IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 1 ta’ Mejju 2019

 

Katekeżi fuq il-Missierna”: 14. La ddaħħalniex fit-tiġrib

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq il-“Missierna”, fejn issa wasalna għall-invokazzjoni ta’ qabel tal-aħħar: “La ddaħħalniex fit-tiġrib” (Mt 6:13). Hemm verżjoni oħra li tgħid: “Tħalliniex nidħlu fit-tiġrib”. Il-“Missierna” tibda b’mod seren: ixxennaqna li l-pjan kbir ta’ Alla jitwettaq fostna. Imbagħad tixħet ħarsitha fuq il-ħajja, u ġġagħalna nitolbu dak li għandna bżonn ta’ kuljum: il-“ħobż ta’ kuljum”. Imbagħad it-talba ddur għar-relazzjonijiet ta’ bejnietna, spiss imtappna mill-egoiżmu: nitolbu l-maħfra u nħabirku biex nagħtuha aħna wkoll. Imma b’din l-invokazzjoni ta’ qabel tal-aħħar id-djalogu tagħna ma’ Missierna tas-Sema jidħol, biex ngħidu hekk, fl-aqwa tad-dramma, jiġifieri fuq l-art tal-konfront bejn il-libertà tagħna u n-nasbiet tal-ħażin.

 

Kif nafu, l-espressjoni oriġinali Griega li nsibu fil-Vanġeli diffiċli nirrenduha b’mod eżatt, u t-traduzzjonijiet moderni kollha huma xi ftit zopop. Imma hemm aspett li dwaru nistgħu naqblu b’mod unanimu: nifhmu kif nifhmu dan it-test, irridu neskludu li hu Alla l-protagonista tat-tiġrib fil-ħajja tal-bniedem. Bħallikieku Alla nnifsu qed moħbi xi mkien biex iwaddab ix-xbieki u n-nasbiet tiegħu fuq uliedu. Interpretazzjoni bħal din qabelxejn tmur kontra l-istess test, u hi mbiegħda mix-xbieha ta’ Alla li wriena Ġesù. Ma ninsewhx dan: il-“Missierna” tiftaħ bil-kelma “Missier”. U missier ma jagħmilx nasbiet għal uliedu. L-Insara mhux qed jittrattaw ma’ xi Alla għajjur, f’kompetizzjoni mal-bniedem, jew li jieħu pjaċir iġarrbu. Dawn huma x-xbihat ta’ tant divinitajiet pagani. Naqraw fl-Ittra ta’ Ġakbu l-Appostlu: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’, għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas mhu se jġarrab lil ħadd” (1:13). Jekk xejn, bil-maqlub: il-Missier mhux l-awtur tal-ħażen, u l-ebda iben li jitolbu ħuta ma jagħtih serp (ara Lq 11:11) – kif jgħallem Ġesù – u meta fil-ħajja tiegħu l-bniedem jiġi wiċċ imb wiċċ mal-ħażen, Alla jissielet maġenbu, biex jeħilsu minnu. Alla li dejjem jitqabad għalina, mhux kontra tagħna. Hu l-Missier! Huwa f’dan is-sens li aħna nitolbu l-“Missierna”.

 

Dawn iż-żewġ mumenti – il-prova u t-tentazzjoni – kienu misterjożament preżenti fil-ħajja ta’ Ġesù nnifsu. F’din l-esperjenza l-Iben ta’ Alla sar għalkollox ħuna, b’mod li kważi jmiss l-iskandlu. U huma proprju dawn is-siltiet tal-Vanġelu li juruna li l-invokazzjonijiet l-iżjed ibsin tal-“Missierna”, dawk li bihom jagħlaq it-test, diġà ġew mismugħa: Alla ma telaqniex waħidna, imma f’Ġesù hu jidher bħala l-“Alla magħna” sal-aktar qagħdiet estremi. Hu jinsab magħna meta jagħtina l-ħajja, hu magħna tul ħajjitna, hu magħna fil-ferħ, hu magħna fil-provi, hu magħna fin-niket, hu magħna fit-telfiet, meta aħna nidinbu, imma dejjem jinsab magħna, għax hu Missier u ma jistax jitlaqna waħidna.

 

Jekk aħna ttentati nagħmlu l-ħażin, niċħdu l-fraternità mal-oħrajn u nixxennqu għall-poter assolut fuq kollox u fuq kulħadd, Ġesù diġà tqabadha għalina din it-tentazzjoni: dan jgħiduhulna l-ewwel paġni tal-Vanġelu. Dritt wara li rċieva l-magħmudija minn Ġwanni, qalb il-folla tal-midinbin, Ġesù jmur waħdu fid-deżert u jiġi mġarrab mix-Xitan. U hekk tibda l-ħajja pubblika ta’ Ġesù, bit-tentazzjoni li tiġi mix-Xitan. Ix-Xitan hemm kien. Ħafna nies jgħidu: “Imma għaliex toqogħdu titkellmu fuq ix-Xitan meta hu ħaġa ta’ dari? Ix-Xitan ma jeżistix”. Imma ara ftit x’jgħallem il-Vanġelu: Ġesù ħadha max-Xitan, kien imġarrab mix-Xitan. Imma Ġesù jiċħad kull tentazzjoni u joħroġ rebbieħ. Il-Vanġelu ta’ Mattew għandu nota interessanti li tagħlaq id-dwell bejn Ġesù u l-Għadu: “Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh” (4:11).

 

Għax anki fiż-żmien tal-ikbar prova Alla ma jitlaqniex waħidna. Meta Ġesù warrab waħdu biex jitlob fil-Ġetsemani, qalbu nħakmet minn dwejjaq kbar – hekk jgħid lid-dixxipli – u hu jġarrab is-solitudni u l-abbandun. Waħdu, bir-responsabbiltà tad-dnubiet kollha tad-dinja fuq spallejh; waħdu, bi dwejjaq tal-għaġeb. Tant hija kbira l-prova li hawn isseħħ xi ħaġa mhux mistennija. Ġesù qatt ma jittallab l-imħabba għalih innifsu, imma f’dak il-lejl iħoss qalbu mnikkta għall-mewt, u allura jitlob lil ħbiebu jibqgħu qrib tiegħu: “Ibqgħu hawn u ishru miegħi” (Mt 26:38). Kif nafu, id-dixxipli, magħfusin b’ħedla kkawżata mill-biża’, ħadhom in-ngħas. Fil-ħin tal-agunija, Alla jitlob lill-bniedem biex ma jħallihx waħdu, imma l-bniedem, minflok, jorqod. Imma meta l-bniedem jiġi wiċċ imb wiċċ mal-prova tiegħu, Alla jishar miegħu. Fil-mumenti l-aktar koroh ta’ ħajjitna, fil-mumenti tal-ikbar tbatija, fil-mumenti tal-eqqel diqa, Alla jishar magħna, Alla jitqabad magħna, hu dejjem qrib tagħna. Għaliex? Għax hu Missier. Hekk bdejnieha t-talba: “Missierna”. U missier ma jitlaqhom qatt lil uliedu. Dak il-lejl ta’ diqa ta’ Ġesù, ta’ taqbida, hu l-aħħar siġill tal-Inkarnazzjoni: Alla jinżel isibna fl-abbissi u fit-tiġrib li jiżgħed l-istorja.

 

Huwa l-faraġ tagħna fis-siegħa tal-prova: aħna nafu li dak il-wied, minn meta qasmu Ġesù, m’għadux iżjed ta’ diqa u solitudni, imma hu mbierek mill-preżenza tal-Iben ta’ Alla. Hu qatt ma jitlaqna waħidna!

 

Għalhekk, o Alla, biegħed minna ż-żmien tal-prova u tat-tentazzjoni. Imma meta jasal għalina dan il-mument, Missierna, urina li m’aħniex waħidna. Int il-Missier. Urina li Kristu diġà ħa fuqu anki t-toqol ta’ dan is-salib. Urina li Ġesù qed isejħilna nerfgħuh miegħu, mitluqa fiduċjużi fl-imħabba tiegħek ta’ Missier. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard