Għeżież ħuti,
Ninsabu fl-għamara ta’ l-Omm tagħna. Hawn hi tilqagħna fid-dar tagħha. F’dan is-santwarju ta’ Sidtna Marija ta’ Madhu, kull pellegrin jista’ jħossu f’daru, għax hawn Marija ddaħħalna fil-preżenza ta’ Binha Ġesù. Hawn, nies tas-Sri Lanka, Tamil u Singal, kollha jiġu bħala membri ta’ familja waħda. F’idejn Marija huma jafdaw il-ferħ u n-niket tagħhom, it-tamiet u l-ħtiġijiet tagħhom. Hawn, fid-dar tagħha, iħossuhom fiż-żgur. Jafu li Alla hu tassew qrib; iħossu mħabbtu; jagħrfu l-ħniena ħelwa tiegħu, il-ħniena kollha ħlewwa ta’ Alla.
Hawn il-lum fostna familji li batew immensament tul il-kunflitt twil li ċarrat il-qalb tas-Sri Lanka. Ħafna persuni, kemm mit-tramuntana u kemm min-nofs in-nhar, ġew maqtula fil-vjolenza terribbli u fit-tixrid ta’ demm matul dawn is-snin. Ħadd mis-Sri Lanka ma jista’ jinsa l-ġrajjiet traġiċi marbuta ma’ dan l-istess post, jew il-jum ikrah meta l-istatwa għażiża ta’ Marija, li tmur lura għall-wasla ta’ l-ewwel Insara fis-Sri Lanka, ittieħdet mis-santwarju tagħha.
Imma l-Madonna tibqa’ dejjem magħkom. Hi Omm ta’ kull dar, ta’ kull familja miġruħa, ta’ dawk kollha li qed ifittxu li jerġgħu lura għal eżistenza paċifika. Il-lum irroddulha ħajr li ħarset il-poplu tas-Sri Lanka minn tant perikli, fil-passat u fil-preżent. Marija qatt ma tinsa lil uliedha f’din il-gżira sabiħa. Kif dejjem baqgħet maġenb Binha fuq is-Salib, hekk dejjem baqgħet maġenb uliedha tas-Sri Lanka li qed ibatu.
Il-lum nixtiequ rroddu ħajr lill-Madonna għal din il-preżenza. Wara ħafna mibegħda, tant vjolenza u qerda, irridu rroddulha ħajr għax hi tkompli ġġibilna lil Ġesù, li waħdu għandu s-setgħa li jfejjaq il-ġrieħi miftuħa u jerġa’ jġib il-paċi lill-qlub maqsuma. Imma rridu wkoll nitolbuha tikseb għalina l-grazzja tal-ħniena ta’ Alla. Nitolbu wkoll il-grazzja li ssewwi d-dnubiet tagħna u l-ħażen kollu li rat din l-art.
Din m’hix ħaġa ħafifa. Madankollu, huwa biss jekk naslu biex nifhmu, fid-dawl tas-Salib, il-ħażen li kapaċi nagħmlu, u li fih saħanistra kellna sehem, li jista’ jkollna rimors u dispjaċir tassew. Dak in-nhar biss nistgħu nirċievu l-grazzja li nersqu lejn xulxin bi ndiema vera, u noffru u nfittxu l-maħfra tassew. F’dan l-isforz diffiċli li naħfru u nsibu l-paċi, Marija hi dejjem hemm biex tagħmlilna l-qalb, tmexxina, tgħinna nagħmlu pass ieħor kull darba. Hekk kif hi ħafret lill-qattiela ta’ Binha f’riġlejn is-salib, hi u żżomm f’dirgħajha ġismu bla ħajja, hekk issa hi trid tmexxi lin-nies tas-Sri Lanka lejn rikonċiljazzjoni ikbar, biex hekk il-balzmu tal-maħfra ta’ Alla jista’ jġib fejqan veru għal kulħadd.
Fl-aħħar nett, nixtiequ nitolbu lil Ommna Marija biex issieħeb bit-talb tagħha l-isforzi tal-poplu tas-Sri Lanka – miż-żewġ komunitajiet ta’ Tamil u Singal – biex jibnu dik l-għaqda li ntilfet. Kif l-istatwa reġgħet sabet postha fis-santwarju tagħha ta’ Madhu wara l-gwerra, hekk nitolbu li wliedha kollha tas-Sri Lanka issa jerġgħu lura fid-dar ta’ Alla fi spirtu mġedded ta’ rikonċiljazzjoni u fratellanza.
Għeżież ħuti, qed nieħu gost li ninsab magħkom fid-dar ta’ Marija. Nitolbu għal xulxin. Fuq kollox, nitolbu li dan is-santwarju jibqa’ dejjem dar ta’ talb u kenn ta’ paċi. Bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija ta’ Madhu, jalla kulħadd hawnhekk isib l-ispirazzjoni u l-qawwa biex jibni futur ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ ġustizzja u ta’ paċi għal ulied din l-art maħbuba. Amen.
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard