IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ Diċembru 2018

 

Katekeżi fuq il-“Missierna: 1. Għallimna nitolbu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum qed nibdew ċiklu ta’ katekeżi fuq il-“Missierna”.

 

Il-Vanġeli tawna ritratti ħajjin ħafna ta’ Ġesù bħala bniedem ta’ talb: Ġesù kien jitlob. Minkejja l-urġenza tal-missjoni tiegħu u dik ta’ tant nies li tfittxu, Ġesù jħoss il-bżonn li jinqata’ għalih waħdu u li jitlob. Il-vanġelu ta’ Marku jirrakkontalna dan id-dettall sa mill-ewwel paġna tal-ministeru pubbliku ta’ Ġesù (ara 1:35). Il-jum inawgurali ta’ Ġesù f’Kafarnahum għalaq b’mod trijonfali. Ma’ nżul ix-xemx, ħafna morda marru ħdejn il-bieb ta’ fejn kien jgħix Ġesù: il-Messija jipprietka u jfejjaq. Iseħħu l-profeziji qodma u t-tamiet ta’ tant nies li kienu qed ibatu: Ġesù hu Alla li hu qrib tagħna, Alla li jeħlisna. Imma dik il-folla għadha żgħira jekk inqabbluha ma’ tant folol oħra li kien għad iridu jinġabru madwar il-profeta ta’ Nazaret; f’xi waqtiet kienu ġmiegħi oċeaniċi, u Ġesù jinsab fiċ-ċentru ta’ kollox, il-mistenni tal-ġnus, dak li fih ittama Iżrael.

 

U minkejja dan kollu, hu jħossu liberu; ma jispiċċax ostaġġ ta’ dak li jistenna minnu min issa qed jarah bħala leader. Dan hu l-periklu ta’ mexxej: li jintrabat wisq man-nies, ma jżommx id-distanzi. Ġesù jintebaħ b’dan u ma jispiċċax ostaġġ tan-nies. Sa mill-ewwel lejl ta’ Kafarnahum, juri li hu Messija oriġinali. Fl-aħħar parti tal-lejl, meta kważi kien qed joqrob iż-żerniq, id-dixxipli marru jfittxuh mill-ġdid, u ma setgħux isibuh. Fejn hu? Sakemm Pietru saflaħħar isibu f’post maqtugħ, kollu kemm hu mitluf fit-talb. U jgħidlu: “Kulħadd jistaqsi għalik!” (Mk 1:37). L-esklamazzjoni donnha l-klawżola li tiddikjara suċċess unanimu, il-prova li missjoni rnexxiet tajjeb.

 

Imma Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li jeħtieġ imur band’oħra; li mhux in-nies li tfittex lilu, imma qabelxejn huwa hu li qed ifittex lill-oħrajn. Għalhekk ma għandux ipoġġi għeruqu mkien, imma jibqa’ dejjem pellegrin fit-toroq tal-Galilija (vv. 38-39). U anki pellegrin lejn il-Missier, u allura: jitlob. F’mixja ta’ talb. Ġesù jitlob.

 

U kollox iseħħ f’lejl ta’ talb.

 

F’xi paġna tal-Iskrittura donnu li huwa qabelxejn it-talb ta’ Ġesù, l-intimità tiegħu mal-Missier, li jmexxi kollox. Hekk jiġri, ngħidu aħna, fuq kollox fil-lejl tal-Ġetsemani. L-aħħar parti tal-mixja ta’ Ġesù (żgur mhux forsi l-iżjed diffiċli fost dawk li għamel sa issa) donnha ssib it-tifsira tagħha fis-smigħ kontinwu li Ġesù jagħmel tal-Missier. Talba li żgur mhix ħafifa, anzi, “agunija” ta’ vera, fis-sens tal-kompetizzjoni tal-atleti, imma talba li kapaċi twieżen il-mixja tas-salib.

 

Hawn qiegħed il-punt essenzjali: hawn, Ġesù kien jitlob.

 

Ġesù kien jitlob b’intensità fil-mumenti pubbliċi, jieħu sehem fil-liturġija tal-poplu tiegħu, imma kien ifittex ukoll postijiet miġbura, maqtugħa mill-ġenn tad-dinja, postijiet li kienu jgħinuh jinżel fis-satra ta’ ruħu: hu l-profeta li jaf il-ġebliet tad-deżert u jixxabbat mal-għoli tal-muntanji. L-aħħar kelmiet ta’ Ġesù, qabel ma jistira fuq is-salib, huma kelmiet mis-Salmi, jiġifieri ta’ talb, tat-talba tal-Lhud: kien jitlob bit-talbiet li ommu kienet għallmitu.

 

Ġesù kien jitlob kif jitlob kull bniedem tad-dinja. Imma, fil-mod ta’ kif kien jitlob, kien hemm magħluq ukoll misteru, xi ħaġa li żgur ma ħarbitx minn taħt għajnejn id-dixxipli tiegħu, jekk fil-vanġelu nsibu dik it-talba hekk sempliċi u immedjata: “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1). Huma kienu jaraw lil Ġesù jitlob u xtaqu jitgħallmu jitolbu: “Mulej, għallimna nitolbu”. U Ġesù ma jirrifjutax, mhux għajjur għall-intimità tiegħu mal-Missier, imma ġie sewwasew biex idaħħalna f’din ir-relazzjoni mal-Missier. U hekk isir mgħallem tat-talb għad-dixxipli tiegħu, kif żgur li jrid ikun għalina lkoll. Anki aħna jeħtieġ ngħidu: “Mulej, għallimni nitlob. Għallimni”.

 

Anki jekk forsi ilna nitolbu ħafna snin, dejjem hemm x’nitgħallmu! It-talba tal-bniedem, din ix-xewqa li titnissel b’mod kważi naturali mir-ruħ tiegħu, hi forsi wieħed mill-ikbar misteri tal-univers. U lanqas nafu jekk it-talbiet li nagħmlu lil Alla humiex effettivament dawk li hu jridna nisimgħuh nagħmlulu. Il-Bibbja tagħtina wkoll xhieda ta’ talbiet mhux f’waqthom, li fl-aħħar mill-aħħar Alla ma jilqagħhomx: biżżejjed niftakru fil-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan. Dan tal-aħħar biss, il-pubblikan, jerġa’ lura d-dar mit-Tempju ġġustifikat, għax il-Fariżew kien imkabbar bih innifsu u kien jieħu pjaċir li n-nies tarah jitlob u kien jagħmel tabirruħu qed jitlob: qalbu kienet bierda. U jgħid Ġesù: dan ma hux iġġustifikat “għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (Lq 18:14). L-ewwel pass għat-talb hu li nkunu umli, immorru għand il-Missier u ngħidulu: “Arani, jiena midneb, jiena dgħajjef, jiena ħażin”, kulħadd jaf x’għandu jgħid. Imma dejjem għandna nibdew bl-umiltà, u l-Mulej jismagħna. It-talba umli l-Mulej jismagħha.

 

Għalhekk, aħna u nibdew dan iċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq it-talba ta’ Ġesù, l-isbaħ ħaġa u li l-iktar ħaġa li jixraq li lkoll nagħmlu hi li ntennu l-invokazzjoni tad-dixxipli: “Mgħallem, għallimna nitolbu!”. Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’dan iż-żmien tal-Avvent intennilu: “Mulej, għallimni nitlob”. Ilkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa iżjed u nitolbu aħjar; imma ejjew nitolbuh lill-Mulej: “Mulej, għallimni nitlob”. Nagħmlu dan, f’dan iż-żmien tal-Avvent, u hu żgur ma jħallix l-invokazzjoni tagħna taqa’ fuq widnejn torox.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard