UDJENZA
ĠENERALI
L-Erbgħa
1 ta’ Awwissu
2018
Katekeżi
fuq il-Kmandamenti. 4.
“Ma jkollokx allat oħra għajri”
Għeżież
ħuti, l-għodwa t-tajba!
Smajna l-ewwel
kmandament tad-Dekalogu: “Ma jkollokx allat oħra għajri” (Eż 20:3).
Tajjeb li nieqfu fuq it-tema tal-idolatrija,
li hi ta’ importanza u attwalità kbira.
Dan il-kmandament
jipprojbilna li nagħmlu idoli[1]
jew xbihat[2]
ta’ xi għamla ta’ realtà:[3]
fil-fatt, kollox jista’ jintuża bħala idolu. Qed nitkellmu fuq
tendenza umana, li fiha jaqgħu kemm dawk li jemmnu u kemm l-atej.
Ngħidu aħna, aħna l-Insara nistgħu nistaqsu lilna nfusna:
Min hu tassew Alla tiegħi? Hu l-Imħabba Waħda u Tlieta, jew hu
x-xbieha tiegħi nnifsi, is-suċċess personali tiegħi, forsi
anki fi ħdan l-istess Knisja? “L-idolatrija mhijiex biss il-qima qarrieqa
tal-paganeżmu. L-idolatrija hi dejjem tentazzjoni kontra l-fidi, għax
twassal biex nagħmlu Alla dak li mhuwiex Alla” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2113).
Xi jkun “alla” fuq
livell eżistenzjali? Hu dak li jinsab fiċ-ċentru ta’
ħajjitna u li minnu jiddipendi kulma nagħmlu u naħsbu.[4]
Nistgħu nkunu kbirna f’familja li fl-isem hi Nisranija, imma fir-realtà
ħajjitha ddur fuq punti ta’ riferiment barranin għall-Vanġelu.[5]
Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr ma jdur ma’ xi ħaġa.
Allura araw kif id-dinja toffri s-“supermarket”
tal-idoli, li jistgħu jkunu oġġetti, xbihat, ideat, rwoli.
Ngħidu aħna, anki t-talb. Aħna għandna nitolbu lil Alla,
Missierna. Niftakar darba kont mort f’parroċċa fid-Djoċesi ta’
Buenos Aires biex niċċelebra quddiesa u mbagħad kelli
nagħmel il-Griżma f’parroċċa oħra xi kilometru
bogħod. Mort, bil-mixi, u għaddejt minn park, sabiħ. Imma f’dak
il-park kien hemm iżjed minn ħamsin mejda, kull waħda
b’żewġ siġġijiet, u tnejn bilqiegħda faċċata
ta’ xulxin. X’kienu qed jagħmlu? Jaqraw il-karti. Kienu jmorru hemm biex
“jitolbu” lill-idolu. Flok jitolbu lil Alla li hu providenza tal-futur, kienu
jmorru hemm għax kienu jaqraw il-karti biex jaraw il-futur. Din idolatrija
ta’ żmienna. U jien nistaqsikom: Kemm minnkom mortu biex jaqrawlkom
il-karti ħa jaraw il-futur? Kemm minnkom, ngħidu aħna, mortu
biex jaqrawlkom idejkom u taraw il-futur, flok titolbu lill-Mulej? Din hi
d-diffrenza: il-Mulej hu ħaj; l-oħrajn huma idoli, idolatriji li ma
jiswew għal xejn.
Kif
tiżviluppa idolatrija? Il-kmandament jiddeskrivi l-fażijiet: “La
tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa
[…]. / La tmilx quddiemhom / la tadurahomx” (Eż 20:4-5).
Il-kelma “idolu” fil-Grieg ġejja mill-verb “tara”.[6]
Idolu hu “viżjoni” li aktarx
issir fissazzjoni, ossessjoni. Fir-realtà, fl-idolu nkunu nipproġettaw
lilna nfusna fl-oġġetti jew fil-proġetti. Il-pubbliċità,
ngħidu aħna, b’din id-dinamika tinqeda: ma narax l-oġġett
fih innifsu imma nipperċepixxi dik il-karozza, dak is-smartphone, dak ir-rwol – jew ħwejjeġ oħra –
bħala mezz biex nirrealizza ruħi u nwieġeb
għall-bżonnijiet essenzjali tiegħi. U dan infittex, fuq dan
nitkellem, f’dan naħseb; l-idea li nippossedi dak l-oġġett jew
inwettaq dak il-proġett, nilħaq dik il-pożizzjoni, tidher triq
meraviljuża għall-ferħ, torri biex nilħaq is-sema (ara
Ġen 11:1-9), u kollox isir funzjonali għal dak l-għan.
Allura nidħlu
fit-tieni fażi: “La tmilx
quddiemhom”. L-idoli jesiġu kult, ritwali; quddiemhom immilu u
nissagrifikaw kollox. Fl-antikità kienu jagħmlu sagrifiċċji
umani lill-idoli, imma anki llum: għall-karriera nissagrifikaw l-ulied,
nittraskurawhom jew sempliċiment ma nġibuhomx fid-dinja;
is-sbuħija titlob sagrifiċċji umani. Kemm sigħat quddiem
il-mera! Ċerti persuni, ċerti nisa kemm jonfqu biex
jinżebgħu?! Anki din hi idolatrija. Mhix ħaġa
ħażina tirtokkja wiċċek; imma b’mod normali, mhux biex
issir xi alla. Is-sbuħija titlob sagrifiċċji umani. Il-fama
titlob is-sagrifiċċju tagħna nfusna, tal-innoċenza u
l-awtentiċità tagħna. L-idoli huma għatxana għad-demm.
Il-flus jisirqu l-ħajja u l-pjaċir iġib is-solitudni.
L-istrutturi ekonomiċi jissagrifikaw ħajjiet umani għal vantaġġi
ogħla. Naħsbu f’tant nies bla xogħol. Għaliex? Għaliex
xi drabi jiġri li l-imprendituri ta’ dik l-intrapriża, ta’ dik
id-ditta, iddeċidew li jkeċċu n-nies, biex jiggwadanjaw
iżjed flus. L-idolu tal-flus. Ngħixu fl-ipokrezija, nagħmlu u
ngħidu dak li jistennew minna l-oħrajn, għax dan jimponihula
l-alla tal-affermazzjoni tagħna nfusna. U nirvinaw il-ħajjiet,
neqirdu l-familji u nitilqu ż-żgħażagħ f’idejn
il-mudelli qerrieda, basta nżidu l-profitt. Anki d-droga hija idolu. Kemm
żgħażagħ jirvinaw saħħithom, saħansitra
ħajjithom, għax jaduraw dan l-idolu tad-droga.
Hawn jasal
it-tielet stadju u l-iżjed wieħed traġiku: “…la tadurahomx”, jgħid. L-idoli jjassru. Iwiegħdu l-ferħ
imma ma jagħtuhx; u nsibu ruħna ngħixu għal dik
il-ħaġa jew għal dik il-viżjoni, fi tromba li teqred lilha
nfisha, nistennew riżultat li ma jasal qatt.
Għeżież
ħuti, l-idoli jwegħduna ħajja, imma fir-realtà jeħduhielna.
Alla veru ma jitlobx il-ħajja imma jagħtiha, jirregalaha. Alla veru
ma joffrilniex li nipproġettaw is-suċċess tagħna, imma
jgħallimna nħobbu. Alla veru ma jitlobniex l-ulied, imma jagħti
lil Ibnu għalina. L-idoli jipproġettaw ipoteżijiet futuri u
jiddisprezzaw il-preżent; Alla veru jgħallimna ngħixu fir-realtà
ta’ kuljum, fil-konkret, mhux b’illużjonijiet fuq il-futur: illum u
għada u pitgħada billi nimxu lejn il-futur. Il-konkretezza ta’ Alla
veru kontra l-likwidità tal-idoli. Jiena llum nistedinkom taħsbu: kemm
idoli għandi jew liema hu l-idolu preferit tiegħi? Għax li
nagħrfu liema huma l-idolatriji proprji tagħna hu bidu ta’ grazzja, u
jpoġġina fit-triq tal-imħabba. Fil-fatt, l-imħabba hi
inkompatibbli mal-idolatrija: jekk xi ħaġa ssir assoluta u ma tistax
tmissha, allura hi iżjed importanti minn martek jew żewġek, minn
ibnek jew bintek, jew minn ħbiberija. Ir-rabta ma’ oġġett jew
ma’ idea tagħmilna għomja għall-imħabba. U hekk biex nimxu
wara l-idoli, wara idolu, nistgħu anki naslu biex niċħdu lil
missierna, ommna, uliedna, martna, żewġna, il-familja… l-iżjed
ħwejjeġ għeżież. Ir-rabta ma’ oġġett jew ma’
idea tagħmilna għomja għall-imħabba. Żommu dan
f’qalbkom: l-idoli jisirqulna l-imħabba, l-idoli jagħmluna għomja
għall-imħabba, u biex inħobbu tassew jeħtieġ inkunu
ħielsa minn kull idolu.
Liema hu l-idolu
tiegħek? Neħħih u armih mit-tieqa ’l barra!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn
Francesco Pio Attard
[1]
It-terminu Pesel jindika “xbieha divina oriġinarjament
imnaqqxa fl-injam jew fil-ġebla, u fuq kollox fil-metall”
(L. Koehler – W. Baumgartner, The Hebrew and Aramaic Lexicon of the Old
Testament, vol. 3, p. 949).
[2] It-terminu Temunah għandu sinifikat wiesa’ ħafna, li jeħodna għal “xebh,
forma”; għalhekk, il-projbizzjoni hi pjuttost wiesgħa u dawn
ix-xbihat jistgħu jkunu ta’ kull xorta (ara L. Koehler – W. Baumgartner, Op. cit., vol. 1, p. 504).
[3] Il-kmandament ma jipprojbix
ix-xbihat infushom – Alla nnifsu jordna lil Mosè jagħmel il-kerubini tad-deheb
fuq l-għatu tal-arka (ara Eż 25:18) u serp tal-bronż (ara Num
21:8) – imma jipprojbixxi li nadurawhom u naqduhom, jiġifieri
l-proċess sħiħ ta’ deifikazzjoni
ta’ xi ħaġa, mhux sempliċiment ir-riproduzzjoni.
[4] Il-Bibbja
Lhudija qed tirriferi għall-idolatriji Kangħanin bit-terminu Ba‛al, li jfisser “ħakma ta’ sid, relazzjoni intima, realtà li minnha
wieħed jiddipendi”. L-idolu hu dak li jaħkem, jieħu l-qalb u
jsir il-pern tal-ħajja (ara Theological Lexicon of the Old Testament, vol. 1, 247-251).
[5]
Ara Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika, n. 2114: “L-idolatrija hi tagħwiġ
tas-sentiment reliġjuż li jinsab fil-fond tal-qalb tal-bniedem. Min
iqim l-allat foloz ‘ikun qiegħed jagħti din il-fehma li għandu
ta’ Alla lil kull min ifettillu, ikun xi jkun jew min ikun’ (Oriġene, Contra Celsum,
2, 40)”.
[6] L-etimoloġija
tal-Grieg eidolon, ġejja minn eidos, hi mill-għerq weid li jfisser tara (ara Grande Lessico dell’Antico Testamento, Brescia 1967, vol. III, p. 127).