Omelija tal-Papa Franġisku F’Dar Santa Marta

Biex nagħrfu lil Ġesù

Il-Ħamis, 26 ta’ Settembru 2013

Biex nagħrfu tassew lil Ġesù hemm bżonn li nitkellmu miegħu, niddjalogaw miegħu waqt li nsegwu fuq triqtu. Il-Papa Franġisku iċċentra propju fuq l-għarfien ta’ Ġesù l-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 26 ta’ Settembru, fil-Kappella ta’ Santa Marta.

Il-Papa ħa spunt mis-silta tal-Vanġelu ta’ Luqa (9, 7-9) li fiha Erodi jistaqsi dwar min hu Ġesù li dwaru tant jismà min jitkellem. Il-persuna ta’ Ġesù, fakkar il-Papa, qanqlet dejjem mistoqsijiet ta’ dan it-tip: «Min hu dan? Minn fejb hu? Naħsbu dwar Nażżaret, per eżempju, fis-sinagoga ta’ Nażżaret, meta mar hemm l-ewwel darba: imma fejn tgħallem dawn il-ħwejjeġ? Aħna nafuh sewwa: huwa bin il-mastrudaxxa. Naħsbu dwar Pietru u l-Appostli wara dik it-tempesta, dak ir-riħ li Ġesù sikket. Imma min hu dan li saħansitra is-sema u l-art, ir-riħ, ix-xita, it-tempesta jobduh? Imma min hu?».

Mistoqsijiet, spjega l-Papa, li jistgħu jsiru b’kurżità jew biex ikollok sikurezza dwar kif għandek iġġib ruħek quddiemu. Jibqà madankollu l-fatt li kull min jaf lil Ġesù jagħmel dawn il-mistoqsijiet. Anzi, «xi wħud — kompla l-Papa waqt li reġà dar għas-silta evanġelika — nibdew inħossu biżà minn dan il-bniedem, għaliex jistà jwassal għall-konflitt mar-Rumani;» u allura jaħsbu li ma jagħtux kasu kemm jistgħu  «dan il-bniedem li joħloq tant problemi».

U għaliex, staqsa l-Papa, Ġesjoħloq il-problemi? «Ma tistax tagħraf lil Ġesù — kienet it-tweġiba tiegħu — mingħajr ma jkollok problemi». B’mod paradossali, huwa żied, «jekk trid li jkollok problema, kompli miexi fit-triq li twasslek biex tagħraf lil Ġesù» u allura jitqanqlu tant problemi. Hu xinhu, lil Ġesu ma tistax tagħrfu «fl-ewwel klassi» jew «fit-trankwillità», wisq inqas «fil-bibbjoteka». Lil Ġesù tagħrfu biss fil-mixja ta’ kuljum tal-ħajja.

U nistgħu nagħrfuh, saħaq il-Qdusija Tiegħu, «ukoll fil-katekiżmu. Dan huwa minnu! Il-katekiżmu — huwa ppreċiża — jgħallimna tant affarijiet dwar Ġesù u hemm bżonn li nistudjawh, hemm bżonn li nitgħallmuh. Hekk nitgħallmu li Bin Alla ġie biex isalvana u nifhmu mis-sbuħija tal-istorja tas-salvazzjoni l-imħabba tal-Missier». Jibqà iżda l-fatt li l-għarfien ta’ Ġesù wkoll permezz tal-katekiżmu «mhuwiex biżżejjed»: li ssir tafu b’moħħok huwa diġa pass ‘il quddiem, imma «lil Ġesù hemm bżonn li nagħrfuh fid-djalogu miegħu, fit-talb, għarkupptejna. Jekk ma titlobx, jekk ma titkellimx ma’ Ġesù — huwa qal — int ma tagħrfux».

Hemm fl-aħħarnett it-tielet triq biex tagħraf lil Ġesù: «Din hija s-sekwenza, li tmur miegħu, li timxi miegħu, timxi t-toroq tiegħu». U waqt li timxi miegħu, tagħraf lil «Ġesù bil-lingwaġġ tal-ażzjoni. Jekk inti tagħraf lil Ġesù b’dawn it-tliet lingwaġġi: tal-moħħ, tal-qalb, tal-azzjoni, allura tkun tistà tgħid li għaraftu lil Ġesù». Li tagħmel dan it-tip ta’ għarfien jinvolġi l-konvolġiment personali. «Ma tistax tagħraf lil Ġesù — reġ1 tenna l-Papa — mingħajr ma tivolvi ruħek miegħu, mingħajr ma tilgħab ħajtek għalih». Mela biex tagħrfu tassew hemm bżonn li taqra «dak li l-Knisja tġhid dwaru, titkellem miegħu u timxi għal għonq triqtu miegħu». Din hija t-triq u «kull wieħed — huwa temm jgħid — irid jagħmel l-għażla tiegħu».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.