IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ Settembru 2018

 

Katekeżi fuq il-Kmandamenti7. Jum il-mistrieħ

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-vjaġġ mad-Dekalogu llum iwassalna għall-kmandament fuq il-jum tal-mistrieħ. Jidher kmandament ħafif biex inwettquh, imma din hi impressjoni żbaljata. Li tistrieħ tassew mhuwiex sempliċi, għax hemm mistrieħ falz u hemm mistrieħ veru. Kif nistgħu nagħrfuhom minn xulxin?

 

Is-soċjetà tal-lum hi għatxana għad-divertiment u l-vaganzi. L-industrija tad-distrazzjoni qed tikber mhux ħażin u l-pubbliċità tpinġi d-dinja ideali bħala park kbir tal-logħob fejn kulħadd jiddeverti. Il-kunċett dominanti tal-ħajja fi żmienna m’għadx għandu l-fus tiegħu fil-ħidma u fl-impenn, imma fil-ħarba. Naraw kif nagħmlu l-flus ħalli nkunu nistgħu niddevertu, biex nissodisfaw lilna nfusna. Ix-xbieha-mudell hi dik ta’ persuna ta’ suċċess li tista’ tippermetti lilha nfisha spazji wiesgħa u diversi ta’ pjaċir. Imma din il-mentalità twassal għaż-żelqa lejn in-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ ħajja lluppjata mid-divertiment li mhuwiex veru mistrieħ, imma aljenazzjoni u ħarba mir-realtà. Il-bniedem qatt ma straħ daqskemm qed jistrieħ illum, u madankollu qatt daqs illum il-bniedem ma daq tant vojt! Il-possibbiltajiet ta’ divertiment, ta’ ħruġ, ta’ safar fuq il-cruise liners, ta’ vjaġġi, ta’ tant affarijiet oħra, ma jimlewlekx qalbek. Anzi: ma jserrħukx.

 

Kliem id-Dekalogu jfittex u jsib il-qalba tal-problema, billi jixħet dawl differenti fuq x’inhu l-mistrieħ veru. Il-kmand għandu aspett partikulari: jagħti motivazzjoni. Il-mistrieħ f’isem il-Mulej għandu motiv preċiż: “Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art; il-baħar u kulma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u qaddsu” (Eż 20:11).

 

Dan jeħodna lura għal tmiem l-opra tal-ħolqien, meta jingħad: “U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31). U allura jibda jum il-mistrieħ, li hu l-ferħ ta’ Alla għal kulma ħalaq. Hu l-jum tal-kontemplazzjoni u tal-barka.

 

Mela, skont dan il-kmandament, liema hu l-veru mistrieħ? Huwa l-mument tal-kontemplazzjoni, hu l-mument tat-tifħir, mhux tal-ħarba. Hu ż-żmien biex inħarsu lejn ir-realtà u ngħidu: kemm hi sabiħa l-ħajja! Kontra l-mistrieħ bħala ħarba mir-realtà, id-Dekalogu jurina l-mistrieħ bħala barka tar-realtà. Għalina l-Insara, iċ-ċentru ta’ jum il-Mulej, il-Ħadd, hi l-Ewkaristija, li tfisser “radd il-ħajr”. Hu l-jum biex lil Alla ngħidulu: grazzi, Mulej, tal-ħajja, tal-ħniena tiegħek, tad-doni kollha tiegħek. Il-Ħadd mhuwiex jum biex inħassru l-ġranet l-oħra imma biex niftakru fihom, inberkuhom u nagħmlu paċi ma’ ħajjitna. Kemm persuni għandhom tant possibbiltajiet biex jiddivertu, u xorta ma jgħixux fil-paċi mal-ħajja! Il-Ħadd hu l-jum biex nagħmlu paċi mal-ħajja, billi ngħidu: il-ħajja hi prezzjuża; mhijiex ħafifa, xi drabi hi ta’ tbatija, imma hi prezzjuża.

 

Hi l-opra ta’ Alla fina li ddaħħalna fil-mistrieħ veru, imma dan jitlob minna li nitbiegħdu mis-saħta u mill-faxxinu tagħha (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 83). Fil-fatt hu faċli ħafna li nimlew qalbna b’ħafna dwejjaq bla bżonn, għax neħlu ma’ raġunijiet għala m’għandniex inkunu ferħana. Il-barka u l-ferħ jitolbu ftuħ tal-qalb għal dak li hu tajjeb u dan hu mod matur ta’ kif taġixxi l-qalb. It-tajjeb jimxi bl-imħabba u qatt ma jimponi ruħu. Jitlob minna biss li nagħżluh.

 

Il-paċi aħna rridu nagħżluha, ma timponix ruħha fuqna u lanqas se nsibuha b’kumbinazzjoni. Waqt li jitbiegħed mill-għeluq morr ta’ qalbu, il-bniedem għandu bżonn jagħmel paċi ma’ dak li minnu qed jaħrab. Hemm bżonn nirrikonċiljaw ruħna mal-istorja tagħna, bil-fatti li ma nistgħux naċċettaw, bil-partijiet diffiċli ta’ ħajjitna. Nistaqsikom: kull wieħed u waħda minnkom irnexxielu jirrikonċilja ruħu mal-istorja tiegħu? Mistoqsija biex taħsbu fuqha: jiena rrikonċiljajt ruħi mal-istorja tiegħi? Fil-fatt, il-paċi vera mhix qiegħda f’li nibdlu l-istorja tagħna, imma f’li nilqgħuha, nagħtuha valur, hekk kif ġrat.

 

Kemm drabi ltqajna ma’ Nsara morda li farrġuna b’serenità li ma ma ssibhiex f’min dejjem igawdi u fl-edonisti! U rajna persuni umli u foqra jithennew bi grazzji ċkejknin b’ferħ li għandu minn tal-eternità.

 

Jgħid il-Mulej fid-Dewteronomju: “Il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek” (30:19). Din l-għażla hi l-“fiat” tal-Verġni Marija, hi ftuħ għall-Ispirtu s-Santu li jpoġġina fuq il-passi ta’ Kristu, dak li fil-mument l-iżjed traġiku jqegħedna fi ħdan il-Missier u hekk jiftħilna t-triq li twassalna għall-qawmien.

 

Meta ssir sabiħa l-ħajja? Meta nibdew naħsbu tajjeb dwarha, tkun xi tkun l-istorja tagħna. Meta d-don ta’ dubju jagħmel wisa’ għal dak li kollox hu grazzja,[1] u dak il-ħsieb qaddis iġarraf il-ħajt interjuri tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon u jġib il-mistrieħ veru. Il-ħajja ssir sabiħa meta niftħu qalbna għall-Providenza u niskopru kemm huwa minnu dak li jgħid is-Salm: “F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi” (62:2). Kemm hi sabiħa din il-frażi tas-Salm: “F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi”.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 



[1] Kif tfakkarna Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, meħud minn G. Bernanos, Diario di un curato di campagna, Milano 1965, 270.