Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta

Il-loġika tal-qabel u tal-wara

Il-Ħamis, 24 ta’ Ottubru 2013

Jeħtieġ nidħlu fil-«loġika tal-qabel u tal-wara» biex ma nsirux bierda «insara bierda» jew «għall-ilma żahar», jekk mhux saħansitra ipokriti. B’din l-espressjoni effikaċi il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċċelebrata l-Ħamis filgħodu, 24 ta’ Ottubru, fil-kappella ta’ Santa Marta, reġ1 ppropona l-atteġgjament li bih l-insara għandhom jersqu lejn il-misteru tal-fidwa mwettqa minn Ġesù.

Ir- riferiment tal-bidu kien għall-ittra lir-Rumani (6, 19-23), li fiha San Pawl «jipprova jġegħelna nifhmu dak il-misteru hekk kbir tal-fidwa tagħna, tal-maħfra tagħna, tal-maħfra ta’ dnubietna fi Kristu Ġesù». L-Appostlu jwissi li mhux faċli nifhmu u nħossu dan il-misteru. Biex jgħinna nifhmuh juża dik li l-Papa ddefiniha bħala «il-loġika tal-qabel u tal-wara: qabel Ġesù u wara Ġesù», hekk bħal ma mqassar fil-kant tal-Vanġelu tal-liturġija tal-jum (Filippin, 3, 8): «Tlaqt kollox u nqisu knis biex niggwadanja lil Kristu u nħossni misjub fih». Għal San Pawl, mela, jgħodd biss Kristu. Huwa, enfasizza l-Papa, «kien iħoss tant qawwi dan: il-fidi li tagħmilna ġusti, tiġgustifikana quddiem il-Missier». Pawlu abbanduna l-bniedem  «ta’ qabel». U sar il-bniedem «ta’ wara» li l-iskop tiegħu huwa li  «jiggwadanja lil Kristu».

Waqt li kompla għaddej bil-kumment dwar l-ittra, il-Qdusija Tiegħu innota kif l-Appostlu jindika «triq biex tgħix skont din il-loġika tal-qabel u tal-wara». Triq deskritta fil-kliem: «Infatti bħal ma  poġgejtu l-membri ta’ ġisimkom għas-servizz tal-impurità u tal-inikwità, hekk issa poġġu l-membri ta’ ġisimkom għas-servizz tal-ġustizzja, għas-santifikazzjoni ».

«Dak li għamel Kristu fina — kompla jgħid il-Papa — hija rikrejazzjoni; id-demm ta’ Kristu reġà ħalaqna, din hija t-tieni rikrejazzjoni. U jekk qabel ħajjitna kollha, ġisimna, ruħna, drawwietna kienu fi triq id-dnub, l-inikwità; wara din ir-rikrejazzjoni hemm bżonn nagħmlu l-isforz biex nimxu fi triq il-ġustizzja, is-santifikazzjoni. Pawlu juża din il-kelma: qdusija. Ilkoll ġejna mgħammda. F’dak il-waqt — konna trabi — il-ġenituri tagħna, f’isimna, għamlu l-att tal-fidi: nemmen f’Ġesù Kristu li ħafrilna dnubietna».

Din il-fidi — ħeġġeġ il-Papa — «hemm bżonn li nqassruha aħna u nġorruha ‘l quddiem bil-mod tal-għixien tagħna. U li tgħix ta’ nisrani jfisser li ġgorr ‘il quddiem il-fidi ta’ Kristu, din ir-rikrejazzjoni. Iġġorr l-opri li jitwieldu minn din il-fidi: iġgorr dawn l-opri għas-santifikazzjoni. Hekk hi: l-ewwel santifikazzjoni li wettaq Kristu, l-ewwel santifikazzjoni li rċivejna fil-Magħmudija, hemm bżonn li tikber, hemm bżonn li tkompli miexja ‘l quddiem».

Fir-rejaltà, ammetta l-Qdusija Tiegħu,  «aħna debboli u tant drabi nagħmlu d-dnubiet». Dan ifisser li m’aħniex fit-triq tas-santifikazzjoni? «Iva u le» wieġeb il-Papa Franġisku. U mbagħad spjega: «Jekk inti ddarri lilej innifsek g ħajja ftit li xejn hekk u tgħid: “Nemmen f’Ġesù Kristu imma ngħix kif irrid”», allura «dan ma jqaddsikx, ma jgħoddx, huwa kontra kull sens». Imma «jekk tgħid: “Jien iva, jien midneb; jien dgħajjef”.» u tmur dejjem għand il-Mulej u tgħid: “Mulej, int għandek il-qawwa, tini l-fidi; int tistà tfejjaqni”» permezz tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, allura «ukoll l-imperfezzjonijiet tagħna jidħlu f’din it-triq tas-santifikazzjoni».

Mela hemm dejjem dan il-qabel u l-wara: Dunque «L-ewwel, l-att tal-fidi. Qabel l-aċċettazzjoni ta’ Ġesù Kristu li ħalaqna mill-ġdid b’demmu konna fit-triq tal-inġustizzja; wara, ninsabu fit-triq tas-santifikazzjoni, imma hemm bżonn li neħduha bis-serjetà». Dan ifisser, speċifika l-Papa, li nagħmlu «opri ta’ ġustizzja». Qabel xejn naduraw lil Alla; u mbagħad «nagħmlu dak li jipproponilna Gesù: ngħinu lill-oħrajn, nitimgħu lil dawk bil-ġuħ, nisqu lil dawk bil-għatx, inżuru l-morda, inżuru l-kalzrati. Dawn l-opri huma dawk li Ġesù għamel tul ħajtu, opri ta’ ġustizzja, opri ta’ rikrejazzjoni. Meta aħna nitimgħu bniedem bil-ġuħ nerġgħu noħolqu fih it-tama u l-istess fl-oħrajn. Imma jekk aħna naċċettaw il-fidi u mbagħad ma ngħixuhiex, aħna nsara biss, imma tat-tifkira: iva, iva ġejna mgħammda, din hija l-fidi tal-Magħmudija; imma ngħix kif nistà».

Mingħajr din il-kuxjenza tad-qabel u tal-wara, «il-kristjaneżmu tagħna ma jgħodd għal ħadd». Anzi, issir «ipokresija: insejjaħ lili nnifsi nisrani, imma ngħix bħal pagan. Kultant ngħidu: insara ta’ nofs kedda», li ma jikkunsidrawx serjament il-fatt li aħna «imqaddsin bid-demm ta’ Kristu». U jekk ma niħdux bis-serjetà din il-qdusija, insiru bħal dawk li l-Papa ddefenixxa  bħala «insara bierda: iva iva, le le le... Huwa ftit kif kienu jgħidu ommijietna, insara tal-ilma żahar; ftit hekk, daqsxejn żebgħa nisranija, daqsxejn żebgħa ta’ katekeżi, imma ġewwa mhux tassew li jkun hemm konverżjoni, mhemmx din il-konvinzjoni ta’ Pawlu: Kollox abbandunajt u nqisu bħala knis, biex nikseb lil Kristu u nsib lili nnifsi fih».

Din, żied l-Isqof ta’ Ruma, kienet, «il-passjoni ta’ Pawlu». U din hemm bżonn li tkun «il--passjoni tan-nisrani: jitlaq dak kollu li jbiegħdu minn Kristu, il-Mulej, jitlaq dak kollu li jbiegħdu mill-fidi fih, mill-att tal-fidi fir-rikrejazzjoni permezz ta’ demmu. U magħmlu kollox ġdid. Kollox huwa novità fi Kristu. Kollox huwa ġdid ».

Dan huwa oġġettiv possibbli?  «Iva» wieġeb il-Papa, waqt li spjega: «Pawlu dan għamlu. Tant insara għamluh u jagħmluh. Mhux biss il-qaddisin, dawk li nafu; ukoll il-qaddisin anonimi, dawk li jgħixu l-kristjaneżmu tagħhom bis-serjetà. Forsi d-domanda li jmissna nagħmlu llum hija: “irrid ngħix il-kristjaneżmu tiegħi bis-serjetà? Nemmen li kont maħluq mill-ġdid permezz tad-demm ta’ Kristu u rrid inġib ‘il quddiem din ir-rikrejazzjoni sal-jum li fih nara l-belt il-ġdida, il-ħolqien il-ġdid? Jew jien minn dawk ta’ nofs kedda?”».

«Nitolbu lil San Pawl, li jkellimna llum b’din il-loġika tal-qabel u tal-wara — għalaq diskorsu l-Papa — li jagħtina l-grazzja li ngħixu tan-nsara bis-serjetà, li nemmnu tassew li ġejna mqaddsapermezz tad-demm ta’ Ġesù Kristu».

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.