IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru - L-Erbgħa 15 ta’ Mejju 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nixtieq nieqaf nitkellem fuq l-azzjoni li l-Ispirtu s-Santu jwettaq biex imexxi lill-Knisja u lil kull wieħed u waħda minna lejn il-Verità.  Ġesù nnifsu jgħid hekk lid-dixxipli: “iwassalkom għall-verità kollha” (Ġw 16:13), billi hu nnifsu hu “l-Ispirtu tal-verità” (ara Ġw 14:17; 15:26; 16:13).

 

Qed ngħixu fi żmien ta’ ħafna xettiċiżmu fil-konfront tal-verità.  Benedittu XVI kemm-il darba tkellem dwar ir-relattiviżmu, jiġifieri dwar it-tendenza li nżommu li m’hemm xejn definittiv u li naħsbu li l-verità tiġi mill-kunsens tagħna jew minn dak li rridu aħna.  Tqum il-mistoqsija: Teżisti tassew il-verità?  Liema hi l-veritàNistgħu nagħrfuha?  Nistgħu nsibuha?  Hawn tiġini f’moħħi l-mistoqsija tal-Prokuratur Ruman Ponzju Pilatu meta Ġesù jurih x’inhu s-sens profond tal-missjoni tiegħu: “U l-verità x’inhi?” (Ġw 18:37-38).  Pilatu ma jirnexxilux jifhem li l-Verità qiegħda quddiemu, ma jirnexxilux jara f’Ġesù l-wiċċ tal-verità, li hu l-wiċċ ta’ Alla.  U safrattant, Ġesù hu propju dan: il-Verità, li, fil-milja taż-żminijiet, “sar[et] laħam” (Ġw 1:1,14), ġiet fostna biex aħna nagħrfuha.  Il-verità ma taqbadhiex b’idejk kif tagħmel b’oġġett, il-verità tiltaqa’ magħha.  M’hix oġġett li tippossedi, hi laqgħa ma’ Persuna.

 

Imma min sa jurina li Ġesù hu l-Kelma tal-verità, l-Iben waħdieni ta’ Alla l-Missier?  San Pawl jgħallem li “ħadd ma jista’ jgħid: ‘Ġesù hu l-Mulej!’ jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu” (1 Kor 12:3).  Hu sewwa sew l-Ispirtu s-Santu, id-don ta’ Kristu Rxoxt, li jlaqqagħna mal-Verità.  Ġesù jsejjaħlu l-“Paraklitu”, jiġifieri “dak li jaqbeż għalina fil-bżonn”, li jimxi magħna biex iqawwina f’din il-mixja ta’ għarfien; u, fl-Aħħar Ikla, Ġesù jiżgura lid-dixxipli tiegħu li l-Ispirtu s-Santu se jgħallimhom kollox, u jfakkarhom fil-kliem li qalilhom (ara Ġw 14:26).

 

Mela liema hi l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna u fil-ħajja tal-Knisja li tiggwidana lejn il-verità?  Qabel xejn, hu jistampa fil-qlub ta’ dawk li jemmnu u jfakkarhom il-kelmiet li Ġesù qal, u, propju permezz ta’ dawn il-kelmiet, il-liġi ta’ Alla – kif kienu ħabbru l-profeti tat-Testment il-Qadim – tiġi mnaqqxa fuq qalbna u ssir fina prinċipju ta’ valutazzjoni fl-għażliet li nagħmlu u ta’ gwida fl-għemejjel ta’ kuljum, issir prinċipju tal-ħajja.  Hawn isseħħ il-profezija kbira ta’ Eżekjel: Tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom.  U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom…  U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom” (36:25-27).  Fil-fatt, hu mill-istess ġewwieni tagħna li jitwieldu l-għemejjel tagħna: hi propju l-qalb li trid iddur lejn Alla, u l-Ispirtu s-Santu jibdilha jekk aħna nkunu lesti li ninfetħu għaliH.

 

L-Ispirtu s-Santu, imbagħad, kif wegħidna Ġesù, imexxina “għall-verità kollha” (Ġw 16:13); imexxina mhux biss lejn il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, milja tal-Verità, imma jmexxina wkoll ġol-Verità, jiġifieri jdaħħalna f’komunjoni dejjem iżjed profonda ma’ Ġesù, u jagħtina l-għerf tal-ħwejjeġ ta’ Alla.  U dan ma nistgħux nilħquh bis-saħħa tagħna.  Jekk Alla ma jdawwalniex minn ġewwa, il-fatt li aħna Nsara jibqa’ superfiċjali.  It-Tradizzjoni tal-Knisja tistqarr li l-Ispirtu tal-verità jaħdem fil-qalb tagħna u jnissel dak is-“sens tal-fidi” (sensus fidei) li permezz tiegħu, kif jafferma l-Konċilju Vatikan II, il-Poplu ta’ Alla, taħt il-gwida tal-Maġisteru, jintrabat għal dejjem mal-fidi mgħoddija lilu, jifhimha tajjeb u aktar fil-fond, u japplikaha b’mod iktar sħiħ fil-ħajja (ara Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 12).  Nippruvaw nistaqsu lilna nfusna: Jien miftuħ/a għall-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, nitolbu jagħtini d-dawl, jagħmilni aktar sensibbli għall-ħwejjeġ ta’ Alla?  Din hi talba li għandna nagħmlu ta’ kuljum: “Spirtu s-Santu, agħmel li qalbi tkun miftuħa għall-Kelma ta’ Alla, li l-qalb tiegħi tkun miftuħa għat-tajjeb, li l-qalb tiegħi tkun miftuħa kuljum għall-ġmiel ta’ Alla”.  Nixtieq nagħmel din il-mistoqsija lilkom ilkoll: Kemm minnkom jitolbuh kuljum lill-Ispirtu s-Santu?  Forsi huma ftit, imma jeħtieġ nissodisfaw din ix-xewqa ta’ Ġesù u nitolbu kuljum lill-Ispirtu s-Santu, biex jiftħilna qalbna għal Ġesù.

 

Naħsbu f’Marija, li “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19,51).  Biex il-kelmiet u l-veritajiet tal-fidi jsiru ħajja fina, jeħtieġ nilqgħuhom taħt id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu.  F’dan is-sens tajjeb li nitgħallmu minn Marija, nerġgħu ngħixu l-“iva” tagħha, id-disponibbiltà totali tagħha biex tilqa’ lill-Iben ta’ Alla f’ħajjitha, li minn dak il-waqt ’il quddiem ġiet mibdula.  Permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-Missier u l-Iben jiġu jgħammru fostna: aħna ngħixu f’Alla u b’Alla.  Imma l-ħajja tagħna tassew hi mmexxija minn Alla?  Kemm ħwejjeġ oħra npoġġi qabel Alla?

 

Għeżież ħuti, għandna bżonn inħallu d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu jimlina, biex Hu jlaqqagħna mal-Verità ta’ Alla, li hu s-Sid waħdieni ta’ ħajjitna.  F’din is-Sena tal-Fidi nistaqsu lilna nfusna jekk konkretament għamilniex xi pass biex insiru nafu iktar lil Kristu u l-veritajiet tal-fidi, bil-qari u l-meditazzjoni ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, bl-istudju tal-Katekiżmu, bil-frekwenza kostanti tas-Sagramenti.  Imma fl-istess ħin nistaqsu lilna nfusna liema passi qed nagħmlu biex tkun il-fidi li torjenta l-eżistenza kollha tagħna.  Ma jeżistux Insara “tal-mument”, li jkunu hemm biss f’xi waqtiet, f’xi ċirkustanzi, f’xi għażliet.  Ma nistgħux inkunu Nsara hekk, għax aħna Nsara l-ħin kollu!  Totalment!  Jalla l-verità ta’ Kristu, li l-Ispirtu s-Santu jgħallimna u jagħtina bħala don, taffettwa għal dejjem u b’mod sħiħ il-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Insejħulu iżjed ta’ spiss, biex idawwalna fit-triq tad-dixxipli ta’ Kristu.  Insejħulu kuljum.  Qed nagħmlilkom din il-proposta: insejħulu kuljum lill-Ispirtu s-Santu, biex hekk l-Ispirtu s-Santu jqarribna lejn Ġesù Kristu.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard