Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Satana jippreżenta l-affarijiet qishom kienu xi ħaġa tajba imma l-intenzjoni tiegħu hi li jiddistruġġi lill-bniedem.

It-Tnejn, 29 ta' Settembru 2014

 

Satana jippreżenta l-affarijiet qishom kienu xi ħaġa tajba imma l-intenzjoni tiegħu hi li jiddistruġġi lill-bniedem, anki għal raġunijiet “umanistiċi”.  L-Anġli jissieltu max-xitan u jiddefenduna.  Dan hu l-ħsieb ewlieni tal-omelija li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta fil-jum li fih il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel.

 

Il-qari tal-ġurnata jtina xbiehat qawwijin ħafna: il-viżjoni tal-glorja t’Alla kif jirrakkuntaha l-Profeta Danjel, ma’ Bin il-Bniedem Ġesù Kristu, quddiem il-Missier; it-taqbida tal-Arkanġlu Mikiel u l-Anġli tiegħu mad-dragun il-kbir, is-serpent l-antik, dak li jissejjaħ xitan u jisseduċi l-art kollha imma jisfa’ megħlub kif jaffermaw l-Apokalissi; u l-Vanġlu li fih Ġesù jgħid lil Natanjel: Għad taraw is-sema miftuħ u l-Anġli tal-Mulej telgħin u neżlin fuq Bin il-Bniedem.

 

Il-Papa Franġisku tkellem dwar it-taqbida bejn Alla u d-demonju u qal li din it-taqbida sseħħ wara li Satana jipprova jeqred lll-mara li waslet biex twelled lil binha.  Satana dejjem ifittex li jaqred lill-bniedem: dak li-bniedem li Danjel kien jara hemmhekk, fil-glorja, u li Ġesù qal lil Natanjel li kellu jiġi fil-glorja.

 

Sa mill-bidunett il-Bibbja tkellimna dwar dan: din is-seduzzjoni ta’ Satana biex jeqred.  Forsi għall-għejra.  Fis-Salm 8 naqraw: Int għamilt lill-bniedem ‘il fuq mill-anġli, u dik l-inteliġenza tant kbira tal-anġlu ma setgħetx toqgħod għall-din l-umiljazzjoni, li kreatura inferjuri ssir superjuri.  Għalhekk ipprova jeqridha.

Satana jipprova jeqred lill-umanità, lilna lkoll.  Ħafna proġetti, minbarra d-dnubiet personali, tant u tant proġetti li jneżżgħu lill-bniedem mill-umanità tiegħu huma ħidma ta’ Satana, sempliċiment għax jobgħod lill-bniedem.

 

Moħħu jilħaqlu: tgħid dan l-ewwel paġna tal-Ġenesi; astut.  Jippreżenta l-affarijiet bħalkieku kienu ħaġa tajba.  Imma l-għan tiegħu hu li jeqred.  U l-anġli jiddefednuna, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu.  Jiddefendu lilna u jiddefendu lill-Bniedem/Alla.

 

Il-bniedem superjuri, Ġesù Kristu li hu l-perfezzjoni tal-umanità, l-aktar perfett.  Hi għal din ir-raġuni li l-Knisja tqim lill-Anġli, għax huma dawk li se jkunu fil-glorja t’Alla – jinsabu fil-glorja t’Alla – għax jiddefendu l-misteru kbir u mistur ta’ Alla, jiġifieri l-Verb li sar laħam.

 

Dmir il-poplu t’Alla, afferma l-Papa Franġisku, hu li jħares il-bniedem ta’ ġo fih: il-bniedem Ġesù għax hu l-bniedem li jagħti l-ħajja lill-bnedmin kollha.

Iżda, fil-proġetti ta’ distruzzjoni tiegħu, Satana jivvinta raġunijiet umanistiċi li jmorru propju kontra l-bniedem, kontra l-umanità u kontra Alla.

It-taqbida hi realtà ta’ kuljum fil-ħajja nIsranija: f’qalbna, f’ħajjitna, fil-familji tagħna, fil-poplu tagħna, fil-knejjes tagħna…. Jekk ma nitqagħbdux, noħorġu tellifin.

 

Imma l-Mulej ta dan ix-xogħol prinċipalment lill-Anġli: li jitqagħabdu u jirbħu.  U wara din it-taqbida, il-kantiku tal-aħħar tal-Apokalissi hu tant sabiħ: Issa seħħet is-salvazzjoni, il-qawwa u s-Saltna ta’ Alla tagħna u l-qawwa ta’ Kristu, għax dak li xela lill-ħutna, dak li kien jakkużahom quddiem Alla tagħna lejn u nhar, waqa’.

 

Fl-aħħar il-Papa għamel stedina biex nitolbu lill-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel u ngħidu dik it-talba antika imma tant sabiħa lill-Arkanġlu Mikiel biex ikompli jiġġieled ħalli jiddefendi l-akbar misteru tal-umanità: li l-Verb sar bniedem, miet u rxoxta.  Dan hu t-teżor tagħna.  Jalla hu jkompli jissielet biex iħarsu, temm jgħid Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.