Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Ġurnata Partikulari

It-Tnejn, 28 ta’ Ottubru 2013

Sabiħ li nitolbu wieħed għal ieħor. Waqt il-quddiesa ċcelebrata fil-kappella ta’ Santa Marta dalgħodu, it-Tnejn 28 ta’ Ottubru, il-Papa Franġisku waqaf fuq il-valur tat-talb magħmul għall-proxxmu li jinsab għaddej minn waqt ta’ diffikultà.

Ir-riflessjoni tal-Papa bdiet b’kumment mis-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa (6, 12-19) fejn jirrakkonta l-għażla tat-tnax-il Appostlu mwettqa minn Ġesù. Din hija ġurnata «ftit jew wisq speċjali — qal — gl-għażla tal-Appostli». Għażla, żied, li ssir biss wara li Ġesù kien talab lill-Missier «waħdu».

Meta Ġesù, infatti, jitlob lill-Missier ikun waħda miegħu. Imbagħad isib ruħu flimkien mad-dixxipli u jagħżel tnax li jsejħilhom Appostli. Imbagħad flimkien magħhom imur qalb in-nies li kienu jistennewh biex jitfejqu. Dawn huma tliet waqtiet li jikkaratterizzaw il-ġurnata: Ġesù li jqattà «lejl sħiħ jitlob lill-Missier» fuq il-muntanja: Ġesù fost l-Appostli tiegħu; Ġesù fost in-nies. U fit-tlieta waqtiet li huma, spjega l-Papa, it-talb huwa l-punt ċentrali: Ġesù jitlob lill-Missier għaliex miegħu «kellu ntimità»; jitolbu «għan-nies li marru jfittxuh»; u jitolbu wkoll «għall-Appostli».

Biex jgħinna nifhmu aħjar is-sens tat-talb ta’ Ġesù, l-Isqof ta’ Ruma fakkar ukoll «dak id-diskors wara ċ-ċena tal-Ħamis Imqaddes, meta jitlob lill-Missier waqt li jgħidlu: Jien nitlob għal dawn, tiegħi; imma mbagħad nitlob għal kulħadd, ukoll għal dawk li għad jiġu u li jemmnu».

Dik ta’ Ġesù «hija talba universali» imma hija wkoll «talba personali». Mhix b’kumbinazzjoni, fakkar il-Papa, «fil-lejl ta’ dak l-istesss jum ħares lejn Pietru li kien qed jagħmilha tal-qalbieni u jgħidlu: Pietru, Satana kiseb il-permess biex jgħaddik mill-għarbiel bl-qamħ; imma jien tlabt għalik sabiex il-fidi tiegħek ma tonqosx». U mbagħad iħeġgu:«Itlob lill-Missier għal kulħadd». U l-Isqof ta’ Ruma minnufih żied: «Jien irrid li llum ilkoll kemm aħna nħarsu lejn Ġesù li jitlob».

Imma staqsa l-Papa, jekk inhu veru li Ġesù f’dak iż-żmien kien jitlob, illum għadu jitlob? «Eh iva, dan tgħidulna l-Bibbja» wieġeb. U spjega: «Huwa l-interċessur, dak li jitlob», u jitlob lill-Missier «magħna u quddiemna. Ġesù fdiena. Għamel din it-talba kbira, is-sagrifiċcju ta’ ħajtu biex jifdina. Aħna ġgustifikati grazzi lilu. Issa mar. U jitlob».

Mela «Ġesù huwa persuna, huwa bniedem b’ġisem bħal tagħna, imma fil-glorja. Ġesù għandu l-pjagi f’idejh, fuq saqajh, fuq ġembu. U meta jitlob huwa juri lill-Missier il-prezz tal-ġustifikazzjoni u jitlob għalina. Bħal donn jgħid: Missier, biex dan ma jintilifx». Ġesù, kompla l-Papa Franġisku, dejjem għandu f’moħħu il-fidwa tagħna. U  «minħabba dan, meta nitolbu ngħidu: F’ġieħ il-Mulej tagħna Ġesù Kristu ibnek. Għaliex huwa l-ewwel wieħed li jitlob, huwa ħuna. Huwa bniedem bħalna. Ġesù l-interċessur».

Wara li kiseb għalina l-fidwa u wara li ġġustifikana, reġà staqsa l-Qdusija Tiegħu, «issa x’jagħmel? Jinterċedi, jitlob għalkina» wieġeb. «Naħseb — huwa kompla — x’ħ ass Pietru meta, wara li kien ċaħdu, Ġesù ħares lejh u hu beka. Ħass li dak li kien qallu Ġesù kien veru. Kien talab għa;ih u għalhekk setà jibki, setà jindem ».

«Bosta drabi — żied il-Papa— bejnietna ngħidu: Itlob għalija? Għandi bżonn, għandi tant problemi, tant affarijiet, itlob għalija». U din, enfasizza, «hija ħaġa tajba» għaliex «hemm bżonn li nitolbu għal xulxin ». U staqsa «Ngħidu lil Ġesù “Itlob għalija, int li int l-ewwel fostna, int titlob għalija?” Da żgur li jitlob, imma għidlu: “Itlob għalija, Mulej, int li int l-interċessur” u uri fiduċja kbira. Hu jitlob għalija, hu jitlob għalina lkoll. U jitlob b’mod qalbieni, għaliex juri lill-Missier il-prezz tal ġustizzja tagħna, il-pjagi tiegħu .

«Naħsbu ħafna dwar dan — qal fil-konklużjoni — u niżżu ħajr lill-Mulej; niżzu ħajr lil ħuna li jitlob għalina u li jitlob magħna, jinterċedi għalina. U nitkellmu ma’ Ġesù. Ngħidulu: “Mulej, int l-interċessur, int salvajtni, iġġustifikajtni, imma issa itlob għalija.” Nafdawlu l-problemi tagħna, ħajjitna, sabiex hu jwassal kollox lill-Missier».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.