Santitŕ, merħba fostna. Ninsabu mill-ġdid fuq titjira għall-bidu ta’ vjaġġ appostoliku kbir. Kien hemm stennija kbira għal dan il-vjaġġ, kif int taf sewwa. Diġŕ fl-aħħar jiem, anzi, fl-aħħar ġimgħat id-dinja ġurnalistika tkellmet ħafna dwaru: ħa ngħidu iżjed mis-soltu, meta tqabbel anki mal-vjaġġi l-oħra. U fuq l-art hemm jistennewk eluf ta’ ġurnalisti akkreditati fid-diversi lokalitajiet fejn int se tivvjaġġa. Hawn qegħdin 76: daħlitilna iżjed minn 140 talba biex ikunu preżenti fuq din it-titjira, imma kellna nżommu ftit ir-riedni. Imma l-kollegi l-oħra qed isegwuna b’attenzjoni kbira, naturalment mid-diversi punti fejn se jiżvolġi l-vjaġġ. Il-komunitŕ li tinsab preżenti hawn, bħas-soltu, tirrappreżenta d-diversi lingwi u diversi pajjiżi. Imma wieħed jifhem li din id-darba hawn rappreżentanza partikularment qawwija ta’ ġurnalisti u ta’ l-istampa ta’ l-Istati Uniti. Fil-fatt, madwar terz tal-kollegi hawn preżenti huma rappreżentanti ta’ televiżjonijiet, ġurnali, aġenziji ta’ l-Istati Uniti: fuq 20 minn 76. Imma, għandna wkoll Kubana magħna, li jisimha Rosa Miriam Elizalde: hemm hi. Tista’ ssellmilha int u għaddej. U allura, aħna nilqgħuk fostna, niżgurawk li se nsegwu dan il-vjaġġ b’attenzjoni kbira għax nafu li hu ta’ importanza kbira għad-dinja kollha: int sa tkun tista’ twassal messaġġi ta’ paċi għall-pajjiżi kollha f’ċirkustanzi assolutament eċċezzjonali. Jekk tixtieq tgħaddi kelmtejn qosra ta’ introduzzjoni int ukoll, qabel tgħaddi ssellem lill-kollegi… Grazzi ħafna!
Grazzi tal-kelmtejn tiegħek ta’ merħba! Il-jum it-tajjeb. Nawguralkom vjaġġ tajjeb u ħidma tajba. Jekk m’iniex sejjer żball, naħseb li dan hu l-itwal [vjaġġ] li qed nagħmel, ġurnata iżjed minn dak tal-Brażil… Sa jkollkom x’tagħmlu! Nirringrazzjakom ħafna, ħafna għax-xogħol li qed tagħmlu u li ħa tagħmlu. Padre Lombardi qal kelma: paċi. Nemmen li l-lum id-dinja hi għatxana għall-paċi. Hemm il-gwerer, l-immigranti li qed jaħarbu, din il-mewġa migratorja li ġejja mill-gwerer, biex jaħarbu mill-mewt, biex ifittxu l-ħajja… Il-lum emozzjonajt ruħi ħafna għax isellmuli quddiem id-Dar ta’ Santa Marta kien hemm waħda miż-żewġ familji li qed joqogħdu fil-parroċċa ta’ Sant’Anna, fil-Vatikan, milqugħin hemm, Sirjani, refuġjati… Stajt tara f’wiċċhom it-tbatija tagħhom! Dik il-kelma: “paċi”… Nirringrazzjakom ta’ dak kollu li se tagħmlu fix-xogħol tagħkom biex tibnu l-pontijiet: pontijiet żgħar, żgħar, imma pont żgħir u ieħor u ieħor u ieħor, jagħmlu l-pont il-kbir tal-paċi.
Il-vjaġġ it-tajjeb, il-ħidma t-tajba. Itolbu għalija. Grazzi.
L-aħħar ħaġa, li dwarha tkellem Padre Lombardi, imma li wieħed minnkom saħaqli fuqha, hi din: xieraq li jien ngħid u nibgħat tislima kbira lil ħafna mill-kollegi tagħkom li bħalissa qed jaħdmu u se jaħdmu mill-uffiċċji.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard