IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa, 6 ta' Awwissu 2014

 

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fil-katekeżi li għaddew rajna kif il-Knisja hi poplu, poplu mħejji minn Alla bis-sabar u l-imħabba u li aħna lkoll imsejħin nagħmlu parti minnu.  Il-lum nixtieq nitkellem dwar l-element ġdid li jikkaratterizza lil dan il-poplu: dan hu tabilħaqq poplu ġdid, li hu mwaqqaf fuq il-patt il-ġdid, li l-Mulej Ġesù tana permezz tad-don ta’ ħajtu.  Dan l-element ġdid ma jiċħadx il-mixja li saret qabel u lanqas imur kontriha, anzi, imexxiha ’l quddiem, iwassalha għat-twettiq tagħha.

 

1. Hemm figura b’tifsira qawwija ferm, li hi bħal ħolqa bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid: dik ta’ Ġwanni l-Battista.  Għall-Vanġeli Sinottiċi hu l-“prekursur”, dak li ħejja t-triq għall-Mulej, billi ħejja minn qabel qalb il-poplu għall-konverżjoni u biex jilqa’ l-faraġ ta’ Alla li issa kien fil-qrib.  Għall-Vanġelu ta’ Ġwanni hu x-“xhud”, għax jgħinna naraw f’Ġesù Dak li ġej mill-għoli, biex jaħfrilna dnubietna u biex jagħmel mill-poplu tiegħu l-għarusa tiegħu, l-ewwel frott ta’ l-umanità ġdida.  Bħala “prekursur” u “xhud”, Ġwanni l-Battista għandu rwol ċentrali fl-Iskrittura kollha, għax hu jagħmilha ta’ pont bejn il-wegħda tat-Testment il-Qadim u l-istess twettiq tagħha, bejn il-profeziji u t-twettiq tagħhom f’Ġesù Kristu.  Bix-xhieda tiegħu Ġwanni jurina lil Ġesù, jistedinna nimxu warajh, u jgħidilna bla ma joqgħod jinħeba wara subgħajh li dan jitlob umiltà, indiema u konverżjoni: hi stedina li hu jagħmel għall-umiltà, għall-indiema u għall-konverżjoni.

 

2. Kif Mosè, fid-dawl tal-liġi li hu rċieva fuq is-Sinaj, kien waqqaf il-patt ma’ Alla, hekk Ġesù, minn fuq il-quċċata ta’ għolja fuq ix-xatt ta’ l-Għadira tal-Galilija, jagħti lid-dixxipli tiegħu u lill-folla tagħlim ġdid li jiftaħ bil-Beatitudnijiet.  Mosè jagħti l-Liġi fuq is-Sinaj u Ġesù, Mosè l-ġdid, jagħti l-Liġi minn fuq dik l-għolja, fuq ix-xatt tal-baħar tal-Galilija.  Il-Beatitudnijiet huma t-triq li jurina Alla bħala tweġiba għax-xewqa għall-ferħ li hemm fil-bniedem, u jipperfezzjonaw il-kmandamenti tal-Patt il-Qadim.  Aħna mdorrijin nitgħallmu l-għaxar kmandamenti – daż-żgur, kollha kemm intom tafuhom, tgħallimtuhom fil-katekiżmu – imma m’aħniex imdorrijin intennu l-Beatitudnijiet.  Mela ejjew nippruvaw niftakruhom u nnaqqxuhom fi qlubna.  Nagħmlu ħaġa: jien se ngħidhom waħda wara l-oħra u intom tirripetu warajja.  Sew hekk?

 

L-ewwel: “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jarawl Alla”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. [Kulħadd jirripeti]

“Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija”. Ħa ngħinkom: [itenni man-nies] “Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija”.

“Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-Smewwiet”. [Kulħadd jirripeti]

 

Bravi!  Imma ejja nagħmlu ħaġa: ħa nagħtikom biċċa xogħol għad-dar, biċċa xogħol biex tagħmluha d-dar.  Aqbdu l-Vanġelu, dak li ġġorru magħkom…  Ftakru li għandkom dejjem iġġorru magħkom Vanġelu ċkejken, fil-but, fil-basket, dejjem; dak li għandkom id-dar.  Aqbdu l-Vanġelu, u fl-ewwel kapitli ta’ Mattew – naħseb fil-ħames – hemm il-Beatitudnijiet.  U l-lum, għada, x’ħin tkunu d-dar, aqrawhom.  Se tagħmluha?  [Kulħadd: Iva!]  Biex ma tinsewhomx, għax din hi l-Liġi li jagħtina Ġesù!  Se tagħmluha?  Grazzi.

 

F’dawn il-kelmiet hemm miġbur dak kollu li hu ġdid li ġabilna Kristu, u l-ġdid kollu ta’ Kristu qiegħed f’dan il-kliem.  Fil-fatt, il-Beatitudnijiet huma r-ritratt ta’ Ġesù, il-forma ta’ ħajja tiegħu; u huma t-triq lejn il-ferħ veru, li anki aħna nistgħu nimxuha bil-grazzja li jagħtina Ġesù.

 

3. Barra l-Liġi l-ġdida, Ġesù jagħtina wkoll il-“protokoll” li fuqu għad isir ħaqq minna.  Fl-aħħar tad-dinja sa niġu ġġudikati.  U liema sa jkunu l-mistoqsijiet li sa jagħmlulna dak in-nhar?  Liema sa jkunu l-mistoqsijiet?  Liema hu l-protokoll li fuqu l-imħallef sa jagħmel ħaqq minna?  Hu dak li nsibu fil-kapitlu ħamsa u għoxrin tal-Vanġelu ta’ Mattew.  Il-lum xogħolkom hu li taqraw il-ħames kapitlu tal-Vanġelu ta’ Mattew, fejn hemm il-Beatitudnijiet; u taqraw il-ħamsa u għoxrin wieħed, fejn hemm il-protokoll, il-mistoqsijiet li sa jsirulna dak in-nhar tal-ġudizzju.  Mhux sa jkollna titli, merti jew privileġġi x’nuru.  Il-Mulej sa jagħrafna jekk min-naħa tagħna nkunu għarafnieh fil-fqir, fl-imġewwaħ, f’min hu maħqur jew imwarrab, f’min qed ibati u jinsab waħdu…  Dan hu wieħed mill-kriterji fundamentali ta’ verifika fil-ħajja Nisranija tagħna, li fuqhom Ġesù jistedinna nkejlu ħajjitna kuljum.  Naqra l-Beatitudnijiet u naħseb dwar kif għandha tkun il-ħajja Nisranija tiegħi, u mbagħad nagħmel l-eżami tal-kuxjenza ma’ dak il-kapitlu 25 ta’ Mattew.  Kuljum: għamilt dan, għamilt din, għamilt hekk…  Jagħmlilna tajjeb!  Huma affarijiet sempliċi imma konkreti.

 

Għeżież ħbieb, il-patt il-ġdid hu propju dan: li, fi Kristu, nagħrfu li aħna mdawrin mill-ħniena u l-mogħdrija ta’ Alla.  Dan hu li jimla lil qalbna bil-ferħ, u dan hu li jagħmel minn ħajjitna xhieda sabiħa u kredibbli ta’ l-imħabba ta’ Alla għall-aħwa kollha li magħhom niltaqgħu ta’ kuljum.  Ftakru fix-xogħol li tajtkom!  Il-ħames kapitlu ta’ Mattew u l-kapitlu 25 ta’ Mattew.  Grazzi!

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard