Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta
Meta tgħib il-preżenza t'Alla minn fost il-bnedmin, jintilef ukoll is-sens tad-dnub.
Il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2014
Meta tgħib il-preżenza t'Alla minn fost il-bnedmin, jintilef ukoll is-sens tad-dnub u jista' jiġri li ħaddieħor ikollu jħallas prezz għall-medjokrità nisranija tagħna. Affermazzjoni qawwija tal-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-dar Santa Marta. Nitolbu 'l Alla l-grazzja li fina qatt ma tonqos il-preżenza tas-saltna tiegħu.
Dnub gravi, bħalma hu per eżempju l-adulterju, mitqies biss bħala problema li rridu nsibu tarf tagħha: l-għażla li jagħmel ir-Re David, li naqraw dwarha fl-ewwel qari tallum kienet il-mera li l-Papa Franġisku qiegħed quddiem il-kuxjenza ta' kull nisrani.
David jiġġennen wara Betseba, mart Urija, wieħed mill-ġenerali tiegħu. Jeħodhielu u jibgħatu fuq il-front tal-battalja biex imut ....... u fil-fatt ikun qiegħed jagħmel delitt. Minkejja, l-adulterju u l-qtil ftit li xejn imissulu l-kuxjenza. David jagħmel dnub gravi imma ma jħossx li hu dnub, osserva l-Papa. Lanqas jgħaddilu minn moħħu li jitlob maħfra imma kull ma jiġiħ f'moħħu hu: Kif se nħoll dil-problema?
Dan jista' jiġri lilna ukoll. Ilkoll aħna midinbin u għalina lkoll il-ħobżna ta' kuljum hi t-tentazzjoni. Jekk xi ħadd jgħidlek: imma jien qatt ma jkolli tentazzjonijiet, jew ikun kerubin jew inkela xi ftit belgħani, mhux hekk? Wieħed jifhem li fil-ħajja il-ġlieda max-xitan qatt ma theda għax hu dejjem irid ir-rebħa.
Imma l-problema l-aktar gravi f'din is-silta mhux tant it-tentazzjoni u d-dnub kontra d-disa' kmandament, imma l-mod kif iġib ruħu David. David hawn ma jitkellimx dwar dnub imma dwar problema li għandu bżonn isolvi. Dan hu sinjal! Meta s-Saltna t'Alla tnin, meta tonqos is-Saltna t'Alla, wieħed mis-sinjali hu li nitilfu s-sens tad-dnub.
Kuljum waqt li ngħidu l-Missierna, nitolbu lil Alla “tiġi saltnatek”....... li jfisser, spjega l-Papa Franġisku, “tikber saltnatek”. Imma meta nitilfu s-sens tad-dnub nitiflu ukoll is-sens tas-Saltna t'Alla u minflokha, sostna l-Papa, titfaċċa xbieha ta' xi ħaġa super-potenti li biha nibdew ngħidu lilna nfusna: “jien nista' kollox”. Il-qawwa tal-bniedem tieħu post il-glorja t'Alla! Dan hu l-ħobż ta' kuljum. Hu għalhekk li ta' kuljum ngħidu t-talba “tiġi saltnatek”, “tikber saltnatek”, għax is-salvazzjoni ma tinkisibx bil-makakkerija tagħna, bil-ħażen tagħna, bl-inteliġenza ta' kemm għandna ħila ninnegozjaw. Is-salvazzjoni tiġi bil-grazzja t'Alla u bit-taħriġ ta' kuljum li aħna nagħmlu fil-ħajja nisranija tagħna permezz ta' dil-grazzja. L-akbar dnub tallum hu li l-bniedem tilef is-sens tad-dnub. Il-Papa Franġisku hawn ikkwota frażi ċelebri tal-Papa Piju XII u dawwar ħarstu lejn Urija, il-bniedem bla ħtija li ntbagħat għall-mewt ħtija tar-re tiegħu. Urija, qal il-Papa, isir b'hekk emblema tal-vittmi kollha tas-suppervja tagħna, suppervja li aħna ma nammettux.
Nistqarr magħkom, żied il-Qdusija Tiegħu, li meta nara dawn l-inġustizzji, din is-suppervja tal-bniedem, u meta nara l-periklu li dan jista' jiġri anki lili, il-periklu li nitlef is-sens tad-dnub, jagħmilli tajjeb li naħsb fil-bosta Urija tal-istorja, tant Urija li anki llum ibatu minħabba l-medjokrità nisranija tagħna, meta nitilfu s-sens tad-dnub, meta nħallu s-Saltna t'Alla tiġġarraf.
Dawn huma l-martri tad-dnubiet li aħna ma nagħrfux. Jagħmlilna tajjeb illum nitolbu għalina nfusna biex il-Mulej itina dejjem il-grazzja li ma nitilfux is-sens tad-dnub, biex ma nkunux aħna li nwaqqgħu s-Saltna. U nistgħu ukoll inqiegħdu fjura fuq l-oqbra ta' dawn il-ħafna Urija ta' żmienna, li jħallsu l-prezz tal-ikla ta' min iħossu ċert minnu nnifsu, dawk l-insara li jħossuhom ċerti min nhom infushom, temm il-Papa Franġisku.