħaż-żagħżugħa Agnes – il-futura Madre Tereża – jisimgħu leħen Alla li jitkellem fit-talb u mill-ġisem tal-aħwa fil-bżonn. Bqajt milqut, meta mort inżur lis-Sorijiet ta’ Madre Tereża: kienu mal-foqra, u bqajt milqut mill-ħlewwa evanġelika ta’ dawn in-nisa. Din il-ħlewwa tinbet mit-talb, mill-adorazzjoni. Huma jilqgħu lil kulħadd, iħossuhom aħwa, ommijiet ta’ kulħadd, u dan jagħmluh bi ħlewwa. Kemm drabi aħna l-Insara qed nitilfu din id-dimensjoni tal-ħlewwa, u meta ma hemmx ħlewwa, insiru serji żżejjed, wiċċna mqarras. Dawn is-sorijiet għandhom ħlewwa liema bħalha u jagħmlu l-karità, imma l-karità hekk kif inhi, bla ma jlibbsuha maskri. Għax meta ssir il-karità mingħajr ħlewwa, jiġri daqslikieku fuq l-opra tal-karità nkunu tfajna tazza ħall. Le, il-karità hi hienja, mhix qarsa. Dawn is-sorijiet huma eżempju sabiħ ta’ dan. Il-Mulej iberikhom, kollha.

 

Barra x-xhieda taż-żgħażagħ, fi Skopje smajt dik tas-saċerdoti u tal-persuni kkonsagrati. Irġiel u nisa li taw ħajjithom għal Kristu. Illum jew għada tiġi t-tentazzjoni li jgħidu: “Mulej, x’jiswa dan id-don żgħir tiegħi quddiem il-problemi tal-Knisja u tad-dinja?”. Għalhekk fakkarthom li xi ftit tal-ħmira tista’ ttella’ l-għaġna kollha, u ftit tal-fwieħa, pura u konċentrata, tista’ timla b’riħa tfuħ lill-ambjent kollu.

 

Dan hu l-misteru ta’ Ġesù Ewkaristija, żerriegħa ta’ ħajja ġdida għall-bnedmin kollha. Fil-Quddiesa li ċċelebrajna flimkien fil-pjazza ta’ Skopje, ġeddidna, f’periferija tal-Ewropa tal-lum, il-miraklu ta’ Alla li bi ftit ħobżiet u ħutiet, miksura u maqsuma, jaqta’ l-ġuħ tal-ġmiegħi. Lill-Providenza tiegħu bla tarf nafdaw il-preżent u l-futur tal-popli li żort tul dan il-vjaġġ. U nistedinkom ilkoll titolbu lill-Madonna tbierek dawn iż-żewġ pajjiżi: il-Bulgarija u l-Maċedonja ta’ Fuq.

 

[Sliema…]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard