UDJENZA
ĠENERALI
Pjazza
San Pietru
L-Erbgħa
7 ta’ Novembru
2018
Katekeżi
fuq il-Kmandamenti, 14:
La tisraqx
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu
bl-ispjega tagħna tad-Dekalogu, u llum wasalna fis-Seba’ Kelma: “La tisraqx”.
Meta naħsbu
f’dan il-kmandament ħsiebna jmur fuq it-tema tas-serq u fuq ir-rispett
lejn il-proprjetà ta’ ħaddieħor. Ma teżisti l-ebda kultura fejn
is-serq u l-abbuż mill-ġid huma xi ħaġa leċita;
fil-fatt, is-sensibbiltà umana hi suxxettibbli għad-difiża
tal-ġid li wieħed jippossedi.
Imma tajjeb
niftħu qalbna għal qari usa’ ta’ din il-Kelma, billi niffukaw fuq it-tema
tal-proprjetà tal-ġid fid-dawl tal-għerf Nisrani.
Fid-duttrina
soċjali tal-Knisja nitkellmu dwar id-destinazzjoni
universali tal-ġid. Xi jfisser dan? Nisimgħu x’jgħid
il-Katekiżmu: “Fil-bidu Alla ħalla l-art bil-ġid kollu
tagħha taħt it-tmexxija tal-bniedem, biex jieħu ħsiebha,
jaħkimha bix-xogħol tiegħu u jgawdi l-frott tagħha (ara
Ġen 1:26-29). Il-ġid kollu tal-ħolqien hu ddestinat
għall-ġens kollu tal-bnedmin” (n. 2402). U mbagħad: “Id-destinazzjoni
universali tal-ġid tal-art, jiġifieri li Alla ta l-ġid tal-art
lill-ġens kollu tal-bnedmin, jibqa’ l-fatt ewlieni, ukoll jekk il-ġid
komuni ta’ kulħadd jitlob ir-rispett tal-proprjetà privata, id-dritt
għaliha u l-użu tagħha” (n. 2403).[1]
Imma l-Providenza
ma ħolqitx dinja “f’serje”, hemm id-differenzi, kundizzjonijiet
differenti, kulturi differenti, u hekk nistgħu ngħixu billi nipprovdu
lil xulxin. Id-dinja hi mogħnija b’riżorsi biex jiżguraw
il-ġid primarju lil kulħadd. Imma ħafna xorta qed jgħixu
f’qagħda miżera li tiskandalizza u r-riżorsi, użati bla
kriterju ta’ xejn, dejjem qed jonqsu. Imma d-dinja hi waħda! L-umanità hi
waħda biss![2] Illum,
il-ġid tad-dinja jinsab f’idejn il-minoranza, il-ftit, u l-faqar, anzi
l-miżerja u t-tbatija, hi ta’ ħafna, tal-maġġoranza.
Jekk fuq l-art hawn
il-ġuħ, dan mhux għax naqas l-ikel! Anzi, minħabba
fl-esiġenzi tas-suq xi drabi naslu biex neqirduh, narmuh. Dak li
m’għandniex hi impriża ħielsa u li tħares fit-tul, li
tiżgura produzzjoni xierqa, u impostazzjoni solidali, li tiżgura
tqassim indaqs. Jgħidilna mill-ġdid il-Katekiżmu: “Il-bniedem,
huwa u jagħmel użu mill-ġid tal-art, ma għandux iqis li
l-ġid li għandu huwa tiegħu biss, imma huwa wkoll ta’
kulħadd fis-sens li jista’ jgawdi minnu mhux hu biss imma oħrajn
ukoll” (n. 2404).
Kull għana ta’
ġid, biex ikun tajjeb, irid ikollu dimensjoni soċjali.
F’din
il-perspettiva tidher it-tifsira pożittiva u wiesgħa tal-kmandament “la tisraqx”. “Il-ġid li
wieħed ikollu, jagħmlu amministratur tal-Providenza” (ibid.). Ħadd ma hu sid assolut
tal-ġid li għandu: hu amministratur tal-ġid. Il-pussess hu responsabbiltà: “Imma jien għandi minn
kull ġid…” – din hi responsabbiltà li int għandek.
U kull ġid, jekk imneżża’ mil-loġika tal-Providenza ta’ Alla, hu ttradut, hu ttradut fis-sens l-iktar profond tiegħu. Dak li tassew hu tiegħi hu dak li naf nagħti. Dan hu l-kejl biex niżen
kif qed jirnexxieli
nieħu ħsieb tal-ġid li għandi, sew jekk tajjeb, sew jekk ħażin; din il-kelma hi importanti: dak li hu tassew tiegħi hu dak li kapaċi nagħti. Jekk jien naf
nagħti, jiena miftuħ, allura jiena għani mhux biss b’dak
li għandi, imma anki fil-ġenerożità, ġenerożità anki bħala dmir li nqassam l-għana tiegħi, biex kulħadd ikollu sehem minnu. Fil-fatt, jekk ma jirnexxilix
nagħti xi ħaġa,
dan għax dik il-ħaġa qed tippossedini hi, għandha poter fuqi u jien
ilsir tagħha. Il-pussess tal-ġid hu okkażjoni biex inkattruh bi kreattività u nużawh b’ġenerożità,
u hekk nikbru fl-imħabba u fil-libertà.
Kristu nnifsu, għad
li kien Alla, “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda
xejjen lilu nnifsu” (Fil 2:6-7) u
għaniena bil-faqar tiegħu (ara 2 Kor 8:9).
Waqt li l-umanità
tinkwieta kif ħa jkollha iżjed,
Alla jifdiha billi jiftaqar hu: dak il-Bniedem Mislub ħallas għal
kulħadd rahan bla tarf min-naħa ta’ Alla l-Missier, “għani
fil-ħniena” (Efes 2:4; ara Ġak 5:1). Dak li jagħmilna
għonja mhuwiex il-ġid imma l-imħabba. Ħafna drabi smajna
x’jgħid il-poplu ta’ Alla: “Ix-xitan jidħol mill-bwiet”. Jibda
bin-namra mal-flus, il-kilba għall-pussess; imbagħad jgħaddi
għall-vanità: “Aħ, jiena sinjur u għandi biex niftaħar”; u,
fl-aħħar, il-kburija u s-suppervja. Dan hu l-mod kif jaġixxi
fina x-xitan. Imma l-bieb li minnu jidħol huma l-bwiet.
Għeżież
ħuti, għal darb’oħra Ġesù Kristu qed jurina t-tifsira
sħiħa tal-Iskrittura. “La
tisraqx” ifisser: ħobb bil-ġid li għandek, approfitta
mill-mezzi li għandek biex tħobb kif tista’. Hekk ħajtek kollha
ssir tajba u l-pussess tal-ġid isir tassew don. Għax il-ħajja
mhijiex iż-żmien biex niġimgħu l-ġid imma biex
inħobbu. Grazzi.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard
[1] Ara Enċiklika Laudato si’, 67: “Kull komunità tista’
tieħu mill-ġid bnin tal-art dak li għandha bżonn biex
tgħix, imma għandha wkoll id-dmir li tieħu ħsiebha u
tiggarantixxi li tkompli tagħmel il-frott għall-ġenerazzjonijiet
li ġejjin. Żgur mhux forsi li ‘tal-Mulej hi l-art’ (Salm 24:1),
tiegħu hi ‘l-art u kulma fiha’ (Dewt 10:14). Għalhekk Alla ma
jaċċetta l-ebda pretensjoni ta’ xi proprjetà assoluta: ‘L-art,
imbagħad, ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax
l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri li qegħdin miegħi’
(Lev 25:23)”.
[2] Ara San Pawlu VI, Enċiklika Populorum
progressio, 17: “Imma kull bniedem huwa membru
tas-soċjetà u għalhekk jappartieni lill-għaqda kollha
tal-bnedmin. Mela mhux dan jew dak il-bniedem biss, imma l-bnedmin kollha huma
msejħin biex jaħdmu għall-iżvilupp sħiħ tas-soċjetà
kollha tal-bnedmin. […] Aħna
li ġejna wara ż-żminijiet li għaddew bħala werrieta, u
li ksibna ġid mill-ħidma tal-bnedmin tal-lum, għandna obbligazzjonijiet
lejn il-bnedmin kollha. U mħabba din ir-raġuni lanqas nistgħu
nħallu fil-ġenb dawk li, wara mewtna, ikabbru l-familja tal-bnedmin
għal li ġej. L-għaqda tal-bnedmin kollha flimkien, li hija fatt
veru, mhux biss tagħtina vantaġġi, imma ġġibilna wkoll
dmirijiet”.