PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 3 ta’ April 2013

 

Għeżież ħuti,

l-għodwa t-tajba,

 

Il-lum qed naqbdu mill-ġdid il-Katekeżi tas-Sena tal-Fidi.  Fil-Kredu ntennu din l-espressjoni: “Fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet skont il-Kotba Mqaddsa”.  Din hi propju l-ġrajja li qed niċċelebraw: il-Qawmien ta’ Ġesù, ċentru tal-messaġġ Nisrani, imtenni sa mill-bidu u mgħoddi biex jasal għandna.  San Pawl jikteb hekk lill-Insara ta’ Korintu: “Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura.  U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax” (1 Kor 15:3-5).  Din l-istqarrija qasira ta’ fidi tħabbar sewwa sew il-Misteru ta’ l-Għid, bl-ewwel dehriet ta’ l-Irxoxt lil Pietru u lit-Tnax: il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù huma sewwa sew il-qalba tat-tama tagħna.  Mingħajr din il-fidi fil-mewt u fil-qawmien ta’ Ġesù, it-tama tagħna tkun dgħajfa, anzi lanqas tkun tama, għax propju l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù huma l-qalba tat-tama tagħna.  L-Appostlu jżid jgħid: “U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom” (v. 17).  B’xorti ħażina, spiss kien hemm min fittex li jitfa’ dell fuq il-fidi fil-Qawmien ta’ Ġesù, u anki fost dawk stess li jemmnu ddaħħlu d-dubji.  Din hi xi ftit il-fidi “tal-qoxra”, kif ngħidu aħna; m’hix il-fidi b’saħħitha.  U dan minħabba s-superfiċjalità, xi kultant minħabba l-indifferenza, għax aħna mħabbtin b’elf ħaġa oħra li nqisu iktar importanti mill-fidi, jew anki minħabba viżjoni orizzontali biss tal-ħajja.  Imma hu sewwa sew il-Qawmien li jiftħilna qalbna għat-tama l-iktar kbira, għax jiftħilna ħajjitna u l-ħajja tad-dinja għall-futur etern ta’ Alla, għall-hena sħiħ, għaċ-ċertezza li l-ħażen, id-dnub, il-mewt jistgħu jintrebħu.  U dan iwassalna biex ngħixu b’iżjed fiduċja r-realtajiet ta’ kuljum, naffrontawhom bil-kuraġġ u l-impenn.  Il-Qawmien ta’ Kristu jdawwal b’dawl ġdid dawn ir-realtajiet ta’ kuljum.  Il-Qawmien ta’ Kristu hu l-qawwa tagħna!

 

Imma kif tgħaddiet lilna l-verità tal-fidi fil-Qawmien ta’ Kristu?  Fit-Testment il-Ġdid għandna żewġ tipi ta’ xhieda: xi wħud huma fl-għamla ta’ stqarrija ta’ fidi, jiġifieri ta’ formuli sintetiċi li jippuntaw lejn il-qalba tal-fidi tagħna; oħrajn, min-naħa l-oħra, huma fl-għamla ta’ rakkont tal-ġrajja tal-Qawmien u tal-fatti marbuta miegħu.  Ta’ l-ewwel: l-għamla ta’ l-istqarrija tal-fidi, ngħidu aħna, hi dik li għadna kemm smajna, jew dik ta’ l-Ittra lir-Rumani fejn San Pawl jikteb: “Għax jekk inti tistqarr b’fommok ‘Ġesù hu l-Mulej’, u temmen b’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva” (10:9).  Sa mill-ewwel passi tal-Knisja hi diġà soda u ċara l-fidi fil-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù.  Il-lum, imma, nixtieq nieqaf fuq it-tieni, fuq ix-xhieda fl-għamla ta’ rakkont, li nsibu fil-Vanġeli.  Qabel xejn ninnutaw li l-ewwel xhieda ta’ din il-ġrajja kienu n-nisa.  Kmieni mas-sebħ, huma jinġabru ħdejn il-qabar biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù, u jsibu l-ewwel sinjal: il-qabar vojt (ara Mk 16:1).  Imbagħad tiġi l-laqgħa ma’ Messaġġier ta’ Alla li jħabbrilhom: Ġesù ta’ Nazareth, il-Mislub, m’huwiex hawn, qam (ara vv. 5-6).  In-nisa huma mqanqla mill-imħabba u jafu jilqgħu din l-aħbar bil-fidi: jemmnu, u minnufih jgħadduha, ma jżommuhiex għalihom, ixandruha.  Il-ferħ li jafu li Ġesù hu ħaj, it-tama li timla l-qalb, ma jistgħux iżommuhom għalihom infushom.  Dan għandu jseħħ ukoll f’ħajjitna.  Ejjew inħossuh il-ferħ li aħna Nsara!  Aħna nemmnu fi Rxoxt li rebaħ fuq il-ħażen u fuq il-mewt!  Ħa jkollna l-kuraġġ li “noħorġu” biex inwasslu dan il-ferħ u dan id-dawl fl-irkejjen kollha tal-ħajja tagħna!  Il-Qawmien ta’ Kristu hu l-akbar ċertezza li għandna; hu t-teżor l-aktar prezzjuż!  Kif nistgħu ma naqsmux ma’ l-oħrajn dan it-teżor, din iċ-ċertezza?  M’hix biss għalina, imma qiegħda hemm biex ngħadduha, biex nagħtuha lill-oħrajn, naqsmuha ma’ l-oħrajn.  Hi tabilħaqq ix-xhieda tagħna.

 

Element ieħor.  Fl-istqarrija tal-fidi tat-Testment il-Ġdid, bħala xhieda tal-Qawmien insibu mniżżla biss irġiel, l-Appostli, imma mhux in-nisa.  Dan għax, skond il-Liġi Lhudija ta’ dak iż-żmien, in-nisa u t-tfal ma setgħux jagħtu xhieda li tista’ toqgħod fuqha, li titwemmen.  Fil-Vanġeli, imma, in-nisa għandhom rwol primarju, fundamentali.  Hawn insibu element favur l-istoriċità tal-Qawmien: kieku dan kien fatt ivvintat, fil-kuntest ta’ dak iż-żmien ma kienx sa jintrabat max-xhieda ta’ nisa.  Imma l-evanġelisti jirrakkuntaw sempliċement dak li seħħ: l-ewwel xhieda tat-twelid ta’ Ġesù huma r-rgħajja, nies sempliċi u umli; l-ewwel xhieda tal-Qawmien huma n-nisa.  U dan hu s-sabiħ.  U din hi xi ftit jew wisq il-missjoni tan-nisa: ta’ l-ommijiet, tan-nisa!  Li jagħtu xhieda quddiem uliedhom, quddiem in-neputijiet, li Ġesù hu ħaj, hu dak li jgħix, hu qam mill-mewt.  Ommijiet u nisa, ibqgħu agħtu din ix-xhieda!  Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għaliH, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw.  Imma dan iġegħilna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-Wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda ta’ l-imħabba.  L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu.  In-nisa le.  Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù.  Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.

 

Wara d-dehriet lin-nisa, jiġu oħrajn: Ġesù jsir preżenti b’mod ġdid: hu l-Mislub, imma ġismu hu glorjuż; ma reġax lura għall-ħajja ta’ din l-art, imma għal kundizzjoni ġdida.  Għall-bidu ma jagħrfuhx, u huwa biss għal kliemu u għall-ġesti tiegħu li l-għajnejn jinfetħu: il-laqgħa ma’ l-Irxoxt tibdel, tagħti qawwa ġdida lill-fidi, pedament li ma jitfarrakx.  Anki fil-każ tagħna hemm tant sinjali li fihom l-Irxoxt iħallina nagħrfuh: l-Iskrittura Mqaddsa, l-Ewkaristija, is-Sagramenti l-oħra, il-karità, dawk il-ġesti ta’ mħabba li jġorru fihom raġġ ta’ l-Irxoxt.  Inħallu jdawwalna l-Qawmien ta’ Kristu, inħallu l-qawwa tiegħu tibdilna, biex anki permezz tagħna fid-dinja s-sinjali tal-mewt iħallu posthom lis-sinjali tal-ħajja.  Qed nara ħafna żgħażagħ fil-pjazza.  Arahom!  Lilkom ngħidilkom: wasslu din iċ-ċertezza: il-Mulej hu ħaj u jimxi magħna fil-ħajja tagħna.  Din hi l-missjoni tagħkom!  Ġorru fikom din it-tama.  Ankraw ruħkom f’din it-tama: din l-ankra li hi fis-Sema; żommu sod il-ħabel f’idejkom, kunu ankrati u mexxu ’l quddiem din it-tama.  Intom, xhieda ta’ Ġesù, agħtu xhieda li Ġesù hu ħaj u dan jagħtina t-tama, jagħti t-tama lil din id-dinja xi ftit imxejħa bil-gwerer, bil-ħażen, bid-dnub.  Imxu, żgħażagħ!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard