Omelija tal-Papa Franisku

Il-fidi mhix ingann

Il-Ġimgħa, 26 ta’ April 2013

Il-fidi mhix aljenazzjoni, lanqas mhi ingann, imma hija mixja konkreta ta’ sbuħija u ta’ verità, imfassla minn Ġesù, biex tħejjijlna l-għajnejna biex jiffissaw bla ebda nuċċali “il-Wiċċ meraviljuż ta’ Alla” fil-post definittiv li hemm imħejji għal kull wieħed u waħda minna. Hija stedina biex ma ninħakmux mill-biżà u biex ngħixu l-ħajja bħala tħejjija biex naraw aħjar, nisimgħu aħjar u nħobbu iktar dak li l-Papa Franġisku xandar fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata il-Ġimgħa filgħodu, 26 ta’ April, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

Il-Papa franġisku ċċentra l-omelija fuq il-pass evanġeliku ta’ San Ġwann (14, 1-6): “Tħallux qalbkom titħawwad. Ikollkom fidi f’ ukoll ikollkom fidi fija. F’dar Missieri hemm bosta djar. Ki kieku mhux hekk, kont se ngħidilkom: ‘Sejjer biex inħejjilkom post?’ Meta nkun mort u nkun ħejjejtilkom post, nerġà niġi u neħodkom miegħi sabiex fejn inkun jien tkunu intom ukoll. U dwar il-post fejn se nmur jien, intom tafu t-triq.”

“Dawn il-kliem ta’ Ġesù - ikkummenta l-Papa - huma propju kliem tassew sbieħ. F’waqt ta’ firda, Ġesù jkellem lid-dixxipli tiegħu propju mill-qalb. Huwa jaf li d-dixxipli tiegħu huma mdejqa, għaliex jintebħu li l-affarijiet mhumiex sejrin tajjeb.” Hekkhu. Mela, li Ġesù jinkuraġġihom, iqawwilhom qalbhom, jassikurahom, jipproponilhom orrizzont ta’ tama: ‘La thawdux qalbkom! U jibda jkellimhom hekk, bħala ħabib, ukoll b’atteġġjament ta’ ragħaj. Jiena ngħid: il-mużika ta’ dawn il-kliem ta’ Ġesù hija l-atteġġjament tar-ragħaj, bħal ma r-ragħaj jagħmel mal-ħrief tiegħu. ‘La thawdux qalbkom. Ikollkom fidi f’Alla u jkollkom fidi wkoll fija’.”

Meta jippronunzja dawn il-kliem, skont in-narrazzjoni evanġelika ta’ San Ġwann, Gesù - qal il-Papa - “jibda jitkellem: dwar xiex? Dwar is-sema, dwar il-Patrija definittiva. ‘Ikollkom fidi wkoll fija: jien nibqà fidil’ donn bħallikieku jrid jgħid dan.” U waqt li juża l-metafora, il-figura tal-inġinier, tal-perit jgħidilhom dwar dak li se jmur biex jagħmel: ‘Se nmur inħejjilkom post, f’dar Missieri hemm bosta djar.’ U Ġesù jmur biex iħejjilna post.

“Kif inhi - staqsa l-Papa Franġisku - din it-tħejjija? Kif se ssir? Kif inhu l-post? Xi tfisser iħejjilna l-post? Jikrilna kamra hemm fuq?” Iħejjilna l-post ifisser “iħejjilna l-possibiltà tagħna ta’ tgawdija, il-possibiltà tagħna li naraw, li nħossu, li nifhmu s-sbuħija ta’ dak li jistenniena, ta’ dik il-patrija li lejha ninsabu mexjin.”

“U l-ħajja nisranija kollha - kompla l-Papa - hija xogħol ta’ Ġesù, tal-Ispirtu Santu biex iħejjilna post, iħejjilna għajnejna biex inkunu nistgħu naraw.” “ ‘Imma, Missier, jien nara sewwa! M’għandix bżonn in-nuċċali!’ Imma dik hija viżjoni oħra. Naħsbu dwar dawk li huma morda bil-kataretta u għandhom bżonn li joperaw din il-kataretta: huma jaraw, imma wara l-intervent x’jgħidu? ‘Qatt ma ħsibt li stajt nara hekk, mingħajr nuċċali, tant tajjeb!’ Għajnejna, l-għajnejn ta’ qalbna għandhom bżonn, jinħtieġu li jkunu mħejjija biex iħarsu lejn dak il-wiċċ meraviljuż ta’ Ġesù.” Mela, hemm bżonn li “nħejju s-smigħ biex inkunu nistgħu nisimgħu l-affarijiet sbieħ, il-kliem sabiħ. U prinċipalment inħejju qalbna: inħejju qalbna biex inħobbu, inħobbu iktar.”

“Fil-mixja tal-ħajja - spjega l-Papa - il-Mulejn dejjem jagħmel dan: bil-provi, bil-konsolazzjoni, bit-tribulazzjonijiet, bl-affarijiet tajbin. It-triq kollha tal-ħajja hija mixja ta’ tħejjija. Xi minn daqqiet il-Mulej irid jagħmlu bil-għaġġla, bħal ma għamel mal-ħalliel it-tajjeb: kellu biss ftit minuti biex iħejjih u hekk għamel. Imma n-normalità tal-ħajja tmur hekk: inħallu li jiġu mħejjija, il-qalb, l-għajnejn, is-smigħ biex naslu f’din il-patrija. Għaliex dik hija l-patrija tagħna.”

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ biex ma nitilfux minn quddiem għajnejna din id-dimensjoni fundamentali ta’ ħajjitna u tal-mixja ta’ fidi u tal-oġgezzjonijiet ta’ min ma jagħrafx prospettiva tal-eternità: “ ‘Imma, Missier, jien mort għand filosfu u qalli li dawn il-ħsibijiet kollha huma aljenazzjoni, li aħna aljenati, li l-ħajja hija din, il-konkret, u hemmhekk ħadd ma jaf xinhu.....’ Xi wjaħsbuha hekk. Imma Ġesù jgħidilna li mhux hekk u jgħidilna: ‘ikollkom ukoll fidi fija. Dan li ngħidilkom jien huwa l-verità: jien ma nidħakx bikom, jien ma ningannakomx.’ Aħna mexjin lejn il-patrija tagħna, aħna ulied tar-razza ta’ Abraham, kif jgħid San Pawl fl-ewwel qari” (Atti tal-Appostli 13, 26-33).

“U minn żmien Abraham - sostna l-Papa - ilna nimxu, b’dik il-wegħda tal-patrija definittiva. Jekk inmorru naqraw il-kapitolu 11 tal-ittra lil-Lhud insibu dik il-figura sabiħa tal-antenati tagħna, ta’ missirijietna, li għamlu din il-mixja lejn il-patrija u sellmulha mill-bogħod.” U “din mhix aljenazzjoni: din hija l-verità, dan huwa li nħallu li Ġesù jħejjilna qalbna, għajnejna għal dik is-sbuħija hekk kbira. Hija l-mixja tas-sbuħija. Ukoll il-mixja tar-ritorn lejn il-patrija.”

Il-Papa ikkonkluda l-omelia billi awspika “li l-Mulej jagħtina din it-tama qawwija” u “jagħtina wkoll il-kuraġġ li nsellmu lill-patrija mill-bogħod.” U fl-aħħarnett “jagħtina l-imiltà li nħallu li nkunu mħejjija, jiġifieri li nħallu lill-Mulej iħejji d-dar, id-dar definittiva, f’qalbna, f’għajnejna u fis-smigħ tagħna.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.