Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Nisrani mingħajr il-Knisja ma jagħmilx sens. Il-Ħamis, 30 ta’ Jannar 2014 Nisrani mingħajr il-Knisja ma jagħmilx sens afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa li ppresjieda fid-Dar Santa Marta dalgħodu. Il-Qdusija Tiegħu indika tliet pilastri li fuqhom tistrieħ l-appartenenza ekkleżjali: l-umiltà, il-fedeltà u t-talb għall-Knisja.
Il-punt tat-tluq tal-omelija kien ir-re David u dak li naqraw dwaru fl-ewwel qari tal-ġurnata: raġel jitkellem mal-Mulej bħal tifel li qed jitkellem ma' missieru. Minkejja li t-tweġiba li jirċievi għal dak li qed jitlob hija “le”, xorta jaċċettaha bil-ferħ.
David, osserva l-Papa, kellu sens kbir ta' appartenenza mal-poplu t'Alla. Dan iġegħelna nistqasu; liema hu s-sentiment ta' appartenenza tiegħi mal-Knisja, il-mod kif jiena nħoss mal-Knisja u fil-Knisja?
In-Nisrani mhux dak li wara li jitgħammed jitlaq għal rasu. L-ewwel frott tal-Magħmudija hu li bniedem isir parti mill-Knisja. Għalhekk Nisrani mingħajr il-Knisja ma jagħmilx sens. Kien għalhekk li l-kbir Papa Pawlu VI kien jgħid li hi dikotomija assurda li tħobb lil Kristu mingħajr il-Knisja; li tisma' lil Kristu imma mhux lill-Knisja; li tkun ma' Kristu imma tibqa' fit-truf tal-Knisja. Dan ma jistax isir. Hija dikotomija assurda. Aħna nirċievu l-messaġġ evanġeliku fil-Knisja u l-qdusija tagħna tikber fil-Knisja, triqtna hi l-Knisja. Il-bqija hu biss fantasija u kif kien jgħid Pawlu VI, assurdità, qal Franġisku.
Is-“sensus ecclesiae” (is-sens ta' Knisja) hu propju li taħseb, tħoss u trid fi ħdan il-Knisja. Hemm tliet pilastri li fuqhom tistrieħ din l-appartenenza, li bih aħna “nħossu” mal-Knisja. L-ewwel: l-umiltà, għax nagħrfu li hi grazzja kbira li aħna nagħmlu parti minn din il-komunità. Persuna li ma tkunx umli ma tistax “tħoss” mal-Knisja, tisma' biss dak li jaqblilha, dak li jaqbillu. L-umiltà li naraw f'David hi propju din: Min jien Mulej Alla, u x'inhi dari? B'għarfien u konvinzjoni li l-istorja tas-salvazzjoni ma tibdiex minni u ma tintemmx meta mmut jiena.
Le, l-istorja tas-salvazzjoni hija storja sħiħa: jien ġejt........ u l-Mulej jilqgħek, imexxik 'il quddiem u mbagħad isejjaħlek u l-istorja tibqa' sejra. L-istorja tal-Knisja bdiet qabilna u tkompli warajna. Umiltà: aħna biss farka żgħira minn poplu kbir li miexi fit-triq tal-Mulej, żied josserva l-Qdusija Tiegħu.
It-tieni pilastru hu l-fedeltà: li norbtuha mal-ubbidjenza. Fedeltà lejn il-Knisja, lejn it-tagħlim tagħha, lejn il-Kredu, fedeltà lejn id-duttrina u t-tħaris ta' din id-duttrina. Umiltà u fedeltà. Pawlu VI kien ifakkarna ukoll li l-messaġġ tal-Vanġelu aħna nirċievuh bħala rigal u għandna d-dmir li ngħadduh lill-oħrajn bħala rigal mhux qiesu xi ħaġa tagħna: hu rigal li nirċievu u ngħaddu lil ħaddieħor. B'dan l-att aħna nkunu fidili għax aħna rċevejna u rridu nagħtu Vanġelu li mhux tagħna, imma li hu ta' Ġesù, u ma nistgħux, kif kien jgħid Pawlu VI nsiru sidien tal-Vanġelu, sidien tad-duttrina li rċevejna, biex nużawha kif jidhrilna.
It-tielet pilastru, qal il-Papa Franġisku, hu servizz partikolari: it-talb għall-Knisja. Kif inhu t-talb tagħna għall-Knisja, staqsa l-Papa? Nitolbu għall-Knisja waqt il-quddiesa, kuljum, imma aħna u nitolbu d-dar, le? Jeħtieġ nitolbu għall-Knisja kollha f'kull rokna tad-dinja.
Jalla l-Mulej, temm il-Papa, jgħinna nimxu f'dit-triq
biex l-appartenenza tagħna fil-Knisja u s-sens ta’ appartenenza
jkunu aktar sħaħ. |