IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 6 ta’ Marzu 2019

 

Katekeżi fuq il-Missierna”: 9. Tiġi saltnatek

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Meta nitolbu l-“Missierna”, it-tieni invokazzjoni li biha nduru lejn Alla hi “tiġi saltnatek” (Mt 6:10). Wara li jkun talab biex jitqaddes ismu, min jemmen, jesprimi x-xewqa tiegħu li ma ddumx ma tiġi Saltnatu. Din ix-xewqa tgelgel, biex ngħidu hekk, mill-istess qalb ta’ Kristu, li beda l-predikazzjoni tiegħu fil-Galilija billi xandar: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1:15). Dawn il-kelmiet mhumiex xi theddida, imma bil-maqlub, huma aħbar tajba, messaġġ ta’ ferħ. Ġesù ma jrid iġiegħel lil ħadd jikkonverti billi jiżra’ l-biża’ mill-ġudizzju imminenti ta’ Alla jew is-sens ta’ ħtija għall-ħażen imwettaq. Ġesù ma jagħmilx proselitiżmu: sempliċiment iħabbar. Bil-maqlub, dik li hu jġib hi l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni, u minħabba fiha li hu jsejħilna biex nikkonvertu. Kulħadd hu mistieden jemmen fil-“Vanġelu”: is-saltna ta’ Alla ġiet qrib uliedu. Dan hu l-Vanġelu: is-saltna ta’ Alla qorbot lejn uliedu. U Ġesù jħabbar din il-ħaġa tal-għaġeb, din il-grazzja: Alla, il-Missier, iħobbna, jinsab qrib tagħna u jgħallimna nimxu fit-triq tal-qdusija.

 

Is-sinjali tal-wasla ta’ din is-Saltna huma ħafna u kollha pożittivi. Ġesù jibda l-ministeru tiegħu billi jieħu ħsieb tal-morda, kemm dawk fil-ġisem u kemm dawk fir-ruħ, ta’ dawk li kienu jgħixu fl-esklużjoni soċjali – ngħidu aħna l-imġiddmin –, tal-midinbin mistkerrha minn kulħadd, anki minn dawk li kienu iżjed midinba minnhom imma kienu jagħmluha ta’ ġusti. U Ġesù xi jsejħilhom lil dawn? “Uċuħ b’oħra”. Ġesù stess jurina dawn is-sinjali, is-sinjali tas-Saltna ta’ Alla: “L-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11:5).

 

“Tiġi Saltnatek!”, itenni b’insistenza n-Nisrani meta jitlob il-“Missierna”. Ġesù ġie; imma d-dinja xorta waħda għadha mċappsa bid-dnub, mimlija b’ħafna nies li qed ibatu, b’persuni miksurin ma’ xulxin u li ma jaħfrux, bi gwerer u kemm-il xorta ta’ abbuż, biżżejjed naħsbu fit-traffikar tat-tfal, ngħidu aħna. Dawn kollha huma l-prova li r-rebħa ta’ Kristu għadha ma twettqitx għalkollox: tant bnedmin għadhom jgħixu b’qalbhom magħluqa. Hu fuq kollox f’dawn is-sitwazzjonijiet li fuq xofftejn in-Nisrani twarrad it-tieni invokazzjoni tal-“Missierna”: “Tiġi saltnatek!”. Qisna qed ngħidu: “Missier, għandna bżonnok! Ġesù, neħtiġuk, għandna bżonn li kullimkien u għal dejjem int tkun Sultan f’nofsna!”. “Tiġi saltnatek, kun ġo nofsna”.

 

Xi drabi nistaqsu: għaliex din is-Saltna qed titwettaq daqshekk bil-mod? Ġesù jieħu gost jitkellem fuq ir-rebħa tiegħu b’lingwaġġ tal-parabboli. Ngħidu aħna, jgħid li s-Saltna ta’ Alla hi bħal għalqa fejn flimkien jikbru kemm il-qamħ u kemm is-sikrana: l-ikbar żball ikun ta’ min irid jindaħal mill-ewwel u jaqla’ mid-dinja lil dawk li fil-fehma tiegħu huma ħaxix ħażin. Alla mhuwiex bħalna, Alla jistabar. Mhuwiex bil-vjolenza li se tiġi s-Saltna f’din id-dinja: l-istil ta’ kif tixtered hi l-qalb ħelwa u umli (ara Mt 13:24-30).

 

Is-Saltna ta’ Alla bla dubju ta’ xejn hi qawwa kbira, l-ikbar waħda li teżisti, imma mhux skont il-kriterji tad-dinja; għalhekk donnha qatt m’għandha l-maġġoranza assoluta. Hi bħall-ħmira fl-għaġna: donnha se tgħib, imma hija proprju hi li ttella’ l-għaġna kollha (ara Mt 13:33). Jew hi bħaż-żerriegħa tal-mustarda, hekk żgħira, kważi ma tidhirx, li imma ġġorr fiha l-qawwa esplożiva tan-natura, u meta tikber issir l-ikbar fost is-siġar kollha tal-ġnien (ara Mt 13:31-32).

 

F’dan id-“destin” tas-Saltna ta’ Alla nistgħu nilmħu n-nisġa ta’ ħajjet Ġesù: anki hu għan-nies ta’ żmienu kien sinjal ċkejken, ġrajja kważi mhix magħrufa għall-istoriċi uffiċjali ta’ żmienu. “Ħabba tal-qamħ” sejjaħ hu stess lilu nnifsu, li tmut fl-art imma hekk biss tista’ tagħmel “ħafna frott” (ara Ġw 12:24). Is-simbolu taż-żerriegħa hu elokwenti: jum wieħed il-bidwi jiżragħha fl-art (ġest li donnu difna), u mbagħad, “rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif” (Mk 4:27). Żerriegħa li tinbet u tikber aktar hi opra ta’ Alla milli tal-bniedem li żeragħha (ara Mk 4:27). Lil Alla dejjem se nsibuh qabilna, Alla dejjem jissorprendina. Grazzi għalih, wara l-lejl tal-Ġimgħa l-Kbira tiġi l-għodwa tal-Qawmien li ddawwal bit-tama lid-dinja kollha.

 

“Tiġi Saltnatek!”. Ejjew niżirgħu din il-kelma qalb id-dnubiet tagħna u l-fallimenti tagħna. Nirregalawha lill-persuni li jħossuhom mirbuħa u mgħattna mill-ħajja, lil min iktar daq mibegħda milli mħabba, lil min għex ġranet inutli bla ma qatt fehem l-għaliex. Nagħtuha lil dawk li tqabdu għall-ġustizzja, lill-martri kollha tal-istorja, lil min wasal għall-konklużjoni li ġġieled għalxejn u li f’din id-dinja dejjem il-ħażen jirbaħ. U hemm nisimgħu l-istess talba tal-“Missierna” tweġibna lura. Ittennilna għall-elf darba dawk il-kelmiet ta’ tama, l-istess li l-Ispirtu qiegħed bħala siġill fuq l-Iskrittura Mqaddsa kollha: “Iva, jien dalwaqt ġej!”: din hi t-tweġiba tal-Mulej. “Dalwaqt ġej”. Amen. U l-Knisja tal-Mulej twieġeb: “Ejja, Mulej Ġesù” (ara Apok 22:20). “Tiġi saltnatek” qisek qed tgħid “Ejja, Mulej Ġesù”. U Ġesù jwieġeb: “Dalwaqt ġej”. U Ġesù jiġi, bil-mod tiegħu, imma ta’ kuljum. Ħa jkollna fiduċja qawwija f’dan. U meta nitolbu l-“Missierna”, ngħidu dejjem: “Tiġi saltnatek”, biex f’qalbna nisimgħu: “Iva, iva, jien ġej, u ġej dalwaqt”. Grazzi!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard