Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Il-fidi mhi qatt fatt privat

Il-Ħamis, 28 ta’ Novembru 2013.

Il-projbizzjoni li naduraw lil Alla hija s-sinjal ta’ «apostasija ġenerali», din hija t-tentazzjoni l-kbira li tipprova tikkonvinċi lill-insara biex jaqbdu «triq iktar raġonevoli, iktar trankwilla», waqt li jobdu «l-ordnijiet tal-poteri mondani» li jippretendu li jnaqqsu «r-reliġjon għal ħaġa privata». U fuq kollox ma jridux li Alla jkun adurat «b’fiduċja u fedeltà». Kien propju minn din it-tentazzjoni li l-Papa Franġisku wissa biex noqogħdu attenti huwa u jitkellem fil-quddiesa ċċelebrata, il-Ħamis 28 ta’ Novembru, fil-kappella ta’ Santa Marta.

Bħas-soltu l-Papa ħa spunt mill-liturġija tal-Kelma li, huwa enfasizza, «ġġegħlna naħsbu dwar l-aħħar jiem, għal żmien it-tmiem, tat-tmiem tad-dinja, għaż-żmien tal-miġja tal-Mulej Ġesù Kristu». Infatti, huwa spjega, «fil-ħajja tagħna, il-ħajja ta’ kull wieħed minna, ikollna t-tentazzjonijiet. Bosta. Id-demonju jimbuttana biex ma nkunux fidili lejn il-Mulej. Ħafna drabi b’qawwa kbira». Bħal dik id-darba li dwarha Ġesù kellem lil Pietru: «id-demonju ried jgħaddik mill-għarbiel bħal qamħ. Ħafna drabi aħna kellna din it-tentazzjoni u, midimbin li aħna, waqajna». Imma fil-liturġija, qal il-Papa, illum «nitkellmu dwar it-tentazzjoni universali, dwar il-prova universali, dwar il-waqt li l-ħolqien kollu, il-ħolqien kollu tal-Mulej jrib ruħu quddiem din it-yentazzjoni bejn Alla u l-ħażen, bejn Alla u l-prinċep ta’ din id-dinja».

Mill-bqija, huwa kompla, «ma’ Ġesù d-demonju beda jagħmel din il-prova fil-bidu ta’ ħajtu fid-deżert. U fittex li jikkonvinċih biex jaqbad triq oħra, iktar raġonevoli, iktar trankwilla, inqas perikoluża. Fl-aħħar wera l-intenzjoni tiegħu: jekk inti tadurani jien nagħtik dan kollu! Ipprova jkun l-alla ta’ Ġesù». U Ġesù stess, enfasizza l-Papa, kellu «kellu mbagħad bosta provi tul ħajtu pubblika: l-insulti, il-kalunji» jew meta ppreżentaw ruħhom quddiemu b’mod ipokritu «biex jippruvawh». Ukoll «fl-aħħar ta’ ħajtu kien ippruvat mill-prinċep ta’ din id-dinja fuq is-salib: “imma jekk inti bin Alla inżel u aħna lkoll nemmnu!”». Hekk hu, kompla l-Papa, li Ġesù sab ruħu għal darb’oħra l-prova li jagħżel triq oħra ta’ salvazzjoni». Imma fl-aħħar il-qawmien ta’ Ġesù seħħ permezz tat-triq «li ried il-Missier u mhux minn dik li ried il-prinċep ta’ din id-dinja».

Fil-liturġija, qal il-Papa, illum «il-Knisja ġġegħlna naħsbu dwar tmiem din id-dinja, għaliex din trid tintemm. Il-faċċatta ta’ din id-dinja tgħib». U hemm kelma fil-Vanġelu «li tolqotna biżżejjed: dawn l-affarijiet kollha jridu jseħħu». Imma sa meta rridu nistennew? It-tweġiba jagħtihielna l-Vanġelu ta’ Luqa (20, 21-28) li hija «sakemm iż-żminijiet tal-pagani ma jkunux kompluti». U infatti, qal il-Papa, «il-pagani wkoll għandhom żmien ta’ twettiq»: il-kairòs tal- pagani. «Huma — huwa tenna — għandhom kairòs li jkun dan, it-trijonf finali: Ġerusalem ikkalpestata» u, fil-Vanġelu naqraw, «ikun hemm sinjali fix-xemx, fil-qamar u fil-kwiekeb, u fuq l-art biżà ta’ popli mixtieqa għat-taqlib tal-baħar u tal-mewġ, waqt li l-bnedmin imutu bil-biżà u minħabba l-mistennija ta’ dak li jrid iseħħ fuq l-art. Il-qawwiet tas-sema infatti jkunu mqallba».

Fil-prattika «din hija l-kalamità» ippreċiża l-Papa. «Imma meta Ġesù jitkellem dwar il-kalamità f’silta oħra tal-Vanġelu, jgħidilna li tkun profanazzjoni tat-tempju, profanazzjoni tal-fidi, tal-poplu. Tkun l-abominazzjoni. Tkun d-deżolazzjoni tal-abominazzjoni (Danjel 9, 27). Xi jfisser dan? Dan ikun bħal trijonf tal-prinċep ta’ din id-dinja, it-telfa ta’ Alla. Ikun donnu li hu, f’dak il-waqt finali ta’ kalamità, jimpadronixxi ruħu minn din id-dinja» hekk li jsir qisu «padron tad-dinja».

Il-Papa Franġisku mbagħad spjega kif nistgħu nsibu fl-ewwel qari, meħud mill-ktieb tal-Profeta Danjel (6, 12-28), «iċ-ċentru ta’ din it-triq, ta’ din il-ġlieda bejn Alla l-ħaj u l-prinċep ta’ din id-dinja ». Fis-sustanza «Danjel huwa kkundannat biss għall-adorazzjoni, biex jadura lil Alla. U d-deżolazzjoni tal-abominazzjoni tissejjah projbizzjoni tal-adorazzjoni».

F’dak iż-żmien, spjega l-Papa, «wieħed ma setax jitkellem dwar reliġjon, kienet ħaġa privata» is-sinjali reliġjużi kienu qegħdin jitneħħew u kien hemm bżonn li jkunu obduti l-ordnijiet li kienu jinħarġu «mill-poteri mondani». Setgħu jsiru «bosta ħwejjeġ, ħwejjeġ sbieħ imma mhux li wieħed jadura lil Alla», dan kien ipprojbit. Dan kien iċ-ċentru, «il-kairòs ta dan l-atteġġjament pagan». Imma propju «meta jitwettaq dan iż-żmien, allura, iva, jiġi Hu». Bħal ma naqraw fis-silta tal-Vanġelu «huma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab b’qawwa kbira u glorja».

Il-kelma ta’ Alla tfakkarna, kompla il-Papa, bħall-«insara li jsofru żminijiet ta’ persekuzzjoni, żminijiet ta’ projbizzjoni ta’ adorazzjoni, din hija profezija ta’ dak li jrid iseħħ lil kulħadd». Imma propju f’waqtiet bħal dak, meta jiġifieri iż-żminijiet tal-pagani jitwettqu, «qumu u għollu raskom, għaliex il-ħelsien tagħkom ikun fil-qrib». Infatti, spjega l-Isqof ta’ Ruma «it-trijonf, ir-rebħa ta’ Ġesù Kristu hija li twassal il-ħolqien lill-Missier fl-aħħar taż-żminijiet».

Imma m’għandniex minn xiex nibżgħu. Il-Papa tenna l-wegħda ta’ Alla li «jitlob minna fedeltà u sabar. Fedeltà bħal Danjel, li kien fidil lejn Alla tiegħu u adura lil Alla sat-tmiem. U sabar, għaliex ix-xagħar ta’ rasna ma jintilifx, hekk wiegħed il-Mulej». U ikkonkluda bill stieden għar-riflessjoni, speċjalment f’din il-ġimgħa, fuq «din l-apostasija ġenerali li tissejjaħ projbizzjoni tal-adorazzjoni». U biex nagħmlu lilna nfusna din il-mistoqsija: «Jien nadura lill-Mulej? Jien nadura lil Ġesù Kristu l-Mulej? Jew ftit jew wisq nofs u nofs u nilgħab il-logħba tal-prinċep tad-dinja? Naduraw sat-tmiem b’fiduċja u fedeltà hija l-grazzja li jmissna nitolbu».

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.