Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Il-Knisja ma nistgħux inqisuha bħala sempliċi organizzazzjoni umana It-Tnejn 27 ta’ Jannar 2014 Il-Knisja ma nistgħux inqisuha bħala sempliċi organizzazzjoni umana: id-differenza tinsab fid-dilka li tagħti lill-isqfijiet u lis-saċerdoti il-qawwa tal-Ispirtu biex iservu lill-poplu t'Alla. Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Il-Papa radd ħajr lin-numru kbir ta' saċerdoti qaddisin li fis-satra, jissagrifikaw ħajjithom bis-servizz li jagħtu ta' kuljum.
F'kumment dwar l-ewwel qari li fih naraw li t-tribuwijiet ta' Iżrael jidilku lil David bħala s-sultan tagħhom, il-Papa spjega t-tifsir spiritwali tad-dilka. Mingħajr din id-dilka, afferma Franġisku, David kien ikun qiesu kap ta' ażjenda jew tar-Renju ta' Iżrael qiesu li dan kien xi għaqda politika. David kien ikun sempliċiment “organiżżatur politiku”.
Iżda wara d-dilka, l-Ispirtu tal-Mulej jinżel f'David u jibqa' miegħu. L-Iskrittura tgħid: David baqa' dejjem jikber fil-qawwa u l-Mulej Alla tal-eżerċti kien miegħu. Din hi d-differenza li tagħmel id-dilka osserva l-Qdusija Tiegħu. Il-midluk hu bniedem magħżul mill-Mulej. L-istess jiġri fil-Knisja lill-isqfijiet u lis-saċerdoti. L-isqfijiet ma jkunux magħżulin biss biex imexxu xi organiżżazzjoni bħal, ngħidu aħna l-Knisja partikolari, imma huma midlukin, għandhom id-dilka tal-Ispirtu tal-Mulej li qiegħda magħhom. Imma l-isqfijiet kollha, aħna lkoll, midinbin, ilkoll! Imma aħna midlukin. Ilkoll irridu nkunu qaddisin ġurnata aktar minn oħra u nkunu fidili għal din id-dilka. U hu dak li jagħmel il-Knisja,dak li jagħtiha l-għaqda, hu l-isqof li jagħmel dan f'isem Ġesù Kristu, għax hu midluk u mhux għax xi maġġornaza ivvutatlu. Għax hu midluk. F'din id-dilka, l-Knisja partikolari ssib il-qawwa tagħha. U mal-isqof jipparteċipaw ukoll is-saċerdoti li huma midlukin ukoll.
Id-dilka, kompla l-Papa, tqarreb lill-isqfijiet u lis-saċerdoti lejn il-Mulej u ttihom il-ferħ u l-qawwa li jmexxu 'l quddiem lill-poplu, li jgħinuh, li jgħixu għas-servizz tal-poplu. Tagħti l-ferħ li wieħed iħossu magħżul mill-Mulej, b'dik l-imħabba li biha Hu jħares lejna lkoll. B'hekk, meta naħsbu dwar l-isqfijiet u s-saċerdoti rridu naħsbu fihom bħala bnedmin li għandhom id-dilka.
Għall-kuntrarju il-Knisja ma tistax tinfthiehem, mhux biss ma tinfthiehemx imma lanqas wieħed jista' jispjega kif il-Knisja tista' timxi 'l quddiem bil-ħiliet umani waħedhom. Din id-djoċesi timxi 'l quddiem għax għandha poplu qaddis, u tant affarijiet oħra, imma ukoll għax bniedem li għandu d-dilka jmexxiha u jgħina tikber.
Din il-parroċċa timxi għax għandha tant organiżżazzjonijiet, tant affarijiet, imma għax għandha ukoll saċerdot midluk li jmexxiha. U aħna, mill-istorja nafu biss biċċa żgħira għax kemm isqfijiet qaddisin, kemm saċerdoti, kemm patrijiet qaddisin ħallew ħajjithom minħabba s-servizz lejn id-djoċesi, lejn il-parroċċa. Kemm nies irċivew il-qawwa tal-fidi, il-qawwa tal-imħabba, it-tama mingħand dawn il-kappillani anonimi li aħna lanqas nafuhom. Hemm tant u tant minnhom! Huma bosta, qal il-Papa Franġisku, il-kappillani tal-knejjes tal-kampanja u tal-ibliet, li bid-dilka tagħhom saħħew il-poplu tagħhom, tawh id-duttrina, is-sagramenti, jiġifieri l-qdusija.
Imma padre, jien qrajt fil-gażżetta li isqof, saċerdot, għamel din jew dik il-ħaġa! Iva, anki jien qrajtu dan, imma għiduli, fil-ġurnali jaslu l-aħbrijiet dwar dak li jagħmlu tant saċerdoti, tant partijiet fil-parroċċi tal-kampanja u tal-ibliet? Kemm jagħmlu karità u xogħol biex imexxu 'l quddiem lill-poplu fdat f'idejhom?
Le, hux? Dak ma jasalx fl-aħbarijiet, qal il-Papa.
Id-dinja dejjem l-istess: aktar tagħmel ħoss siġra li taqa' mill-foresta
sħiħa li qed tikber. Illum, aħna u naħsbu dwar id-dilka ta' David,
jagħmlilna tajjeb niftakru fl-isqfijiet tagħna u fis-saċerdoti
kuraġġużi tagħna, qaddisin, twajbin u fidili, u nitolbu għalihom.
Hu bis-saħħa tagħhom li llum ninsabu hawn, temm il-Papa. |