Omelija tal-Papa Franġisku minn DarSanta Marta

Il-kuraġġ tal-għażliet definittivi

It-Tnejn, 25 ta’ Novembru 2013

Kemm-il darba l-insara — dawk li huma «ppersegwitati llum» jew ukoll biss «ommijiet u missirijiet ta’ familja» — isibu lilhom infushom f’ «sitwazzjonijiet tal-limitu»? U, kostretti li jagħmlu għażliet definittivi, jagħżlu madankollu lill-Mulej? Dan staqsieh il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata it-Tenejn filgħodu, 25 ta’ Novembru, ġo Santa Marta, waqt li enfasizza li din madankollu hija għażla diffiċli, li għaliha jinħtieġ li nitolbu ‘l Alla il- «grazzja tal-kuraġġ».

Il-Papa irrifera qabel xejn għas-silta liturġika meħuda minn ktieb tal-Profeta Danjel (1,1-6; 8-20), li fiha nsibu rrakkuntat dwar diversi żgħażagħ li sabu l-kuraġġ li jirrifjutaw ikel kontaminat impost mis-sultan u jiksbu li jkunu mitmugħa bil-moħbi b’ilma u ħxejjex biss. Il-Mulej ipatti għal din il-fedeltà tagħhom billi jgħinhom jiżviluppaw fiżiku u moħh iktar ħafif minn tal-oħrajn kollha, tant li jaslu li jkunu ffavoriti mis-sultan innifsu. Dawk iż-żgħażagħ innota l-Qdusija Tiegħu, kienu «fil-limitu għaliex skjavi, xejn ma kien iktar sikur, linqas il-ħajja. Ninsabu fil-limitu».

L-Isqof ta’ Ruma imbagħad reġà1 fakkar l-episodju tal-Vanġelu ta’ Luqa (21, 1-4) li fih nitkellmu dwar l-elemożina tal-armla, li linqas ma għandha biex tiekol hi stess bdanakollu toffri dak kollu li għandha.  «Ġesù — rnfasizza l-Papa — jgħid li kienet fil-miżerja. F’dak iż-żmien ir-romol ma kellhomx il-pensjoni ta’ żwieġhom, kienu fil-miżerja. Kienu fil-limitu». Mela dawk iż-żgħażagħ u dik l-armla kienu fil-limitu meta sabu ruħhom li jridu jieħdu deċiżjoni.

«L-armla — innota l-Papa — marret fit-tempju biex tadura lil Alla, biex tgħid lill-Mulej li huwa fuq kollox u li hija tħobbu». Tħoss li għandha tagħmel ġest għall-Mulej u «tagħti dak kollu li kellha biex tgħix». U dan il-ġest tagħha «huwa xi ħaġa iktar minn ġenerożità, huwa xi ħaġa oħra». Tagħżel tajjeb: il-Mulej biss. Għaliex «tinsa lilha nfisha. Setgħet tgħid: imma, Mulej, inti taf, għandi bżonn dawn il-flus għall-ħobż tallum... U dik il-munita terġ1 lura fil-but. Minflok għażlet li tadura lill-Mulej sal-aħħar».

Ukoll iż-żgħażagħ kellhom il-possibiltà li jsibu «soluzzjoni ta’ emerġenza, biex ngħidu hekk, għas-sitwazzjoni tagħhom», żied l-Isqof ta’ Ruma. Setgħu fil-fatt jgħidu: «Imma aħna skjavi. Il-liġi hawn ma nistgħux inwettquha, hemm bżonn nibżgħu għal ħajjitna, ma nirqaqux, ma nintlewx bil-mard... mela nieklu!». Minflok «qalu le. Għamlu għażla: il-Mulej». U kienu hekk intelliġenti li jsibu triq biex jibqgħu fidili, ukoll f’kuntest diffiċli.

Żgħażagħ u armka, ġibed l-attenzjoni l-Qdusija Tiegħu, «issugraw. Fis-sogru tagħhom għażlu lill-Mulej». Dan għamluh bil-qalb, mingħajr interessi personali u mingħajr tlaqliq. Afdaw fil-Mulej. U dan ma għamluhx — innota l-Papa Franġisku — b’fanatiżmu, «imma għaliex kienu jafu li l-Mulej huwa fidil. Afdaw f’dik il-fedeltà li tinsab dejjem hemm». Għaliex «il-Mulej huwa dejjem fidil», minħabba «li ma jistax jiċħad lilu nnifsu».

Nafdaw fil-fedeltà tal-Mulej: din hija għażla — qal il-Papa — «li wkoll aħna għandna l-opportunità li nagħmlu fil-ħajja nisranija tagħna». Kultant tkun «għażla kbira, diffiċli». Fl-istorja tal-Knisja, u wkoll fi żmienna, insibu rġiel, nisa, anzjani, żgħażagħ li jagħmlu din l-għażla. Aħna nindunaw  «meta nsiru nafu l-ħajja tal-martri, meta naqraw fil-ġurnali l-persekuzzjonijiet tal-insara, illum. Naħsbu f’dawn hutna rġiel u nisa li jinsabu f’sitwazzjonijiet fil-limitu u li jagħmlu din l-għażla. Huma qegħdin jgħixu f’dan iż-żmien. Huma eżempju għalina. Huma jinkuraġġuna biex nitfgħu fit-teżor tal-Knisja dak kollu li għandna biex ngħixu».

Waqt li reġà lura għaż-żgħażagħ tal-ktieb tal-Profeta Danjel, il-Qdusija Tiegħu ġibed l-attenzjoni li l-Mulej «jgħinhom u joħroġhom mid-diffikultajiet; u jirbħu u jaslu għal tmiem sabiħ». Il-Mulej jgħin ukoll lill-armla tal-Vanġelu ta’ Liqa, «għaliex wara t-tifħir ta’ Ġesù, Alla jfaħħarha:  fis-sewwa ngħidilkom, din l-armla... Din hija rebħa. Iġġegħlna naħsbu f’dawn ħutna rġiel u nisa li tul l-istorja kollha, kif ukoll illum, jagħmlu għażliet definittivi». Il-Papa stieden biex naħsbu, b’mod partikulari, f’«tant ommijiet u f’tant missirijiet ta’ familja li kuljum jagħmlu għażliet definittivi biex ikomplu għaddejjin flimkien mal-familji tagħhom, flimkien ma’ wliedhom. U dan huwa teżor fil-Knisja». Quddiem il-ħafna li wkoll illum ikomplu jagħtuna xhieda, ikkonkluda, «nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ. Tal-kuraġġ biex inkomplu mexjin ‘il quddiem f’ħajjitna nisranija, fl-affarijiet ta’ kuljum u fis-sitwazzjonijiet fil-limitu».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.