ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Paolo Fuori le Mura

It-Tielet Ħadd ta’ l-Għid, 14 ta’ April 2013

 

Għeżież ħuti,

Hu ta’ ferħ kbir għalija li qed niċċelebra l-Ewkaristija magħkom f’din il-Bażilika.  Insellem lill-Arċipriet, il-Kardinal James Harvey, u rroddlu ħajr għall-kliem tiegħu; flimkien miegħu nsellem u rrodd ħajr lill-għadd ta’ Istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn din il-Bażilika, u lilkom ilkoll.  Ninsabu fuq il-qabar ta’ San Pawl, Appostlu umli u kbir tal-Mulej, li xandru bil-kelma, ta xhieda tiegħu bil-martirju u qiemu b’qalbu kollha.  Huma propju dawn it-tliet verbi li fuqhom nixtieq nirrifletti fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna: inxadru, nixhdu, inqimu.

 

1. Fl-Ewwel Qari tolqotna l-qawwa ta’ Pietru u ta’ l-Appostli l-oħra.  Meta jiġu ordnati biex jisktu, biex ma jgħallmux iżjed fl-isem ta’ Ġesù, biex ma jxandrux iżjed il-Messaġġ tiegħu, huma jwieġbu bla ħabi: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin”.  U ma jwaqqafhom xejn, la s-swat, la ż-żebliħ u lanqas il-ħabs.  Pietru u l-Appostli jxandru bil-kuraġġ, bil-parresia, dak li huma rċivew, il-Vanġelu ta’ Ġesù.  U aħna?  Kapaċi nwasslu l-Kelma ta’ Alla fl-ambjenti tal-ħajja tagħna?  Nafu nitkellmu dwar Kristu, dwar dak li jirrappreżenta għalina, fil-familja, mal-persuni li jagħmlu parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum?  Il-fidi tiġi mis-smigħ, u tissaħħaħ bix-xandir.

 

2. Imma nagħmlu pass ’il quddiem: ix-xandir ta’ Pietru u ta’ l-Appostli m’hux magħmul biss minn kliem, imma l-fedeltà lejn Kristu tmissilhom ħajjithom, li tinbidel, tieħu direzzjoni ġdida, u hu sewwa sew bil-ħajja tagħhom li huma jagħtu xhieda għall-fidi u għax-xandir ta’ Kristu.  Fil-Vanġelu, Ġesù jitlob minn Pietru għal tliet darbiet biex jirgħa l-merħla tiegħu u biex jirgħa bl-imħabba tiegħu, u jħabbarlu: “Meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid” (Ġw 21:18).  Hi kelma li jgħidha fuq kollox lilna r-Rgħajja: ma nistgħux nirgħu l-merħla ta’ Alla jekk ma ma nħallux ir-rieda ta’ Alla teħodna anki fejn ma rridux, jekk m’aħniex lesti nagħtu xhieda għal Kristu bl-għotja tagħna nfusna, mingħajr riservi, mingħajr kalkoli, xi kultant anki bil-prezz ta’ ħajjitna.  Imma dan jgħodd għal kulħadd: il-Vanġelu għandu jiġi mxandar u tingħata xhieda tiegħu.  Kull wieħed u waħda minna jrid jistaqsi lilu nnifsu: Jien kif qed nagħti xhieda ta’ Kristu bil-fidi tiegħi?  Għandi l-kuraġġ ta’ Pietru u ta’ l-Appostli l-oħra li naħseb, nagħżel u ngħix ta’ Nisrani, f’ubbidjenza lejn Alla?  Tassew li x-xhieda tal-fidi għandha bosta forom, l-istess kif f’affresk kbir hemm il-varjetà ta’ l-ilwien u ta’ l-isfumaturi; imma lkoll huma importanti, anki dawk li ma jidhrux.  Fid-disinn kbir ta’ Alla kull dettall hu importanti, anki x-xhieda ċkejkna u umli tiegħek, tiegħi, anki dik moħbija ta’ min jgħix il-fidi tiegħu bis-sempliċità ta’ kuljum fir-relazzjonijiet tal-familja, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb.  Hemm il-qaddisin ta’ kuljum, il-qaddisin “moħbija”, speċi ta’ “klassi medja tal-qdusija” li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu parti minnha.  Imma f’diversi rkejjen tad-dinja hemm anki min qed ibati, bħal Pietru u l-Appostli, minħabba l-Vanġelu; hemm min jagħti ħajtu biex jibqa’ fidil lejn Kristu b’xhieda mmarkata mill-prezz tad-demm.  Ejjew ilkoll inżommu dan f’moħħna: ma tistax ixxandar il-Vanġelu ta’ Ġesù mingħajr ix-xhieda konkreta tal-ħajja.  Min jismagħna u jarana, fl-għemejjel tagħna jrid ikun jista’ jaqra dak li jkun sema’ ħiereġ minn fommna, u hekk jagħti glorja lil Alla!  Qed jiġini f’moħħi issa parir li San Franġisk ta’ Assisi kien iħobb jagħti lil ħutu l-patrijiet: ippriedkaw il-Vanġelu u, jekk ikun hemm bżonn, anki bil-kliem.  Ippriedkaw b’ħajjitkom: din hi x-xhieda.  L-inkoerenza fil-fidili u fir-Rgħajja bejn dak li jgħidu u dak li jagħmlu, bejn il-kliem u l-mod kif jgħixu, tipperikola l-kredibbiltà tal-Knisja.

 

3. Imma dan kollu hu possibbli biss jekk nagħrfu lil Ġesù Kristu, għax Hu dak li sejħilna, stedinna biex nimxu fit-triq tiegħu, għażilna.  Nistgħu biss inxandru u nagħtu xhieda jekk inkunu qrib tiegħU, l-istess kif Pietru, Ġwanni u d-dixxipli l-oħra fis-silta tal-Vanġelu tal-lum jinsabu madwar Ġesù Rxoxt; kuljum huma qrib tiegħU, u huma jafu tajjeb min hu, jafuh.  L-Evanġelista jżid jgħid li ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej” (Ġw 21:12).  U dan hu punt importanti għalina: ngħixu relazzjoni intensa ma’ Ġesù, intimità ta’ djalogu u ta’ ħajja, hekk li nistgħu nagħrfuh bħala “il-Mulej”.  Inqimuh!  Is-silta mill-Apokalissi li għadna kemm smajna tkellimna dwar l-adorazzjoni: l-għadd bla tarf ta’ anġli, il-ħolqien kollu, il-ħlejjaq kolha ħajjin, ix-xjuħ, jinxteħtu fl-art jagħtu qima quddiem it-Tron ta’ Alla u lill-Ħaruf li kien maqtul, li hu Kristu, li lilu jingħataw ġieħ, glorja u tifħir (ara Apok 5:11-14).  Nixtieq li lkoll kemm aħna nistaqsu lilna nfusna: Int, jien, qed inqimuh lill-Mulej?  Immorru għand Alla biss biex nitolbu, biex irroddu ħajr, jew immorru għandU wkoll biex inqimuh?  Allura xi jfisser li nqimu lil Alla?  Ifisser li nitgħallmu noqogħdu miegħU, nieqfu niddjalogaw miegħU, inħossu li l-preżenza tiegħu hi l-iżjed vera, l-iżjed tajba, l-iżjed importanti fost l-oħrajn kollha.  Kull wieħed u waħda minna, fil-ħajja tagħna, b’mod konxju jew forsi xi kultant anki mingħajr ma nintebħu, għandna f’moħħna ordni pjuttost preċiż tal-ħwejjeġ li ngħoddu b’importanti jew inqas importanti.  Li nqimu lill-Mulej ifisser li nagħtuH il-post li jixraqlu; li nqimu lill-Mulej ifisser nistqarru, nemmnu – imma mhux biss bil-kliem – li Hu waħdu tabilħaqq imexxi lil ħajjitna; inqimu lill-Mulej ifisser li aħna konvinti quddiemU li hu waħdu Alla, Alla ta’ ħajjitna, Alla ta’ l-istorja tagħna.

 

Dan għandu konsegwenza f’ħajjitna: nitneżżgħu minn tant idoli żgħar jew kbar li għandna u li fihom insibu kenn, li fihom infittxu u spiss inqiegħdu ċ-ċertezza tagħna.  Huma idoli li spiss inżommuhom moħbija sewwa; jistgħu jkunu l-ambizzjoni, il-karririżmu, il-pjaċir tas-suċċess, li nqiegħdu fiċ-ċentru lilna nfusna, it-tendenza li nirkbu fuq l-oħrajn, il-pretensjoni li aħna s-sidien waħdiena ta’ ħajjitna, xi dnub li miegħu aħna marbuta, u tant oħrajn.  Il-lejla nixtieq li din il-mistoqsija tibqa’ tidwi fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna u li nwieġbu għaliha bis-sinċerità: Ħsibt xejn jien liema hu dak l-idolu li għandi moħbi f’ħajti, li qed iżommni milli nqim lill-Mulej?  Li naduraw ifisser li nitneżżgħu mill-idoli tagħna, anki dawk l-iżjed moħbija, u nagħżlu lill-Mulej bħala ċ-ċentru, bħala t-triq li tmexxilna ħajjitna.

 

Għeżież ħuti, il-Mulej qed isejħilna kuljum biex nimxu warajh bil-kuraġġ u l-fedeltà; tana r-rigal kbir li għażilna bħala dixxipli tiegħu; qed jistedinna nxandruh bil-ferħ bħala l-Irxoxt, imma dan jitlobna nagħmluh bil-kelma u bix-xhieda ta’ ħajjitna, fil-ħajja ta’ kuljum.  Il-Mulej hu l-waħdieni, Alla l-waħdieni ta’ ħajjitna, u jistedinna nitneżżgħu minn tant idoli u nqimu lilU biss.  Inxandru, nixhdu, inqimu.  L-Imqaddsa Verġni Marija u l-Appostlu Pawlu jgħinuna huma f’din il-mixja u jidħlu għalina.  Hekk ikun.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard