Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija” (Ġw 15:4).

 

B’qalb kollha ħajr

B’din id-Dikjarazzjoni Komuni nixtiequ nesprimu l-gratitudni hienja tagħna lejn Alla għal dan il-mument ta’ talb komuni fil-Katidral ta’ Lund, hekk kif qed niftħu s-sena li tfakkar il-ħames mitt sena mir-Riforma. Ħamsin sena ta’ djalogu ekumeniku sod u mimli frott bejn Kattoliċi u Luterani għenuna negħlbu l-ħafna differenzi u ninżlu iktar fil-fond tal-ftehim u l-fiduċja reċiproka ta’ bejnietna. Fl-istess waqt, qrobna lejn xulxin permezz ta’ qadi flimkien lill-proxxmu tagħna – spiss f’ċirkustanzi ta’ tbatija u persekuzzjoni. Bid-djalogu u x-xhieda flimkien m’għadniex iżjed barranin għal xulxin, imma tgħallimna li dak li jgħaqqadna hu akbar minn dak li jifridna.

 

Mit-tilwim għall-komunjoni

Waqt li aħna tassew grati għad-doni spiritwali u teoloġiċi li rċivejna mir-Riforma, quddiem Kristu nistqarru u nitnikktu li l-Luterani u l-Kattoliċi ferew l-għaqda viżibbli tal-Knisja. Id-differenzi teoloġiċi kienu msieħba minn preġudizzji u tilwim, u r-reliġjon ġiet użata għal fini politiċi. Il-fidi komuni tagħna f’Ġesù Kristu u l-Magħmudija tagħna jitolbu minna konverżjoni kontinwa, li biha nwarrbu għall-ġenb kull nuqqas ta’ ftehim u tilwim tal-istorja tagħna li jżommu lura l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni. Waqt li l-imgħoddi ma jistax jinbidel, dak li nfakkru u kif infakkruh jista’ jinbidel. Nitolbu għall-fejqan tal-ġrieħi tagħna u għall-memorji li jdallmu l-fehma tagħna fuq xulxin. Bil-qawwa kollha neħduha kontra kull mibegħda u vjolenza, fl-imgħoddi u llum, speċjalment dik espressa f’isem ir-reliġjon. Illum qed nisimgħu l-amar ta’ Alla li nwarrbu għall-ġenb kull tilwim u ġlied. Nirrikonoxxu li aħna meħlusa mill-grazzja biex nistgħu nisseddqu fil-komunjoni li lejha Alla kontinwament isejħilna.

 

L-impenn tagħna b’risq ix-xhieda komuni

Aħna u nagħtu daharna lil dawk il-ġrajjiet tal-istorja li jtaqqluna, inwegħdu li flimkien nagħtu xhieda tal-grazzja ħanina ta’ Alla, li tidher fi Kristu mislub u rxoxt. Konxji li l-mod kif nirrelataw ma’ xulxin isawwar ix-xhieda tagħna fil-Vanġelu, nikkommettu ruħna li nkomplu nikbru fil-komunjoni li għandha għeruqha fil-Magħmudija, aħna u nfittxu li nneħħu x-xkiel li jibqa’ jżommna milli naslu għall-għaqda sħiħa. Kristu jixtieqna nkunu ħaġa waħda, biex id-dinja temmen (ara Ġw 17:21).

 

Ħafna membri tal-komunitajiet tagħna jixxennqu li jirċievu l-Ewkaristija madwar mejda waħda, bħala l-espressjoni konkreta tal-għaqda sħiħa. Aħna nħossu l-uġigħ ta’ dawk li jaqsmu ma’ xulxin ħajjithom kollha, imma ma jistgħux jaqsmu l-preżenza feddejja ta’ Alla madwar il-mejda Ewkaristika. Nagħrfu r-responsabbiltà pastorali komuni tagħna li nwieġbu għall-għatx u l-ġuħ spiritwali ta’ niesna li nkunu ħaġa waħda fi Kristu. Nixxennqu li naraw titfejjaq din il-ġerħa fil-Ġisem ta’ Kristu. Dan hu l-għan tal-isforzi ekumeniċi tagħna, li nixtiequ mmexxu ’l quddiem, billi nġeddu wkoll l-impenn tagħna fid-djalogu teoloġiku.

 

Nitolbu lil Alla li l-Kattoliċi u l-Luterani jkunu kapaċi jagħtu xhieda flimkien tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, u jistiednu lill-bnedmin jisimgħu u jilqgħu l-aħbar it-tajba tal-għemil feddej ta’ Alla. Nitolbu lil Alla jnebbaħna, iħeġġiġna u jqawwina biex flimkien nistgħu nkunu qaddejja, inħarsu d-dinjità u l-jeddijiet umani, speċjalment għall-foqra, naħdmu għall-ġustizzja, u niċħdu kull xorta ta’ vjolenza. Alla qed isejħilna biex inkunu qrib ta’ dawk kollha li jixxennqu għad-dinjità, il-ġustizzja, il-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Illum b’mod partikulari, ngħollu leħinna biex nitolbu għal tmiem il-vjolenza u l-estremiżmu li jaffettwaw tant pajjiżi u komunitajiet, u għadd bla tarf ta’ aħwa fi Kristu. Inħeġġu lil-Luterani u l-Kattoliċi biex jaħdmu flimkien ħa jilqgħu lill-barrani, jgħinu lil dawk imġiegħla jaħarbu minħabba l-gwerra u l-persekuzzjoni, u jħarsu d-drittijiet tar-rifuġjati u dawk li qed ifittxu kenn.

 

Iktar minn qatt qabel qed nirrealizzaw li l-qadi komuni tagħna f’din id-dinja għandu jinfirex għall-ħolqien ta’ Alla, li qed ibati mill-abbuż u mill-effetti ta’ kilba bla xaba’. Nagħrfu d-dritt li għandhom il-ġenerazzjonijiet futuri li jgawdu d-dinja li ħalaq Alla fil-potenzjal u l-ġmiel kollu tagħha. Nitolbu għal bidla fil-qlub u l-ħsieb li twassal għal għożża kollha mħabba u responsabbiltà għall-ħolqien.

 

Ħaġa waħda fi Kristu

F’din l-okkażjoni sabiħa, nesprimu l-gratitudni tagħna lejn ħutna rappreżentanti tal-bosta Komunjonijiet u Assoċjazzjonijiet Insara Dinjija li jinsabu hawn u qed jissieħbu magħna f’din it-talba. Waqt li nimpenjaw ruħna mill-ġdid biex mit-tilwim ngħaddu għall-komunjoni, dan nagħmluh bħala parti mill-Ġisem wieħed ta’ Kristu, li minnu nidħlu nagħmlu sehem fil-Magħmudija. Nistiednu lis-sħab ekumeniċi tagħna biex ifakkruna fid-dmirijiet tagħna u jinkuraġġuna. Nitolbuhom ikomplu jitolbu għalina, jimxu magħna, jappoġġjawna biex nistgħu ngħixu l-impenn li qed nesprimu llum fit-talb.

 

Sejħa lill-Kattoliċi u l-Luterani mad-dinja kollha

Insejħu lill-parroċċi u komunitajiet Luterani u Kattoliċi biex ikunu qalbiena u kreattivi, hienja u kollhom tama fl-impenn tagħhom biex jissoktaw dan il-vjaġġ kbir li għandna quddiemna. Flok it-tilwim tal-imgħoddi, id-don minn Alla tal-għaqda bejnietna jkun li jmexxi l-koperazzjoni u jsaħħaħ is-solidarjetà. Qrib ta’ xulxin fil-fidi waħda fi Kristu, fit-talb flimkien, fis-smigħ wieħed tal-ieħor, billi ngħixu l-imħabba ta’ Kristu fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, aħna, Kattoliċi u Luterani, ninfetħu għall-qawwa ta’ Alla Trinità. B’għeruqna fi Kristu u fix-xhieda tiegħu, inġeddu d-determinazzjoni tagħna li nkunu ħabbara fidili tal-imħabba bla qies ta’ Alla għall-bnedmin kollha.

 

Il-Qdusija Tiegħu Franġisku

L-Isqof Munib Yunan, President tal-Federazzjoni Luterana Dinjija

 

 

miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard