IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ Ġunju 2019

 

Katekeżi fuq il-Vjaġġ Appostoliku fir-Rumanija

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet għamilt vjaġġ appostoliku r-Rumanija, fuq stedina tal-President u tal-Prim Ministru. Inġedded ir-radd ta’ ħajr tiegħi lilhom u nestendih għall-Awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi l-oħra u għal dawk kollha li kkollaboraw fit-twettiq ta’ din iż-żjara. Fuq kollox irrodd ħajr lil Alla li ta lis-Suċċessur ta’ Pietru li, għoxrin sena wara ż-żjara ta’ San Ġwanni Pawlu II, jirritorna f’dak il-pajjiż.

 

Fil-qosor, kif ħabbar il-motto tal-Vjaġġ, stedint biex “nimxu flimkien”. U l-ferħ tiegħi kien li dan stajt nagħmlu mhux mill-bogħod, jew mill-għoli, imma billi jien stess imxejt qalb il-poplu Rumen, bħala pellegrin f’artu.

 

Il-bosta laqgħat kixfu l-valur u l-ħtieġa li nimxu flimkien kemm bħala Nsara, fuq il-livell tal-fidi u tal-imħabba, u kemm bħala ċittadini, fuq il-livell tal-impenn ċivili.

 

Bħala Nsara, għandna l-grazzja li qed ngħixu staġun ta’ relazzjonijiet fraterni bejn id-diversi Knejjes. Fir-Rumaija l-parti l-kbira tal-fidili jagħmlu mill-Knisja Ortodossa, li bħalissa hi mmexxija mill-Patrijarka Danjel, li lejh imur il-ħsieb fratern u rikonoxxenti tiegħi. Il-Komunità Kattolika, kemm dik “Griega” u kemm dik “Latina”, hi ħajja u attiva. L-għaqda bejn l-Insara kollha, imqar jekk mhix sħiħa, hi msejsa fuq il-Magħmudija waħda u ssiġillata mid-demm u mit-tbatija li flimkien ġarrbu fiż-żminijiet mudlama tal-persekuzzjoni, b’mod partikulari fis-seklu li għadda taħt ir-reġim ateista. Hemm anki komunità oħra Luterana li tistqarr ukoll il-fidi f’Ġesù Kristu, u għandha relazzjonijiet tajba mal-Ortodossi u mal-Kattoliċi.

 

Mal-Patrijarka u s-Sinodu Mqaddes tal-Knisja Ortodossa Rumena kellna laqgħa sabiħa ħafna, li fiha tennejt ir-rieda tal-Knisja Kattolika li timxi flimkien fil-memorja rikonċiljata u lejn għaqda isħaħ, li kien proprju l-poplu Rumen li profetikament talab għaliha tul iż-żjara ta’ San Ġwanni Pawlu II. Din id-dimensjoni ekumenika hekk importanti tal-vjaġġ laħqet il-qofol tagħha fit-Talba solenni tal-Missierna, fil-Katidral Ortodoss ġdid u imponenti ta’ Bucharest. Dan kien mument ta’ valur simboliku qawwi, għax il-Missierna hi t-talba Nisranija per eċċellenza, wirt komuni tal-imgħammdin kollha. Ħadd ma jista’ jgħid “Missieri” u “Missierkom”, le: “Missierna”, wirt komuni tal-imgħammdin kollha. Urejna li l-għaqda ma tneħħix id-diversitajiet leġittimi. Jalla l-Ispirtu s-Santu jwassalna biex ngħixu dejjem iżjed bħala wlied Alla u aħwa bejnietna.

 

Bħala Komunità Kattolika ċċelebrajna tliet Liturġiji Ewkaristiċi. L-ewwel waħda fil-Katidral ta’ Bucharest, fil-31 ta’ Mejju, Festa taż-Żjara tal-Verġni Marija, ikona tal-Knisja li timxi fil-fidi u fl-imħabba. It-tieni Ewkaristija fis-Santwarju ta’ Șumuleu Ciuc, destinazzjoni għal għadd kbir ta’ pellegrini. Hemm, l-Omm Qaddisa ta’ Alla tiġbor fi ħdanha l-poplu fidil fil-firxa wiesgħa tal-lingwi, tal-kulturi u tat-tradizzjonijiet. U t-tielet ċelebrazzjoni kienet il-Liturġija Divina fi Blaj, ċentru tal-Knisja Griega-Ortodossa fir-Rumanija, bil-Beatifikazzjoni tas-seba’ Isqfijiet Martri Griegi-Kattoliċi, xhieda tal-libertà u tal-ħniena li jiġu mill-Vanġelu. Wieħed minn dawn il-Beati ġodda, Mons. Iuliu Hossu, meta kien il-ħabs kiteb hekk: “Alla bagħatna qalb dawn id-dlamijiet ta’ tbatija biex inxerrdu l-maħfra u nitolbu għall-konverżjoni ta’ kulħadd”. Meta naħseb fit-torturi tal-għaġeb li kellhom iġarrbu, dawn il-kelmiet huma tassew xhieda ta’ ħniena.

 

Partikularment intensa u festiva kienet il-laqgħa maż-żgħażagħ u l-familji, li nżammet f’Iaşi, belt antika u ċentru kulturali importanti, salib it-toroq bejn Punent u Lvant. Post li jistedinna niftħu toroq li fihom nimxu flimkien, fl-għana tad-diversitajiet, f’libertà li ma taqtax l-għeruq imma tibbenefika minnhom b’mod kreattiv. Anki din il-laqgħa kellha karattru Marjan u għalqet bl-affidament taż-żgħażagħ u tal-familji lill-Omm Qaddisa ta’ Alla.

 

L-aħħar tappa tal-vjaġġ kienet iż-żjara lill-komunità Rom ta’ Blaj. F’dik il-belt ir-Rom huma ħafna fl-għadd, u għalhekk ridt insellmilhom u nġedded l-appell kontra kull diskriminazzjoni u għar-rispett tal-persuni ta’ kull etniċità, lingwa u reliġjon.

 

Għeżież ħuti, irroddu ħajr lil Alla għal dan il-vjaġġ appostoliku, u nitolbuh, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, li dan ikollu frott kotran għar-Rumanija u għall-Knisja f’dawk l-artijiet.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard