Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Kull komunità nisranija għandha timmudella ħajjitha fuq dik li kienet il-ħajja tal-ewwel Knisja. Il-Tlieta, 29 ta' April 2014
Kull komunità nisranija għandha timmudella ħajjitha fuq dik li kienet il-ħajja tal-ewwel Knisja u għandha tivverifika l-ħila tagħha li tgħix fl-armonija, tagħti xhieda tal-Qawmien ta' Kristu u tgħin lill-foqra. Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa ċelebrata fid-dar Santa Marta t-Tlieta 29 ta' April 2014.
Ikona fi tlett daqqiet ta' pinzell: dan hu r-ritratt tal-ewwel komunità nisranija kif insibuha deskritta fl-Atti tal-Appostli. Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni fuq it-tliet karatteristiċi ta' dan il-grupp, li kellu ħila jgħix f'għaqda sħiħa, jagħti xhieda ta' Kristu u ma jħalli lil ebda' wieħed mill-mebri tiegħu ibati l-miżerja. Dawn kienu t-tlett marki tal-”poplu li reġa' twieled mill-ġdid”.
Il-Papa bena' l-omelija fuq dak li l-Knisja baqgħet turina tul il-ġimgħa tal-Għid: “it-twelid mill-ġdid minn fuq”, mill-Ispirtu li jagħti l-ħajja lill-ewwel grupp ta' “kristjani ġodda” fi żmien meta kienu għadhom mhux magħrufin b'dan l-isem. Qalb waħda u ruħ waħda. Il-paċi. Komunità fil-paċi. Dan ifisser li f'dik il-komunità ma kienx hemm lok għat-tqassis, għall-għira, għall-kalunnji, għal-qlajja. Paċi. Il-maħfra: l-imħabba kienet tgħatti kollox. Biex inqabblu komunità nisranija ma' dan, irridu naraw kif inhu l-atteġġjament tagħhom. Huma mansweti, umli? F'dik il-komunità hemm ġlied bejniethom għall-poter? Ġlied minħabba l-għira? Hemm tqassis? Jekk iva, mhumiex fit-triq ta' Ġesù. Din il-karatteristika hija tant importanti, tant importanti, għax id-demonju dejjem jipprova jifridna bejnietna. Hu missier il-firda.
Ma jfissirx li fil-komunità tal-ewwel insara ma kienx hemm problemi. Il-Papa fakkar fil-kwistjonijiet, kwistjonijiet dottrinali, taqbid għall-poter, li wasal fuqhom aktar tard. Per eżempju, meta r-romol gergru li l-Appostli ma kinux jgħinuhom kif imiss, kellhom jaħtru lid-djakni. Madankollu, dak il-mument qawwi tal-bidu huwa l-mudell dejjiemi tal-essenza tal-komunità mwielda mill-Ispirtu.
Komunità
magħquda. It-tieni: komunità ta' xhieda tal-fidi li l-Papa
Franġisku sejjaħ biex nikkonfrontawha mal-komunitajiet tallum.
Hija
komunità li tagħti xhieda tal-Qawmien ta' Kristu? Din il-parroċċa,
din il-komunità, din id-djoċesi jemmnu bis-serjetà li Ġesù Kristu
rxoxta? Jew jgħidu: Iva, qam, imma hawn, fil-moħħ, għax il-qalb
hija bogħod minn din il-qawwa. Irridu nagħtu xhieda li Ġesù huwa
ħaj, qiegħed fostna. B'hekk nistgħu nivverifikaw kif sejra l-komunità. It-tielet qies li bih irridu nkejlu l-ħajja tal-komunità nisranija huma l-foqra. Hawnhekk il-Papa Franġisku spjega żewġ punti li huma l-kejl ta' din il-verifika:
L-ewwel: kif inhu l-atteġġjament tiegħek u l-atteġġjament
tal-komunità lejn il-foqra? It-tieni: din il-komunità hija fqira?
Fqira fil-qalb u fl-ispirtu? Jew il-fiduċja tagħha qiegħda fil-ġid,
fil-poter? Armonija, xhieda, faqar u kura tal-foqra. Dan kien
spjegalu Ġesù lil- Nikodemu: dan it-twelid ġdid mill-Għoli. Għax l-Ispirtu
hu l-uniku li jista' jwettaq dan. Din hi opra tal-Ispirtu. Il-Knisja
jagħmilha l-Ispirtu. L-Ispirtu jnissel l-għaqda. L-Ispirtu
jimbuttak biex tagħti xhieda. L-Ispirtu jgħamlek fqir, għax l-għana
hi tiegħu u Hu jara li int tieħu ħsieb il-foqra. Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |