Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Inħarsu lilna nfusna mill-vanità li tbegħedna mill-verità u tagħmilna qiesna bżieżaq tas-sapun. Il-Ħamis, 25 ta' Settembru 2014
Inħarsu lilna nfusna mill-vanità li tbegħedna mill-verità u tagħmilna qiesna bżieżaq tas-sapun. Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Il-Papa ħa spunt mill-qari meħud mill-Ktieb ta’ Koħelet u saħaq li anki meta jkunu qed jagħmlu l-ġid, l-Insara jridu jaħarbu t-tentazzjoni li jidhru. Jekk fik mhemmx xi ħaġa li hija konsistenti, anki int tgħaddi bħalma jgħaddi kollox. Din is-silta mill-Ktieb ta’ Koħelet tat l-okkażjoni lill-Papa biex jitkellem dwar il-vanità.
Hija tentazzjoni, osserva Franġisku, li mhix limitata biss għall-pagani imma thedded anki lill-Insara, lill-bnedmin ta’ fidi. Il-Papa fakkar li lil min kien jiftaħar, Ġesù kien iċanfru ħafna. Lid-dutturi tal-liġi kien jgħidilhom li m’għandhomx joqgħodu jippassiġġaw fil-pjazez b’ilbies għani qieshom prinċpijiet.
Meta titlob, wissa l-Mulej, jekk jogħġbok għamel dan fis-satra, titlobx biex jarawk in-nies, itlob fil-moħbi, mur f’kamartek. L-istess ħaġa tgħodd, żied il-Papa, meta aħna ngħinu lill-foqra. Iddoqqx trombi, għamel dan bil-moħbi. Il-Missier jarah u dan ikun biżżejjed.
Imma l-vanituż jgħid: ara jien se nagħti daċ-ċekk għall-ħtiġijiet tal-Knisja u juri ċ-ċekk, imbagħad min-naħa l-oħra jqarraq bil-Knisja. Il-vanituż jagħmel dan: jgħix biex jidher.
Meta ssum, jgħid il-Mulej, jekk jogħġbok toqgħodx tqarras wiċċek, tidhirx imdejjaq biex kulħadd jinduna bik li qed issum. Le, sum bil-ferħ, għamel il-penitenza bil-ferħ biex ħadd ma jinduna. Il-vanità hekk hi: tgħix biex tidher. L-Insara li jgħixu hekk, kompla l-Papa, biex jidhru, għall-vanità, jkunu qieshom paguni, jiftaħru. Hemm min jgħid: jiena Nisrani, jien niġi minn dak il-qassis, minn dik is-soru, minn dak l-isqof, il-familja tiegħi hija familja Nisranija. Jiftaħru. Imma, staqsa l-Papa, ħajtek mal-Mulej? Kif titlob? Ħajtek u l-opri tal-ħniena kif jimxu flimkien? Tmur iżżur lill-morda? Għal din ir-raġuni Ġesù, kompla l-Qdusija Tiegħu, jgħidilna li rridu nibnu darna fuq il-blat, fuq il-verità. Iżda, kien widdeb, il-vanitużi jibnu darhom fuq ir-ramel u dik id-dar taqa’, dik il-ħajja nisranija taqa’, tiżloq għax m’għandiex ħila tegħleb it-tentazzjonijiet.
Kemm Insara jgħixu biex jidhru, kompla jgħid. Ħajjithom tidher qisha bużżieqa tas-sapun. Sabiħa l-bużżieqa tas-sapun, ikollha ħafna kuluri! Imma ddum sekondi …. u wara?...... Anki meta nħarsu lejn monumenti funebri, naraw li hija vanità għax il-verità hi li aħna mmorru lura lejn l-art għerja, kif kien jgħid il-Qaddej t’Alla Pawlu VI. L-art għerja tistenniena, din hi l-verità finali tagħna. Sadattant jien qed niftaħar jew qed nagħmel xi ħaġa? Nagħmel il-ġid? Infittex lil Alla? Nitlob? Dawn huma l-ħwejjeġ konsistenti. Il-vanità hi giddieba, fantażjuża, tinganna lilha nnifisha, tinganna lill-vanituż, għax l-ewwel tagħmel tabirruħha li hija xi ħaġa u dak li jkun jibda jaħseb li sar importanti u jibda jemmen dan, miskin!
Dan hu dak li ġara lit-Tetrarka Erodi li, kif jgħidilna l-Vanġelu tallum, kien imaħħaħ il-ħin kollu dwar l-identità ta’ Ġesù. Il-vanità, qal il-Papa, tiżra’ l-inkwiet, tneħħi l-paċi. Hija bħal dawk in-nies li jagħmlu l-make-up u mbagħad jibżgħu li x-xita se tneħħilhom dak kollu li jkollhom fuq wiċċhom. Il-vanità ma tħalliniex fil-paċi, il-verità biss ittina l-paċi.
Franġisku mbagħad tenna li l-unika blata li fuqha nistgħu nibnu ħajjitna hi Ġesù. U niftakru li anki d-demonju lil Ġesù fid-deżert ittantah bil-vanità meta qallu: ejja miegħi, ejja mmmorru fuq it-tempju, ejja nagħmlu show; int intefa’ għal isfel u kulħadd jibda jemmen fik. Id-demonju kien ippreżenta l-vanità lil Ġesù fuq platt. Il-vanità, saħaq il-Papa, hija marda spiritwali gravi ħafna.
L-irħib tad-deżert Eġizzjani kienu jgħidu li l-vanità hija tentazzjoni li rridu niġġieldulha tul ħajjitna kollha, għax dejjem terġa’ lura lejna biex teħdilna l-verità. U biex jispjegaw dan kienu jgħidu li qiesha basla: int teħodha f’idejk u tibda’ tqaxxar saff saff, int tneħħi saff vanità llum, ieħor għada u tqatta’ ħajtek tneħħiha saff saff biex tegħlibha. U fl-aħħar tħossok kuntent: neħħejt il-vanità, qaxxart il-basla saff saff, imma f’idjek tibqgħalek ir-riħa. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nkunux vanitużi, li nkunu veri, bil-verità tar-realtà u tal-Vanġelu, temm il-Papa.
|