Omelija tal-Papa Franisku

Għal komunità miftuħa għall-valuri tal-Ispirtu

Is-Sibt, 27 ta’ April 2013

 

Hemm min jiffaċċja t-tbatija billi jżomm ħaj il-ferħ li jitwieled mill-Ispirtu - bħal ngħidu aħna l-insara li għadhom ippersegwitati llum f’tant partijiet tad-dinja - u min mill-banda l-oħra “juża l-flus biex jixtri l-favuri” u jinnegozja, jew “il-kalunja biex jitfà t-tajn u jfittex għajnuna mill-potenti tad-dinja” u forsi jiddisprezza lil dawk li jfittxu li jgħixu fil-ferħ nisrani l-istess tbatija tagħhom. Fuq dan il-konfront waqaf il-Papa Franġisku nhar is-Sibt filgħodu, 27 ta’ April, waqt l-omelija fil-quddiesa ċcelebrata fid-Domus Sanctae Marthae. Fost il-konċelebranti kien hemm l-arċisqof Mario Zenari, nunzju apostoliku fis-Sirja, u Mons. Dražen Kutleša,  isqof ta’ Poreč i Pula, il-Kroazja. Jassistu għall-quddiesa kien hemm fost l-oħrajn l-istaff tas-Servizz tal-Posta Vatikana u grupp ta’ voluntarji tad-dispensarju pedjatriku “Santa Marta” fil-Vatikan.

Il-Papa b’mod partikulari waqaf fuq il-paġna tal-Atti tal-Appostli (13, 44-52) li tirrakkonta dwar propju l-konfront bejn żewġ komunitajiet rileġjużi: dik tad-dixxipli u dik li l-Papa ddefinixxa bħala “tal-hud magħluqa, għaliex mhux il-Lhud kollha kienu hekk.” Fil-komunità tad-dixxipli, spjega, kienu jattwaw l-amar ta’ Ġesù - ‘Morru u ppridkaw’ - u allura kienu jippridkaw u kważi l-belt kollha kienet tinġabar biex tismà l-kelma tal-Mulej. U, innota l-Papa Franġisku, infirxet fost in-nies atmosfera ta’ ferħ li “li kienet tidher li qatt ma setgħet tintrebaħ.” Meta l-Lhud raw tant ferħ “faru bil-għira u bdew jippersegwitaw” lil dawn in-nies li “ma kinux kattivi; kienu nies twajba, li kellhom atteġġjament reliġjuż.”

“Għaliex għamluh dan?” staqsa. Dan għamluh “sempliċement għaliex kellhom qalbhom magħluqa, ma kinux miftuħa għan-novità tal-Ispirtu Santu. Kienu jemmnu li kollox kien intqal, li kollox kienu kif kienu jaħsbuh huma li kellu jkun u għalhekk kienu jħossuhom bħal difensuri tad-fidi. Bdew jgħidu kontra l-appostli, jikkalunjawhom. Il-kalunja.” Dan huwa atteġġjament li niltaqgħu miegħu fil-mixja tal-istorja; huwa propju ta-“gruppi magħluqa li jinnegozjaw mal-poter; li jħollu l-kwistjonijiet ‘bejnietna’. Bħal ma għamlu dawk li fl-għodqa tal-qawmien, meta s-suldati rrikorrew għandhom : ‘Rajna dan,’ imponewlhom minnufih ‘Żommu lsienkom! Hawn aqbdu f’idejkom....’ u bil-flus għattew kollox. Dan huwa propju l-atteġġjament ta’ din ir-reliġjożità magħluqa, li m’għandhiex il-libertà li tinfetaħ għall-Mulej.” Fil-ħajja pubblika tagħhom “biex dejjem jiddefendu l-verità, għaliex jemmnu li jiddefendu l-verità” jagħżlu “l-kalunja, it-tqasqis. Huma tassew komunità qasqasa, li titkellem kontra, li tiddistruġġi lill-ieħor” u jħarsu biss lejhom infushom, bħallikieku kienu jistennu taħt ħajt. “Għall-kuntrarju l-komunità libera - ġegħlhom jinnutaw il-Papa - bil-libertà ta’ Alla u tal-Ispirtu Santu, kienet timxi ‘l quddiem. Ukoll fil-persekuzzjonijiet. U l-kelma tal-Mulej kompliet tinfirex fir-reġgjonijiet kollha. Huwa propju tal-komunità tal-Mulej li tkompli tavanza, tinfirex, għaliex it-tajjeb huwa hekk: jinfirex dejjem! It-tajjeb ma jintlewiex ġewwa. Dan huwa kriterju, kriterju ta’ Knisja. Ukoll għall-eżami tagħna tal-kuxjenza: kif inhuma l-komunitajiet tagħna, il-komunitajiet reliġjużi, il-komunitajiet parrokkjali? Huma komunitajiet miftuħa għall-Ispirtu Santu, li dejjem jimbuttana ‘l quddiem biex inferrxu l-kelma ta’ Alla jew huma komunitajiet magħluqa?”

Il-persekuzzjoni - żied imbagħad il-Papa - tibda minħabba mottivi reliġjużi, minħabba l-għira, imma wkoll minn kif nitkellmu: “il-komunità tal-kredenti, dik libera tal-Ispirtu Santu, titkellem bil-ferħ. Id-dixxipli kienu mimlijin ferħ tal-Ispirtu Santu. Jitkellmu bi sbuħija, jiftħu toroq: dejjem ‘il quddiem, le? Għall-kuntrarju l-komunità magħluqa, sikura minnha nfiha, dik li tfittex is-sikurezza propju fl-innegozzjar mal-poter, fil-flus, titkellem bi kliem li jweġġà, tinsulenta, tikkundanna.”

U biex jenfasizza n-nuqqas ta’ mħabba fil-komunitajiet hekk imsejħa magħluqin il-Papa Franġisku ressaq id-dubju li dawn in-nies “jistà jkun li jinsew iż-żegħil tal-omm, meta kienu żgħar. Dawn il-komunitajiet ma jafux b’żegħil; jafu li jinħtieġu, li jagħmlu, li jingħalqu f’osservanza apparenti. Ġesù kien qalilhom: ‘Intom qiskom qabar, qiskom sepulkru, abjad, sabiħ, imma xejn iktar.’ Naħsbu llum dwar il-Knisja, tant sabiħa. Din Knisja li miexja ‘l quddiem. Naħsbu dwar tant ħutna li tant qiegħdin ibatu għal din il-libertà tal-Ispirtu, u jsofru persekuzzjonijiet, issa, f’tant partijiet. Imma dawn l-aħwa, fit-tbatija, huma mimlija ferħ u Spirtu Santu. Dawn ħutna, dawn il-komunitajiet miftuħa, missjunarji, jitolbu lil Ġesù għaliex jafu li huwa minnu dak li qal u li smajna issa. ‘Kwalunkwè ħaġa li titolbu f’ismi, jien nagħmilha.’ It-talba lil Ġesù. Il-komunitajiet magħluqa jitolbu lill-poteri tad-dinja sabiex jgħinuhom. U dik mhix it-triq it-tajba. Inħarsu lejn Ġesù li jibg hatna nevanġelizzaw, biex inħabbru ismu bil-ferħ, mimlija bil-ferħ. Ma nibżgħux mill-ferħ tal-Ispirtu. U qatt u qatt ma nitħalltu f’dawn il-ħwejjeġ li, fl-aħħar minn l-aħħar, iwassluna biex ningħalqu fina nfusna. F’dan l-għeluq mhemmx il-fertilità u l-libertà tal-Ispirtu.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.