IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 2 ta’ Ottubru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli 10.

“Beda jxandarlu ’l Ġesù” (Atti 8:35).  Filippu u l-“ġirja” tal-Vanġelu f’toroq ġodda.

 

Għeżież ħuti!

 

Wara l-martirju ta’ Stiefnu, il-“ġirja” tal-Kelma ta’ Alla donnha taqla’ daqqa ta’ ħarta, minħabba fil-qawmien ta’ “persekuzzjoni kbira kontra l-Knisja f’Ġerusalemm” (Atti 8:1). Wara dan, l-Appostli baqgħu Ġerusalemm, waqt li ħafna Nsara xterdu f’postijiet oħra tal-Lhudija u fis-Samarija.

 

Fil-Ktieb tal-Atti, il-persekuzzjoni tidher qisha l-istat permanenti tal-ħajja tad-dixxipli, fi qbil ma’ dak li kien qal Ġesù: “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll” (Ġw 15:20). Imma l-persekuzzjoni, flok ma titfi n-nar tal-evanġelizzazzjoni, iktar tħeġġu.

 

Smajna x’għamel id-djaknu Filippu li beda jevanġelizza l-bliet tas-Samarija, u ħafna kienu s-sinjali ta’ ħelsien u fejqan li sieħbu x-xandir tal-Kelma. Hawn l-Ispirtu s-Santu jimmarka tappa ġdida fil-vjaġġ tal-Vanġelu: jimbotta lil Filippu biex imur jiltaqa’ ma’ barrani li kellu qalbu miftuħa għal Alla. Filippu jqum u jitlaq bil-ħeġġa u, fi triq tad-deżert u perikuluża, jiltaqa’ ma’ uffiċjal għoli tas-sultana tal-Etjopja, amministratur tat-teżori tagħha. Dan ir-raġel, ewnuku, wara li kien mar Ġerusalemm għall-kult, narawh rieġa’ lura lejn pajjiżu. Kien proselita Lhudi tal-Etjopja. Bilqiegħda fil-karru tiegħu, qed jaqra mill-manuskritt tal-profeta Iżaija, b’mod partikulari r-raba’ għanja tal-“qaddej tal-Mulej”.

 

Filippu jersaq lejn il-karru u jistaqsih: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” (Atti 8:30). L-Etjopiku wieġbu: “Kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?” (Atti 8:31). Dak ir-raġel influwenti jagħraf il-bżonn li jiġi mmexxi minn xi ħadd biex jista’ jifhem il-Kelma ta’ Alla. Kien il-bankier il-kbir, kien il-ministru tal-ekonomija, kellu l-poter kollu tal-flus, imma kien jaf li mingħajr spjegazzjoni ma setax jifhem, kien umli.

 

U dan id-djalogu bejn Filippu u l-Etjopiku jġagħalna nirriflettu fuq il-fatt li mhux biżżejjed naqraw l-Iskrittura, imma hemm bżonn nifhmu s-sens tagħha, infittxu s-“sugu” billi nħaffru taħt l-“iskorċa”, nixorbu mill-Ispirtu li jagħti l-ħajja lill-ittra. Kif qal il-Papa Benedittu fil-bidu tas-Sinodu fuq il-Kelma ta’ Alla, “l-eseġesi, il-veru qari tal-Iskrittura Mqaddsa, mhix biss fenomenu letterarju, […]. Hi dak li jċaqlaq il-ħajja kollha tiegħi” (Meditazzjoni, 6 ta’ Ottubru 2008). Li nidħlu fil-Kelma ta’ Alla jfisser inkunu disposti biex noħorġu mil-limiti tagħna ħalli niltaqgħu u nitwaħħdu ma’ Kristu li hu l-Kelma ħajja tal-Missier.

 

Mela min hu l-protagonista ta’ dan li kien qed jaqra l-Etjopiku? Filippu joffri lis-semmiegħ tiegħu l-muftieħ għall-qari: dak il-qaddej umli u sofferenti, li ma jweġibx bil-ħażen għall-ħażen u li, imqar jekk hu meqjus fallut u sterili u fl-aħħar jitwarrab min-nofs, jeħles lill-poplu mill-inġustizzja u jikseb frott għal Alla, hu proprju dak Kristu li Filippu u l-Knisja kollha jxandru! Li bl-Għid tiegħu ħelisna lkoll. Fl-aħħar nett, l-Etjopiku jagħraf lil Kristu u jitlob il-Magħmudija u jistqarr il-fidi fil-Mulej Ġesù. Sabiħ dan ir-rakkont, imma x’kien li ġagħal lil Filippu jmur fid-deżert biex jiltaqa’ ma’ dan ir-raġel? Min ħajjar lil Filippu jersaq lejn il-karru? Hu l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu hu l-protagonista tal-evanġelizzazzjoni. “Dun, jien se mmur nevanġelizza” – “Iva, x’se tagħmel?” – “Aħ, se nħabbar il-Vanġelu u ngħidilhom min hu Ġesù, infittex nikkonvinċi n-nies li Ġesù huwa Alla”. Għażiż tiegħi, din mhix evanġelizzazzjoni, jekk m’hemmx l-Ispirtu s-Santu m’hemmx evanġelizzazzjoni. Dan jista’ jkun proselitiżmu, pubbliċità… Imma l-evanġelizzazzjoni tfisser li tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxik hu, ikun hu li jimbuttak biex ixxandar, ixxandar bix-xhieda tiegħek, anki bil-martirju, anki bil-kelma.

 

Wara li laqqa’ lill-Etjopiku mal-Irxoxt – l-Etjopiku jiltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt għax jagħraf dik il-profezija – Filippu jisparixxi, l-Ispirtu jieħdu u jibagħtu jagħmel xi ħaġa oħra. Għidna li l-protagonista tal-evanġelizzazzjoni hu l-Ispirtu s-Santu, u liema hu s-sinjal li int, Nisranija, Nisrani, int evanġelizzatur? Il-ferħ. Imqar fil-martirju. U Filippu mimli bil-ferħ mar band’oħra biex jipprietka l-Vanġelu.

 

Jalla l-Ispirtu s-Santu jagħmel mill-imgħammdin nies li jħabbru l-Vanġelu biex jiġbdu lill-oħrajn mhux lejhom imma lejn Kristu, li jafu jagħmlu wisa’ għall-azzjoni ta’ Alla, li jafu jagħmlu lill-oħrajn ħielsa u responsabbli quddiem il-Mulej.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard